Bnadi mitluqa, abbandunati jew moħlija: Il-ġungla tal-ġebel u graffiti fil-ponta ta’ Wied il-Għajn

Malta hi gżira żgħira, u ma tridx tkun bozza tal-għerf biex tinduna li l-ispazju hu wieħed pjuttost limitat. Allura bi sfida bħal din, tiflaħ Malta tkompli tħalli l-artijiet u binjiet abbandunati bħal donnhom monumenti ta’ telqa, abandun u apatija? Illum inħarsu lejn il-lukanda tal-Jerma.

Tidħol, issib ma wiċċek kolonni, ħnejjiet u kuluri vibranti, timxi lejn il-kamra tal-pranzu u tibda’ tiekol mill-buffett tant li jkollok tiftaħ il-buttuna tal-qalziet. Sakemm tieħu kafè, it-tfal joqgħodu jaraw il-magician u x’ħin kulħadd ilesti toħroġ minn hemm imbellaħ bis-servizz. Imwaqqfa 40 sena ilu imma operat biss għal 25 sena, din hi l-istorja tal-lukanda Jerma Palace.

Minn villaġġ ċkejken tas-sajjieda għall-ikbar żona turistika fin-nofsinhar ta’ Malta

Iż-żona magħrufa bħala ‘l-Ħamrija’, kienet art taflija li fiha ssib il-bdiewa iżda wkoll sajjieda li kienu jinżlu jistadu ‘l isfel mis-salini. Qabel il-50ijiet, it-Torri San Tumas kien diġà hemm igawdi veduta liema bħala tal-peniżola ta’ Wied il-Għajn. 

Immaġini taż-żona lura fl-1957 juru t-torri bi kwietu u ftit li xejn residenzi madwaru. Iżda bejn 1968 u l-1978, bħal donnu kien hemm splużjoni ta’ bini u huwa f’dan iż-żmien li beda’ jitpoġġa l-pedament tal-Lukanda Jerma.

Dak iż-żmien, il-Prim Ministru Dom Mintoff kien fi ftehim mal-Mexxej Libjan Muammar Gaddafi. Il-kurunell Gaddafi, skont il-ġurnal TIME, kien ta lil Mintoff $140 miljun f’perjodu ta’ tliet snin minn wara li telqu l-Ingliżi. Qatt ma kien ġie ċċarat x’ried lura Gaddafi ta’ dan “il-ġest nobbli.”

Ftit snin wara, l-art oriġinarjament tal-Provinċja Franġiskana u Ivan Burridge inbiegħet lil San Tumas Holdings. L-art imbagħad ingħatat lill-Gvern u mozzjoni fil-Parlament Malti waslet għal qbil li l-art tintuża għal għanijiet turistiċi, sabiex “titkattar l-ekonomija fin-nofsinhar ta’ Malta.” 

Ħadet f’idejha l-art, kumpanija tal-istat Libjan bl-isem LAFICO. Il-fergħa lokali ta’ LAFICO twaqqfet f’Malta fl-1981 sabiex “isservi ta’ pont għall-investimenti bejn il-Libja u l-bqija tad-dinja.”

Sena wara ġiet żviluppata u miftuħa l-Jerma, u kienet immexxija minn Corinthia Hotels International. Muammar Gaddafi kellu penthouse riservata għalih fil-quċċata tal-binja.

Il-lukanda lussuża ta’ erba’ stilel kienet meqjusa minn bosta bħala l-ġawhra ta’ Marsascala minħabba li kienet l-ikbar lukanda fin-nofsinhar tal-pajjiż. B’forma ta’ ġwienaħ, mibnija fuq stil Għarbi, il-Jerma kellha ponta tħares lejn it-tramuntana tal-kosta u ponta oħra tħares lejn in-nofsinhar. Tgħaqqad il-ġwienaħ kien hemm binja ta’ tliet sulari u ġo fiha kien hemm ir-reception, il-bar u uffiċini fost oħrajn. Binja oħra kellha pixxina ta’ ġewwa u gym u taħtha kont issib ġonna, teatru grieg żgħir u pixxina tonda.

Il-lukanda kienet tkopri 17,600 metru kwadru ta’ art iżda ftit inqas minn 9,000 metru kwadru minnhom lanqas kien mibni.

Madankollu bil-ftuħ tal-ikbar lukanda fin-nofsinhar ta’ Malta, il-kosta imma wkoll il-lokalità ta’ Marsaskala bdiet tinbidel sena wara sena. Il-vilaġġ tradizzjonali ċkejken tas-sajjieda beda’ jsir iktar turistiku. 

Tagħlaq wara 25 sena, imma ħadd ma jaf eżatt għaliex...

Hemm min jirrakonta kif minkejja d-dehra lussuża tagħha, il-lukanda kienet mibnija b’materjal irħis li maż-żmien beda’ jokrob għal manutenzjoni. Minħabba li l-Corinthia ma kellhiex dritt għal-lukanda, ma setgħetx tinvesti u tagħmel il-manutenzjoni li xtaqet u l-Jerma kellha tagħlaq. Hemm min jirrakonta kif il-lukanda ingħatat lil kumpanija għal profitt pjuttost tajjeb iżda l-kumpanija l-ġdida falliet. Dan hu li sabet l-ILLUM.

