'Irridu li sal-2027 f'impjiegi ta' tmexxija jkun hemm 40% li jkunu nisa' - Rebecca Buttigieg

Imnedija l-ewwel Strateġija u Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali dwar il-mainstreaming tal-ġeneru

Is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg tgħid li sal-2027 il-Gvern irid li f'impjiegi ta' tmexxija jkun hemm 40% nisa.

Dan qalitu waqt konferenza tal-aħbarjiet hekk kif nediet l-ewwel Strateġija u Pjan ta' Azzjoni biex tindirizza l-ugwaljanza bejn il-ġeneri. Din l-istrateġija hija ibbażata fuq tmien pilastri u filwaqt li l-għan tagħha huwa li tidentifika u tneħħi ostakli fis-soċjetà bejn il-ġeneri, tindirizza wkoll l-ugwaljanza fuq livelli għolja bħal fosthom fil-proċess tat-tfassil tal-policies.

Għal dan il-għan, ser jitwaqqaf kumitat interministerjali sabiex issir ħidma konġunta bejn il-ministeri kollha kkonċernati. Il-kumitat ser jitmexxa mill-Gender Mainstreaming Unit fi ħdan id-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem li se jkun ukoll responsabbli għall-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-istrateġija. 

Is-sit illum.com.mt li kien preżenti għall-konferenza irrimarka li din il-mira tal-40% tista' tikkawża sfidi oħra għan-nisa fid-dinja tax-xogħol, fosthom li n-nisa jittieħdu inqas bis-serjetà bħalma seta' ġara fil-każ tal-mekkaniżmu tal-ġeneru. Għal dan Buttigieg qalet li "din l-istrateġija ma titkellimx fuq kwoti iżda binajri u għodda li fihom in-nisa jistgħu javvanzaw għal dawn it-tipi ta' impjiegi u jilħqu livelli ta' tmexxija." Hawn hija għamlet referenza għas-settur tal-kostruzzjoni li huwa iddominat  minn ħaddiema irġiel, "l-istorja turina li n-nisa ma kinux jidħlu f'dan is-settur tax-xogħol." 

X'inhuma t-tmien miri ta' din l-istrateġija?

  1. Issaħħaħ il-mekkaniżmi istituzzjonali għall-gender mainstreaming u l-ugwaljanza tal-ġeneru. 
  2. Garanzja li n-nisa jkollhom aċċess ugwali għal impjiegi f'kull settur eżistenti, tiġġieled is-segragazzjoni u tiżgura paga ugwali għal xogħol ugwali. 
  3. Aktar indipendenza finanzjarja tan-nisa. 
  4. Isaħħaħ il-prinċipji ta' ugwaljanza tal-ġeneru u l-mainstreaming fis-sistema edukattiva, filwaqt li tiġġieled l-isterjotipi tal-ġeneru. 
  5. Tippromwovi responsabilità ugwali bejn il-ġenituri u aktar bilanċ bejn il-ħajja privata, l-familja u x-xogħol. 
  6. Aktar bilanċ bejn il-ġeneri fit-teħid ta' deċiżjonijiet u fil-politika.
  7. Tippromwovi l-ugwaljanza tal-ġeneru f'policies li għandhom x'jaqsmu ma' kura tas-saħħa u l-benesseri soċjali. 
  8. Telimina l-iżbilanċ tal-ġeneru fil-qasam tal-ġustizzja billi jiġi indirizzat il-bias minħabba l-ġeneru u l-isterjotipi. 

L-istrateġija qed tidħol fis-seħħ wara li saret konsultazzjoni pubblika estensiva mal-istakeholders fis-settur filwaqt li qed tirrikonoxxi wkoll numru ta’ impenji internazzjonali fil-qasam tal-ġeneru fosthom l-istrateġija Ewropea għall-Ugwaljanza. 

Il-Gvern ma jindikax meta se jkun qiegħed jagħti l-prodotti menstrawli b'xejn 

Il-prodotti menstrawli bħat-tampun u sanitary towels (pads) huma bażiċi. Il-gazzetta ILLUM kienet żvelat li mara f'Malta qed tħallas €378.24 f'taxxa tat-tampun biss. Il-Parlament Ewropew iddikjara li ksur tad-drittijiet tas-saħħa sesswali u riproduttivi (SRHR) hija forma ta' vjolenza fuq in-nisa u jfixklu l-progress lejn l-ugwaljanza bejn is-sessi. 

Għaldaqstant l-ILLUM tfakkar lis-Segretarju Parlamentari dwar dan u tistaqsiha kif u meta l-Gvern se jkun qed jindirizza din il-kwistjoni. Hija tirrimarka li l-Partit Labursita fil-manifest elettorali wiegħed li se jkun qiegħed jagħti prodotti lit-tfajliet fl-iskejjel biex inaqqsu l-istigma dwar dawn l-prodotti.

Madankollu ma tatx indikazzjoni ta' meta din il-wegħda se tkun implimentata filwaqt li fakkret li l-Gvern qiegħed fil-bidu tal-leġislatura tiegħu. 

L-ILLUM staqsiet: L-għoli tal-ħajja lil kulħadd qed taffettwa. X'se jagħmlu persuni vulnerabbli sadanittant? 

Hija għamlet referenza għaż-żieda ta' €9.90 fil-ġimgħa u temmet tgħid li, "l-Gvern indirizza l-għoli tal-ħajja u se jkun qed jgħin lil dawk l-aktar vulnerabbli biex ikunu jistgħu ikampaw mal-ħajja." 

More in Socjali