'Konna qisna f'żona ta' gwerra, b'atmosfera devastanti'... Il-kontinġent Malti jirritorna lura mit-Turkija

Iċ-Chief Assistance and Rescue Officer, Kevin Pace jirrakkonta li minkejja s-sitwazzjoni, in-nies tal-lokal għamlu minn kollox biex jilqgħu lill-Maltin

Ftit mumenti ilu rritorna l-kontinġent Malti u l-kelb tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li marru t-Turkija jassistu ħaddiema oħra Ewropej wara t-terremoti qawwija, li ħallew aktar minn 30,000 ruħ mejta. 

Iċ-Chief Assistance and Rescue Officer tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, Kevin Pace, saħaq li minkejja li tgħallmu ħafna mill-esperjenza iltaqgħu ma ħafna sfidi u li t-Turkija bħalissa "qisha żona ta' gwerra, b'atmosfera devastanti." 

Ftit minuti wara l-wasla Pace saħaq mal-ġurnalisti li fil-ħidma tagħhom sabu 18-il persuna mejta. Huwa irrakkonta wkoll li f'jum partikolari marru f'sit li xi darba kienet lukanda ta' 14-il sular, li fiha persuna waħda biss kienet maqbuda qalb it-tifrik. "Minkejja li l-ħaddiema kienu diġà marru fuq is-sit u ma kienu sabu lil ħadd, irnexxielna immorru u noħorġuh." Huwa stqarr li kull ġurnata li bdiet tgħaddi għamlitha aktar diffiċli biex isibu persuni ħajjin, mhux biss minħabba t-tifrik iżda wkoll minħabba l-kesħa kbira li affaċċjaw. 

Huwa saħaq li t-tim Malti kien minn tal-ewwel li wasal fuq il-post, "organizzajna ruħna, bdejna naħdmu mill-ewwel u konna effettivi." 

Pace stqarr li filwaqt li bħala pumpiera ġieli ltaqgħu ma esperjenzi simili, din ma kinitx xi ħaġa komuni għalihom. “Meta naħdmu Malta u jkollna bini li waqa’ x-xenarju huwa wieħed simili iżda ovvjament din id-darba kienet fuq skala kbira. Sfida oħra kienet il-lingwa. Għal kwalunkwè ħaġa konnha nkunu bl-interpretu magħna.” Madankollu, innota b’pożittività li dawn l-isifidi se jkomplu jgħinuhom itejbu s-servizz tagħhom u tat-teknika ta’ kif jaħdmu f’sitwazzjonijiet simili.

Apparti minn hekk huwa stqarr li l-kontiġent Malti ġie milqugħ tajjeb ħafna u minkejja li l-persuni tal-lokal kienu qed jgħixu esperjenza ta’ orrur pruvaw kemm felħu biex jilqgħuhom fil-pajjiż.

Spjega li s-servizz tagħhom kien ta' 24 siegħa u kien hemm ħafna sfidi. "Kien hemm ħafna perikli. Apparti minn hekk ridna nkunu kawti ħafna għax kien hemm il-familjari madwarna." 

Mistoqsi biex jagħti parir għat-tieni tim li se jitla t-Turkija huwa sostna li, "l-informazzjoni hija vitali. Wieħed irid ikun jaf għal xiex tiela’ f’dan l-istadju u jamministra t-teknika skont it-task li jkollu." 

Fl-aħħar huwa irringrazzja lit-tim tiegħu li b'mod volontarju telaq kollox, inkluż il-familja, biex imur jagħti sehmu. 

Il-pumpiera milqugħa mill-ġdid f'Malta
Il-pumpiera milqugħa mill-ġdid f'Malta

More in Socjali