Riħ qawwi ħafna u xita: Il-maltempata 'Helios' se tolqot lill-gżejjer Maltin fis-sigħat li ġejjin

Mis-sigħat bikrin ta’ nhar il-Ħamis sal-Ħamis filgħaxija, riħ qawwi ħafna (forza 7) mil-Lvant huwa mbassar li ser jaffettwa lill-Gżejjer Maltin, b’buffuri li mistennijin jilħqu l-45 knot

Il-maltempata li ngħatat l-isem Helios hija mbassra li tolqot lill-Gżejjer Maltin tard matul il-jum tal-Erbgħa, hekk kif dipressjoni li bħalissa tinsab fuq l-Alġerija taqsam għal-Libja u timxi lejn iċ-ċentru tal-Mediterran.

Flwaqt li l-Uffiċċju Meteoroloġiku diġà ħareġ twissija ta’ riħ qawwi, iċ-ċentru ta’ din is-sistema ta’ pressjoni baxxa ser ikun l-eqreb lejn il-Gżejjer Maltin bejn nhar il-Ħamis u l-Ġimgħa. Għaldaqstant, il-kundizzjonijiet tat-temp huma mistennijin li jkomplu jiddeterjoraw għada.

Mis-sigħat bikrin ta’ nhar il-Ħamis sal-Ħamis filgħaxija, riħ qawwi ħafna (forza 7) mil-Lvant huwa mbassar li ser jaffettwa lill-Gżejjer Maltin, b’buffuri li mistennijin jilħqu l-45 knot. Dan ser jaffettwa l-baħar, li mistenni jkun qawwi ħafna għal għoli, b’mewġ li mistenni jlaħħaq il-ħames metri. Il-pubbliku huwa avżat jevita żoni mal-kosta minħabba l-possibbiltà ta’ għargħar.

Aktar tard illum mistennijin naraw żieda fil-frekwenza tal-ħalbiet tax-xita, bil-possibbiltà li dawn il-ħalbiet ikunu akkumpanjati mir-ragħad nhar il-Ħamis. L-Uffiċċju Meteoroloġiku qiegħed jistenna li joħroġ twissijiet oranġjo għax-xita u r-riħ matul il-jum tal-Ħamis.

Kif intgħażel l-isem Helios?

L-Uffiċċju Meteoroloġiku ta’ Malta huwa membru tal-EUMETNET – Storm Naming Central Mediterranean Group, flimkien ma’ uffiċċji oħrajn fl-Italja, is-Slovenja, il-Kroazja, il-Maċedonja ta’ Fuq u l-Montenegro.

Fil-bidu ta’ kull staġun, is-servizzi meteoroloġiċi nazzjonali taċ-ċentru tal-Mediterran jaqblu dwar lista ta’ ismijiet li jiġu ppreżentati f’ordni alfabetika. Dawn imbagħad jintużaw matul staġun partikolari kull darba li maltempata, li tkun se ġġib magħha riħ qawwi u / jew twissijiet ħomor ta’ xita, tolqot lir-reġjun.

L-ewwel pajjiż minn dan il-grupp li jkun ser jintlaqat minn maltempata partikolari jkollu r-responsabbiltà li jħabbarha. Helios hija t-tmien maltempata għall-istaġun tal-2022/2023 li qiegħda titħabbar mill-grupp EUMETNET.

Sistemi li permezz tagħhom il-maltempati jingħataw isem jgħinu sabiex ikun hemm komunikazzjoni aktar effettiva dwar kundizzjonijiet ta’ temp ħżiena li jkunu ser jaffettwaw diversi pajjiżi. 

 

More in Socjali