'Nibża ħafna mid-dimensja għax nibża' li nitlef is-sens ta' identità tiegħi'

Alzheimer Europe janalizza r-riskji soċjali u anke bijoloġiċi, kif ukoll realtajiet kulturali u nuqqas ta' sensittività lejn l-identità sesswali ta' pazjenti bid-dimensja - fatturi li lkoll ipoġġu lin-nisa aktar anzjani u persuni LGBTIQ f'riskji akbar... 

L-infermiera nnutaw kif kienet konfuża jekk kinitx mara jew raġel u kienet tistaqsi, "imma jiena x'jien?" u tħares lejn sidirha u tistaqsi, "dawn minn fejn ġew?" Xi kultant tesprimi ix-xewqa li tilbes ta' mara u tkun indirizzata bħala tali, imma drabi oħrajn bħala raġel. Ftakret li kienet ilha mis-snin 80 tgħix ta' mara wkoll, imma qalet li issa trid tgħix ta' raġel u tiġi indirizzata bħala wieħed u tilbes ilbies ta' raġel. Imma meta mistoqsija liema lbies trid tilbes ippuntat subgħajha lejn l-ilbies tan-nisa.  

Mets mistoqsija għalfejn tixtieq li tidentifika ta' raġel hija wieġbet: "Għax hekk suppost"  u għax kellha pressjoni minn bintha.  

Din mhux storja fittizja imma r-realtà ta' Jamie, anzjana trans ta' 94 sena - li kienet parti minn studju magħmul minn Marshall, Cooper and Rudnick fl-2015 u li jitratta d-dimensja, fosthom, f'persuni trans. 

Id-dimensja hija realtà ta' sfida qawwija kemm għal dawk li jkunu għaddejjin minnha, għal qraba u l-familja - fejn ikun hemm - u anke għall-carers u l-infermiera li jieħdu ħsieb lill-pazjenti b'din il-kundizzjoni. Iktar minn hekk hija realtà li tista' tkun aktar aċċentwata u reali fost diversi minoranzi - inkluż persuni LGBTIQ - mhux biss minħabba diversi fatturi u realtajiet, imma wkoll minħabba li f'ċerti pajjiżi dawn il-minoranzi huma injorati jew saħansitra ppersegwitati.  

Studji diversi juru li hemm elenku sħiħ ta' riskji: Mill-fatt li persuna tkun tgħix waħedha, għal li ma jkollhiex xibka soċjali li tintebaħ bl-ewwel sinjal ta' dimensja, għal realtajiet li dwarhom għad hemm ftit biss studju u li jindikaw kif persuna trans tista' saħansitra "tinsa" it-tranżizzjoni tagħha minn ġeneru għall-ieħor.  

Rapport bl-isem, 'Sex, gender and sexuality in the context of dementia: a discussion paper' minn Alzheimer Europe  juri kif hemm diversi fatturi soċjali li jistgħu jgħollu r-riskji marbuta mad-dimensja, speċjalment fost persuni LGBTIQ u nisa anzjani. Ir-rapport fil-fatt jindika li dawn il-gruppi ta' nies għandhom riskji akbar propju minħabba li hemm iktar persuni 'single' f'dawn il-gruppi u allura r-riskji marbutin ma' ttestjar tard huwa aktar prevalenti, għax tkun iktar nieqsa ix-xibka soċjali tal-qraba li jistgħu jintebħu aħjar bl-ewwel sintomi tal-marda.  

Statistika tal-Eurostat, li jikkwota r-rapport turi kif filwaqt li 40.2% tan-nisa fl-ewropa kienu jgħixu waħedhom, dan il-persentaġġ jinżel għal 21.8% fost l-irġiel. L-istatistika dwar nisa li jgħixu waħedhom tvarja minn 23.4% f'Ċipru għal 50% fid-Danimarka. Ir-rapport ifakkar li dijanjosi kmieni tal-marda twassal għal aċċess, appoġġ, trattamet u kura kif ukoll ippjanar għall-futur.  

Dan in-nuqqas ta' xibka soċjali li jista' jwassal għal dijanjosi tard jiggrava fil-każ ta' persuni LGBTIQ, b'sondaġġ li sar fir-Renju Unit juri illi meta kienu mqabbla 1,000 persuna eterosesswali ma' 1,000 persuna LGBTIQ, irriżulta li dawn tal-aħħar huma ħafna iktar predisposti li jkunu single b'40% ikkumparat ma' 15%. Dan apparti li 41% qalu li jgħixu waħedhom, filwaqt li kienu 28% tal-parteċipanti eterosesswali li wieġbu l-istess. Filwaqt li ftit iktar minn 25% tal-parteċipanti LGBTIQ qalu li għandhom tfal dan il-persentaġġ jitla' għal aktar minn 90% fost il-parteċipanti straight. U finalment kienu inqas minn 25% tal-persuni LGBTIQ - imqabbel ma' aktar minn 50% tal-parteċipanti eterosesswali - li qalu illi jiltaqgħu mal-membri tal-famija tagħhom b'mod regolari.  

