Minkejja li sar progress l-Awditur Ġenerali imħasseb dwar l-istat ta' swali fl-Isptar Monte Karmeli

Ir-rapport tal-AĠ jirrimarka li l-Awtoritajiet implimentaw aktar minn 50% tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu

L-Awditur Ġenerali Charles Deguara innota l-progress li sar fl-Isptar Monte Carmeli u fil-qasam tas-saħħa mentali iżda għadu mħasseb dwar l-istat ta' swali f'Monte Karmeli, liema kundizzjonijiet huwa kien diġà ġibed l-attenzjoni fuqhom fl-2018.

Dan qalu f' rapport ippreżentat lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia. Dan sar bil-għan li janalizza l-progress fi ħdan is-Servizzi tas-Saħħa Mentali, wara r-rakkomandazzjonijiet ta' rapport preċedenti, fl-2018. 

F' dan ir-rapport, l-Uffiċċju tal-Awiditur Ġenerali jinnota li l-Awtoritajiet tas-Saħħa Mentali (MHS) għandhom l-intenzjoni li jagħmlu titjib strutturali f'aktar minn nofs is-swali tal-Isptar. Madankollu tgħid li l-ambjent tal-isptar bla dubju li jolqot il-benesseri tal-pazjenti u tal-ħaddiema u huwa għalhekk li jinsab imħasseb.

Apparti minn hekk l-Uffiċċju jinsab imħasseb ukoll dwar il-fatt li l-attentat tal-MHS li jakkwistaw sptar temporanju għal kura akuta biex pazjenti jkunu jistgħu jiġu rilokati minn Monte Karmeli, "kien bla suċċess minkejja l-isforzi li saru biex l-Isptar nnifsu jkun aktar sigur u adattat għall-pazjenti li għandhom bżonn kura tas-saħħa mentali." 

Minkejja li dan ir-rapport jinnota implimentazzjoni ta' aktar minn nofs tar-rakkomandazzjonijiet li saru fl-2018, wera tħassib ukoll fuq in-nuqqas ta’ progress irreġistrat fuq ir-rakkomandazzjoni ta’ titjib tas-sistema ta’ CCTV fl-isptar u fil-mod ta’ kif jiġu ġestiti l-master keys.

Ir-rapport jinnota ż-żieda fl-allokazzjonijiet finanzjarji rikorrenti u kapitali għall-Isptar Monte Karmeli bejn l-2018 u l-2022 u jgħid li minkejja li dan huwa andament pożittiv, din ma kinitx daqstant bżonnjuża meta wieħed jikkunsidra t-tnaqqis fin-numru ta' ħaddiema. Fil-fatt jgħid li l-Isptar, "ma rnexxielux jutilizza bis-sħiħ il-fondi li kienu allokati għal proġetti kapitali, fl-aħħar snin." 

Irrimarka b'mod pożittiv ukoll dwar l-isforz li sar biex jitnaqqas drastikament in-numru ta' pazjenti li ma jirrikjedux żamma fi sptar għal kura tas-saħħa mentali. 

Fl-aħħar ta' dan ir-rapport, l-Uffiċċju għall-Awditur Ġenerali jgħid li huwa "jibqa' ikkonċernat rigward l-isfidi evidenti li qed jiffaċċjaw il-kliniċi/ċentri li qegħdin f’binjiet li jew mhumiex adekwati jew inkella wisq żgħar biex jilqgħu pazjenti li għandhom bżonn kura għas-saħħa mentali.

More in Socjali