Fi żmien sentejn: Żieda ta' 25% fi tfal ta' taħt it-tmien snin li jużaw tablet jew mobile

Fl-2021 il-helpline 179 irċeviet kważi 700 telefonata relatata mas-sigurtà fuq l-Internet

Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima saħaq li minn studju li sar fl-2021, fi żmien sentejn biss kien hemm żieda ta' 25% fi tfal ta' taħt it-tmien li jużaw tablet jew mobile. B'hekk b'kollox, 75% tat-tfal taħt it-tmien snin għandhom aċċess għal tablet jew għal mobile. 

Dan qalu f'konferenza tal-aħbarjiet hekk kif tnediet is-seba' edizzjoni tal-proġett BeSmartOnline, bil-għan li jagħti ħarsien lit-tfal b’rabta mad-diffikultajiet li ġġib magħha l-użu tat-teknoloġija, kif ukoll jagħti aktar għarfien lill-ġenituri u lill-edukaturi.

Dan il-proġett, permezz ta’ Safer Internet Centre, jaħdem kontinwament biex iqajjem aktar għarfien dwar is-suġġett u permezz tal-helpline 179 joffri sapport lil dawk li jiltaqgħu ma’ abbuż online jew ikunu huma vittmi ta’ abbuż. 

Fl-2021, il-helpline irċeviet 691 telefonata relatata mas-sigurtà fuq l-Internet, 186 telefonata aktar mis-sena ta' qabel (505 b'kollox). "Dawn in-numri jirriflettu l-perjodu fejn il-lockdown wassal għal aktar ħin fuq l-internet."

Intant Grima saħaq li, "irridu nirrikonoxxu li permezz tal-użu tajjeb tat-teknoloġija, kemm il-ġenituri kif ukoll l-edukaturi qed jużaw dawn il-mezzi biex irawmu lit-tfal f’ħiliet ewlenin permezz ta’ logħob edukattiv, riċerka u f’dixxiplini akkademiċi.”

BeSmartOnline ikkollabora wkoll mal-grupp mużikali The Travellers sabiex jipproduċu diska bit-tema tac-cyberbullying, bl-isem ‘Simili’, bil-għan li l-messaġġ jasal għand it-tfal u ż-żgħażagħ b’mod aktar effettiv.

More in Socjali