Dawra fl-akbar belt ta’ Malta; L-ILLUM dwar l-kurżitajiet, il-misteri u l-istorja tal-Addolorata (3)

F’sensiela ta’ artikli, il-gazzetta ILLUM iżżur iċ-Ċimiterju tal-Addolorata u tesplora l-kurżitajiet, il-misterji u l-istorja tiegħu flimkien ma’ Eman Bonnici li jieħu ħsieb l-amministrazzjoni tal-akbar belt f’Malta 

Il-gazzetta ILLUM tkompli ddur aktar monumenti, oqbra u partijiet interessanti taċ-Ċimiterju tal-Addolorata biex tapprezza mhux biss l-arti li jinkludi imma anke tesplora l-istejjer, il-kurżitajiet u xi drabi l-misteri fih. 

Inkomplu nduru l-Addolorata ma’ Eman Bonnici, responsabbli mill-amministrazzjoni u awtur ta’ ktieb dwar l-Addolorata li minnu se nisiltu wkoll xi informazzjoni. 

Din il-ġimgħa nduru aktar monumenti interessanti, inkluż qabar ta’ żagħżugħ li miet isalva lil sħabu fil-gwerra u anke waħda mill-isbaħ kappelli fl-Addolorata. 

Nitkellmu wkoll dwar kif isiru dawn il-monumenti u min jiddeċiedi dwarhom u l-impatt tat-Tieni Gwerra fuq iċ-Ċimiterju. 

Għal snin mistur minn siġra ... il-qabar taż-żagħżugħ eroj li miet biex salva lil sħabu 

Eman Bonnici ħadna fuq qabar ieħor, jew aħjar monument li għalih huwa wieħed mill-isbaħ li wieħed isib fiċ-Ċimiterju kollu. 

Dan il-monument ifakkar lil Gulio Mifsud, żagħżugħ ta’ 19-il sena li kien miet waqt li kien qiegħed isalva lil sħabu fil-Belt Valletta, waqt attakk tat-Tieni Gwerra Dinjija, li seħħ fil-15 ta’ Frar tal-1942.  

Iż-żagħżugħ, huwa midfun f’dan il-qabar u l-iskrizzjoni li wieħed isib fuq dan il-monument jistieden lil dawk li jżuruh jew jgħaddu minn ħdejh, biex jgħidu talba għalih. 

Il-qabar huwa mill-isbaħ u d-dettalji li fih huma impressjonati. Fuq il-lapida kbira, wieħed isib anġlu mill-isbaħ li qiegħed iserraħ fuqha, jibki lil dan iż-żagħżugħ.  

Fuq il-lapida, ma hemmx skrizzjoni, iżda hemm xena. Ajruplan tal-għadu jidher qed jitfa’ l-bombi u fil-biċċa ta’ isfel ta’ dan il-monument jidher l-impatt ta’ dawn l-istess bombi, bil-lapida qisha tispiċċa b’ħofra u saħansitra jidher ukoll, dejjem imnaqqax fl-irħam, id-duħħan tal-isplużjoni. 

“Ma naħsibx li dan iż-żagħżugħ għandu qraba għax jiena dan il-monument dejjem nafu mgħotti b’siġra,” qal Bonnici. 

Fil-fatt kompla jirrakkonta, kien jgħaddi minn quddiemu u jara biss il-ġewnaħ ta’ dan l-anġlu, sakemm darba fettilu jwarrab b’idejh il-weraq tas-siġra u nduna bil-ġmiel tiegħu u d-dettalji li jinkludi. 

Wara ħafna snin, din is-siġra ġiet miżbura biex il-monument jinkixef kollu kemm hu u anke ma ssirlux aktar ħsara. 

Il-kappella ta’ Messina magħrufa wkoll bħala “Tal-Palm” 

Iż-żjara li jmiss ma’ kinitx fuq xi monument fuq qabar komuni imma lejn waħda mill-kappelli li jżejnu ċ-ċimiterju. Xi familji, b’mod partikolari dawk nobbli, għażlu li jibnu kappella sħiħa minflok xtraw qabar jew tnejn u fuqu għamlu monument. 

Waħda mill-isbaħ kappelli li wieħed isib fl-Addolorata hija dik magħrufa bħala l-Kappella ta’ Messina li tinsab wara l-monument tas-Sette Giugnio. 

Malli taraha tolqtok minnufih mhux biss għax hija elevata mill-art b’għaxar tarġiet imma anke għax fl-istruttura tagħha, minflok il-kolonni barokki li huma komuni fil-kappelli simili, hemm minquxa fil-ġebel siġar tal-palm li qed iżommu l-koppla. 

Fil-fatt, din hija magħrufa wkoll bħala “Tal-Palm.” 

Il-kappella kienet ikkummissjonata min-negozjant Giovanni Messina u tinkludi tmien oqbra. F’wieħed minn dawn l-oqbra hemm midfuna Kontessa mill-familja Messina li mietet l-Iżvizzera waqt li kienet għal kura u qabel mietet irċeviet Barka Appostolika mibgħuta apposta għalija mill-Papa Piju IX, illum Beatu. 

Id-disinn ta’ din il-kappella sar mit-Tabib Nicola Zammit, l-istess wieħed li ddisinja l-portiku mill-isbaħ tal-knisja parrokjali tas-Siġġiewi. 

Il-kappella kienet magħluqa, għax ovvjament din hija privata u tinfetaħ mill-familja. Għalhekk ma stajnix narawha minn ġewwa, iżda Bonnici qalilna li hija sabiħa ħafna u s-saqaf tagħha huwa misbugħ bħal sema bil-kwiekeb. L-artal huwa mimli simboli tal-passjoni. 