"Bħala konsegwenza t-triq għad-dijanjosi għal nisa aktar anzjani u persuni LGBTIQ tista' tkun aktar ikkumplikata milli għal irġiel eterosesswali," jisħaq dan ir-rapport ta' Alzheimer Europe. 

Stigma fuq stigma... 

L-istudju jidħol ukoll fil-kwistjoni tal-istigma u t-tabù, speċjalment fejn tidħol sesswalità. "Li tesperjenza d-dimensja bħala stigma tista' tkun aktar ikkumplikata minn fatturi oħrajn, uħud minnhom stigma wkoll bħall-anzjanità, identitajiet sesswali, etniċità u klassi soċjali," tfakkar Alzheimer Europe. 

Fil-fatt ir-rapport jagħmel aċċenn partikolari fuq persuni LGBTIQ u l-identità sesswali fil-kuntest tad-dimenjsa. Fil-fatt jgħid li fost l-inkwiet li jitratta persuni LGBTIQ li jkollhom id-dimensja hemm it-telf tal-identità sesswali tal-persuna.  

"L-immaniġġjar tal-identità tal-ġeneru ifisser diversi aspettativi  u interazzjonijiet li jinkludu kif persuna tilbes, il-maneriżmi tagħha, il-vuċi tagħha, l-istil tal-komunikazzjoni u oħrajn," ifakkar ir-rapport li mbagħad ikompli jispjega illi meta jkun hemm nuqqasijiet marbutin mal-memorja dan jista' jaffetwa l-immaniġġjar effettiv tal-identità sesswali u tal-ġeneru.  

'Nibża ħafna mid-dimensja għax nibża' li nitlef is-sens ta' identità tiegħi' - 'inkwetata li mhux se nkun kapaċi inżomm l-identità tiegħi' kienu tnejn mill-kwotazzjoniiet ta' persuni trans fl-istudju ta' Tarynn Witten tal-2016 ikkwotat minn studju ta' Alexandre Baril u Marjorie Silvermann mill-Università ta' Ottawa fil-Kanada. Dan l-istudju jinnota li filwaqt illi dan l-inkwiet huwa reali hemm nuqqas ta' studju u riċerka li titratta l-anzjanità fost persuni trans.  

Jgħid ukoll iżda li hemm żewġ raġunijiet li jistgħu jwasslu biex persuni jkollhom problema jindentifikaw is-sesswalità tagħhom u  apparti l-problemi psikoloġiċi li jseħħu mad-dimensja hemm ukoll pressjonijiet soċjali, inkluż dawk relatati mal-familja. "Pressjonijiet soċjali, istituzzjonali, mediċi u tal-familja jistgħu jwasslu għal pressjoni fuq persuni bid-dimensja biex jikkonformaw mal-identità tal-ġeneru mogħti fit-twelid  

Bħala eżempju dan l-istudju jsemmi l-każ ta' Edna li tratta l-istudju Barrett et al (2015) u li juri kif din il-persuna ingħatat ultimatum minn binha li jew tindentifika mal-ġeneru maskili jew inkella ma tarax lin-neputajiet.  

Riskji minn attitudnijiet soċjali bħall-ikel, xorb u saħħa mentali  

Fil-każ tal-irġiel in ġenerali hemm realtajiet oħrajn soċjali fosthom li l-irġiel ġeneralment ikollhom imġieba aktar riskjuża, bħal tipjip, xorb ta' alkoħol, nuqqas ta' frott u ħaxix, wisq melħ u wisq ikel ipproċessat. Fil-każ tal-irġiel hemm ukoll ir-realtà - speċjalment f'ċerti soċjetajiet - tal-aspett tal-maskulinità u allura l-ideal ta' raġel indipendenti u li ma għandu għalfejn jistrieħ fuq ħadd, li tmur kontra l-bżonn ta' għajnuna u screening fil-każ ta' sintomi.  

