Kanċer: 95% tal-irġiel jafu li għandhom jiċċekkjaw lilhom infushom iżda 38% biss jagħmlu testijiet regolari

Kuntrarju għall-għarfien tal-irġiel fuq il-kanċer tat-testikoli, aktar minn 65% tan-nisa huma infurmati biżżejjed fuq il-kanċer tas-sider

Aktar minn 95% tal-irġiel Maltin huma konxji dwar l-importanza li raġel għandu jiċċekkja lilu nnifsu f'każ ta' kanċer tat-testikoli madankollu kważi 38% biss jagħmlu t-testijiet regolarment u kif suppost, jiġifieri minn tal-inqas darba f'xahar. Dan is-sondaġġ tħabbar fl-ewwel edizzjoni tal-Pink LunchTime Conversation organizzat mill-Fondazzjoni Marigold, illum.  

Minkejja li dan ix-xahar huwa assoċjat aktar mal-kanċer tas-sider, għal din is-sena l-Fondazzjoni iffurmat kampanja waħda għall-Movember u l-Pink October. Dan proprju għaliex, minkejja li l-kuxjenza dwar l-ittestjar għall-kanċer tas-sider żdied ħafna, dwar tipi differenti ta' kanċer ieħor fosthom dak tal-ovarji, tal-għonq tal-utru, tal-prostata u tat-testikoli ħafna jemmnu li għad m'għandhomx biżżejjed għarfien.

Dawn iċ-ċifri jirriżultaw minn sondaġġ li sar f'April li għadda u li fih ipparteċipaw 500 persuna. Dan sar biex il-Fondazzjoni tagħmel monitoraġġ tal-effetti tal-kampanji edukattivi. 

Intant waqt id-diskussjoni fil-Valletta Design Cluster diversi tobba, esperti u survivors qablu li din iċ-ċifra ta' 38% imsemmija diġà f'dan l-artiklu mhix daqstant xokkanti għaliex ħafna għadhom jiżbgħu jiċċekkjaw lilhom infushom għax jaħsbu li jekk jirriżulta li għandhom kanċer se jitilfu ħajjithom u li se jħallu l-familja warajhom. Ilkoll qablu li l-biża' għadha prevalenti ħafna fost il-popolazzjoni Maltija, b'mod speċjali fl-irġiel u jisħqu li dan jista' jikkawża aktar kumplikazzjonijiet jekk imorru għand it-tobba tard wisq. 

Fuq nota aktar pożittiva, dan is-sondaġġ wera li wara l-aħħar kampanja tal-2021 aktar irġiel ħadu interess jiċċekkjaw lilhom infushom. Min-naħa l-oħra, żewġ nisa minn kull tlieta iħossu li huma infuramti sew fuq il-kanċer tas-sider, filwaqt li 60% jafu kif jeżaminaw lilhom infushom. 

More in Socjali