L-ILLUM tistaqsi lil Bonnici jekk dawn il-kappelli humiex ikkonsagrati waħda waħda, bħalma tkun knisja jew kappella normali. Bonnici spjega li s-sidien mhumiex obbligati li jikkonsagraw l-artal iżda jekk dan ma jseħħx, suppost, ma tiġix iċċelebrata quddiesa fihom. 

Uħud mill-kappelli għandhom l-artal ikkonsagrat, anke jekk ftit u mhux l-ewwel darba li fihom jiġi ċċelebrat il-quddies, organizzat mill-qraba, għal dawk midfuna fiha.  

Bonnici spjega wkoll kif it-tendenza kienet li jekk kappella jkollha erba’ oqbra jew sitta, il-qabar li fih jindifen is-sid, jiġifieri dak li jkun bena l-kappella, jiġi ssiġġilat, anke b’sinjal ta’ rispett.  

Simboli Nazzisti, sataniċi u statwa ta’ Elvis; ‘Fuq qabar ma tistax tagħmel li trid’ 

Kif qed naraw tul il-mixja tagħna fl-Addolorata, iċ-Ċimiterju huwa mimli xogħlijiet tal-arti, uħud ta’ artisti popolari u famużi. Iżda tajjeb wieħed ikun jaf li anke jekk qabar huwa privat, ma jfissirx li kulħadd jista’ jaqbad u jagħmel li jrid bih. 

Fil-fatt, Eman Bonnici spjega kif mal-ftuħ tal-Addolorata, twaqqaf bord ta’ tnejn min-nies li kellhom jieħdu ħsieb japprovaw il-monumenti u anke l-iskrizzjonijiet ta’ fuq l-oqbra. 

Fl-1902, il-Gvern kien ippubblika għall-ewwel darba avviż fil-gazzetta tiegħu li bih informa lill-pubbliku li qabel jitqiegħed xi monument, dan kellu jkun approvat mill-bord. Dan kien jissejjaħ l-Burials Commission. 

Dan għadu jeżisti sal-lum il-ġurnata, bil-bord illum jissejjaħ The Burials Board. 

U allaħares ma kienx dan il-bord, għax Bonnici saħaq li mhux l-ewwel darba li xi persuna jew inkella familja ġiet b’xi idea stramba. 

Fost dawn semma li ġieli kien hemm talbiet biex fuq xi qabar jitpoġġew simboli Nazzisti u anke sataniċi. Ovvjament dawn il-permessi ma nħarġux. Biss biss, iċ-Ċimiterju huwa post ikkonsagrat, jiġifieri daqslikieku knisja. 

Saħansitra kien hemm talba biex fuq qabar titpoġġa statwa ta’ Elvis Presley għax il-midfun kien segwaċi tiegħu.  

Anke biex jinbidel monument wieħed irid il-permess ta’ dan il-Bord. 

“Immaġina jkollok xi monument bħal dawk li rajna, uniku tal-irħam jew il-ġebel u jiġi xi qarib li jkun irid ikissru biex jagħmel qabar komuni bħalma jsiru llum. Dawn ma jingħatawx permess,” kompla Bonnici.  

Id-dettalji kollha dwar il-monumenti li hemm fl-Addolorata, inkluż id-disinji, il-qisien u anke d-dettalji dwar l-artisti, jinsabu fis-Santu Spirtu r-Rabat.  

Biex persuna tagħmel lapida ma hemmx bżonn permess, imma jekk se jitpoġġa xi monument permanenti, dan bil-liġi, irid ikollu l-approvazzjoni tal-Bord.  

L-Addolorata għadha ġġorr sal-lum il-marki tal-Gwerra 

Matul il-mixja tagħna madwar l-Addolorata Bonnici beda jurina kontinwament l-effetti li t-Tieni Gwerra Dinjija ħalliet anke fuq iċ-Ċimiterju.  

Hemm oqbra li ntilfu kompletament u oħrajn li għadhom sal-lum iġorru l-marki tal-gwerra.  

Fost dawn, anke l-aktar qabar popolari, jiġifieri dak magħruf bħala “Miet fuq Ommu” li dwaru tkellimna l-ġimgħa li għaddiet. Jekk wieħed iħares lejn dan il-monument, anke kif jixhed ir-ritratt, jinduna b’ħafna toqob fil-bronż li ġew ikkawżati propju mill-blasts tal-bombi. 

Bonnici spjega mal-gazzetta ILLUM li matul is-snin tat-Tieni Gwerra, iċ-Ċimiterju tal-Addolorata safa fil-mira tal-attakki 69 darba. 

Xi bombi niżlu fl-Addolorata waqt attakki mmirati fuq l-ajrudorm ta’ Ħal Luqa iżda oħrajn intefgħu intenzjonalment fuq iċ-Ċimiterju. 

Bonnici qal li l-għan tal-attakki fuq iċ-Ċimiterju kien li jkompli l-baxxi moral tal-poplu 

“Immaġina xi ħadd li tilef id-dar. Tilef ukoll xi qarib jew xi ħabib. Qalbu ttaqtaq għax ma jafx x’se jiġri minnu minħabba l-attakki. Il-ġuħ, il-ħmieġ. Immaġina tkun taf li minħabba l-attakki lanqas il-qabar ta’ ommok ma għad fadallek. Ara bniedem kif tkissru. Il-Ġermaniżi kienu jagħmluha ħafna din. Jaraw Ċimiterju u aktar jagħtuh,” spjega Bonnici.  

Is-sinjali ta’ tiġrif u anke l-blasts għadhom jidhru f’diversi bnadi taċ-ċimiterju b’mod speċjali fuq id-Diviżjoni tal-Lvant.  

More in Socjali