In-nisa in ġenerali jkollhom riskji akbar bijoloġiċi bħal obeżità, pressjoni għolja u livelli għolja ta' kolesterol. Dan apparti li b'mod ġenerali (internazzjonalment) ibatu minn livelli aktar baxxi ta' edukazzjoni, dħul u aċċess għas-saħħa - kollha fatturi li jwasslu biex inqas nisa jagħmlu dijanjosi tal-problema.  

Id-dipressjoni wkoll hija fattur li twassal għal aktar każi ta' dimensja, u fejn hemm gruppi ta' nies aktar predisposti għad-dipressjoni akbar se jkun ir-riskju ta' dimensja.  

Aċċess ugwali għad-dijanjosi 

Għalhekk ir-rapport ta' Alzheimer Europe qed jipproponi li jkun hemm miżuri għal aċċess ugwali għad-dijanjosi tad-dimensja kemm għall-irġiel kif ukoll in-nisa, u nies kollha f'residenzi tal-anzjani. Dawn il-miżuri għandhom ikunu ċari u riflessi fil-policies, mhux jibqgħu fl-arja, jipproponi r-rapport.  

Għandha ssir aktar riċerka u studji li jiffukaw fuq id-differenzi fil-ġeneri u l-fatturi li jwasslu għad-dimensja. Dan apparti li l-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa  - jgħid ir-rapport - għandhom ikunu mgħarrfa dwar l-istatus ta' nies li qed jużaw is-servizzi u fejn ikun hemm bżonn dawn jintbagħtu għal aktar dijanjosi relatata mad-dimensja.  

'Mhux sew... Terġax!' Kif is-sesswalità tingħata t-tikketta negattiva 

Apparti dan iżda - u dan mhux dwar persuni LGBTIQ biss - ir-rapport jisħaq illi s-sesswalità ta' persuni bid-dimensja ħafna drabi hija meqjusa bħala "sfida", "mhux propizja" jew inkella kwistjoni medika li għandha tkun ikkontrollata.  

Ħafna drabi meta pazjent juri xi forma ta' mħabba lejn residenti oħrajn hija mill-ewwel meqjusa bħala xi ħaġa mhux propizja u li ma għandhiex titħalla. 

"Il-konsegwenza li persuna tingħata tikketta illi l-espressjoni sesswali tagħha mhux postha tista' titqies bħala telf tad-dritt tal-persuna għas-sesswalità u familja," qal ir-rapport.  

Għalhekk dan ir-rapport qed jinsisti li l-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa għandhom jipprovdu l-opportunitajiet u l-appoġġ emozzjonali lil persuni LGBTIQ bid-dimensja sabiex b'hekk jimmaniġġjaw l-identitajiet sesswali tagħhom aħjar. Dan filwaqt li għandhom jirrispettaw u jivvalidaw l-identità tal-ġeneru ta' persuna lilhinn mill-apparenza jew attribwiti fuq il-kartà ta-identità.  

Ir-rapport qed jippropni wkoll li jkun hemm persuna li tirrapreżenta id-drittijiet u l-benesseri ta' persuni LGBTIQ li qed isibu diffikultajiet biex jimmaniġġjaw l-identità tagħhom.  

Il-parir lill-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa: Tassumux! 

Ir-rapport jisħaq illi ħaddiema tas-saħħa u anke dawk fl-oqsma soċjali ma għandhomx jassumu jew inkella jirriflettu l-attitudnijiet u twemmin tagħhom fuq il-pazjenti bid-dimensja ta' sessi, orjentazzjoni jew indentitajiet tal-ġeneru differenti minn tagħhom. 

Is-sesswalità ta' pazjenti iktar anzjani ma għandhiex tiġi redikolata jew meqjusa bħala xi ħaġa li għandha tkun ikkontrollata, anzi għandhom jassiguraw li persuni bid-dimensja jkunu dejjem involuti fid-deċiżjonijiet kollha li jkunu qed jieħdu u li jinvolvu s-sesswalità tagħhom.  

Fost l-Esperti li kkumpilaw dan ir-rapport kien hemm il-Maltin Charles Scerri u Anthony Scerri.  

X'jagħmlu Alzheimer Europe? 

Alzheimer Europe tikkontribwixxi għal numru ta' proġetti relatati ma' riċerka li ttratta d-dimensja, f'liema proġetti tipprovdi l-veduti ta nies bid-dimensja, dawk li jieħdu ħsiebhom u ta' assoċjazzjonijiet diversi nazzjonali li jitrattaw dan il-każ. 

B'kollox f'Alzheimer Europe hemm 41 organizzazzjoni minn 37 pajjiż.  

More in Socjali