'Wara 20 sena ta' qtigħ ta' qalb fl-aħħar is-sens komun rebaħ!' - Is-Sindku Paul Buttigieg

It-Tribunal għall-Ambjent u l-Ippjanar ma laqax it-talba għal żvilupp fil-Bajja tal-Ħondoq f'Għawdex

Ferħan u sodisfatt, is-Sindku tal-Qala Paul Buttigieg jgħid li llum, wara 20 sena ta' qligħ ta' qalb, "is-sens komun rebaħ". Dan qalu mal-ILLUM fl-ewwel reazzjoni wara li t-Tribunal għall-Ambjent u l-Ippjanar ma laqax it-talba għal żvilupp fil-Bajja tal-Ħondoq f'Għawdex.

"Dejjem kont inġib quddiem għajnejja l-bajja ta' Ħondoq ir-Rummien kif kienet se tiġi. Li kieku dan sar, il-poplu Malti u Għwadxi ma kienx se jkollu fejn jinżel u jgawdi l-bajja," kompla jgħid Buttigieg. 

Dan il-proġett kieku sar, kien ifisser illi fuq il-post tinbena lukanda ta’ ħames stilel b’110 kmamar, 25 villa, 60 appartament marbuta mal-lukanda, 203 appartament ieħor u parkeġġ taħt l-art għal 1,249 karozza. Fin-nofs kellu jkun hemm pjazza li tinkludi knisja u anke ħwienet.

Is-Sindku kompla jgħid li hemm l-Gvern għandu biss iż-żona ramilja u żona oħra bil-konkrit. "Darba pruvajt inħawwel is-siġar fiż-żoni l-oħra u ma ħallewnix għax mhux tal-Gvern. Tista' taħseb kieku kien isir dan il-proġett kif kien jitrattana!" qal Buttigieg. 

Fl-aħħar huwa temm jgħid li jinsab kuntent ħafna li 20 sena, Ħondoq ir-Rummien ġie salvat u l-viżjoni tiegħu hi li l-Gvern ibiddel iż-żona f'park nazzjonali. 

Il-PL irodd ħajr lil dawk li rrapreżentaw l-Ħondoq ir-Rummien fl-aħħar snin 

Intant il-Partit Laburista fi stqarrija jinnota b'sodisfazzjoni id-deċiżjoni tat-Tribunal tal-Ippjanar, li kkonfermat id-deċiżjoni li m'għandux isir żvilupp f'Ħondoq ir-Rummien. 

Il-Partit Laburista jrodd ħajr lir-rappreżentanti tiegħu li tul is-snin, flimkien ma’ attivisti oħra, ħadmu qatigħ u bla waqfien bil-għan li jipproteġu dan is-sit f’Għawdex.

More in Socjali