F’Marzu tal-2007, il-kumpanija għalqet “b’mod temporanju.” Il-pjan kien illi terġa’ tiftaha l-kumpanija li xtratha.

Jeffrey u Peter Montabello ta’ Jefpet Limited għas-somma ta’ LM21 Miljun kienu xtraw il-Jerma u pjanaw minflokha appartamenti lussużi, lukanda oħra ta’ ħames stilel u yacht marina. 

Madankollu, dak iż-żmien il-Prim Ministru Lawrence Gonzi insista li fuq is-sit setgħet tiġi żviluppata biss lukanda, minħabba li l-pjan lokali tal-2006 kien identifika s-sit biex jintuża prinċipalment għall-akkomodazzjoni turistika. Sakemm kienu għaddejjin dawn id-diskussjonijiet, il-kumpanija ta’ Montebello ffaċċjat sejħa biex tħallas lura self ta’ €40 Miljun.

Wara deċenju ta’ proposti, il-kunsill lokali ta’ Marsaskala kiteb lill-Awtorità tal-Ippjanar li “l-Kunsill se jopponi kull applikazzjoni li tinkludi fiha żvilupp ta’ appartamenti” Sadanittant  ħalliha għall-poplu biex jidħol u jisraq kull ma jsib, minn platti sa’ madum, kull ħaġa ta’ valur fil-Jerma għosfrot. Kien irraportat li anke l-bricks oriġinali u l-puġamani ttieħdu minn xi nies sakemm il-lukanda spiċċat bħal skeletru ddeterjorat.

Fil-bidu tas-sena 2016, il-Jerma bdiet tiġi investigata minħabba li bdew isiru rapporti li qed tintuża bħala punt ta’ dħul mill-migranti Sirjani. Il-ġurnal Taljan Corpi d’elite kienu rraportaw li numru ta’ Sirjani kienu qed jinżlu b’dgħajjes żgħar u jistkennew fil-Jerma sakemm jiġbruhom familthom.

Wieħed mill-każijiet irraportati kienu ta’ mara bi tliet t’itfal li ħalset €4,000 u ma’ uiedha waslet il-Jerma fejn ġabarha żewġha. Il-ġurnal semma li fil-viċinanzi kienu instabu ħwejjeġ tat-tfal imxarba. Intant, il-Pulizija kienu investigaw dawn l-allegazzjonijiet iżda ma sabu l-ebda evidenza li juri li l-akkużi kienu veritiera.

Wara talba mill-Kunsill Lokali ta’ Wied il-Għajn u anke ħruġ ta’ avviż ta’ infurzar, fl-20 ta’ Awwissu 2016 l-Awtorità tal-Ippjanar ordnat lis-sidien tal-lukanda biex iwaqqgħu l-binja. Dakinhar stess, il-binja ħadet in-nar. Il-binja kienet stmata €20.8 miljun, u kienet se tinbiegħ f'irkant ġudizzjarju f'Ottubru 2016. 

Fl-istess sena, il-kunsillier lokali tal-Partit Nazzjonalista Charlot Cassar issuġġerixxa li s-sit jinxtara mill-Gvern Malti u jinbidel fi spazju miftuħ għat-tgawdija tal-pubbliku. F'Settembru 2016 is-sidien appellaw kontra ordni ta' infurzar mill-Awtorità tal-Ippjanar. It-Tribunal tar-Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar laqa' l-appell u annulla l-ordni ta' twaqqigħ li kien se jiswa’ lis-sidien €1.5 miljun.

Is-sid il-ġdid, l-iżviluppatur Charles Camilleri permezz tal-kumpanija tiegħu Porto Notos Ltd (ko-proprjetarja mal-avukat Pierre Lofaro) applika biex titwaqqa’ l-lukanda u tinbidel f’żewġ torrijiet residenzjali b’għoli ta’ 44 u 32 sular, u lukanda ta’ 22 sular fuq art fil-viċinanza. Il-proposta tat-“tliet torrijiet” aktar tard ġiet imnaqqsa. Il-proposta ma kinitx ġiet sottomessa għall-proċess ta' ppjanar u għalhekk ma tħejja l-ebda valutazzjoni tal-impatt ambjentali.

Fl-2018 sar studju tal-ERA fuq il-proposta ta’ Camilleri. Fil-proposta kien jidher binja waħda sħiħa li sservi ta’ 13-il sular ta’ residenzi u 15 il-sular lukanda. Il-proġett kien jinkludi fih, sotterran b’parkeġġ għal 370 karozza u 238 garaxx, faċilitajiet ta’ Lido, kappella, stabillimenti kummerċjali u ristoranti. Ġewwa ġiet proposta pixxina, spa, gym u atrium. Barra ġie propost ristorant u pixxina u fuq il-bejt ġie propost gym ieħor u t-tielet pixxina.

Il-proċess kien jinkludi żewġ stadji, it-twaqqigħ li kellu jdum erba’ xhur u l-iżvilupp li kellu jieħu tliet snin. L-iżvilupp kien se jkopri 61,000 metru kwadru flimkien ma’ spazju pubbliku ta’ 10,500 metru kwadru madwar it-Torri ta’ San Tumas. Il-proġett ġie rtirat wara li Camilleri kien biegħ is-sit lill-iżviluppatur Għawdxi Joseph Portelli għal €90 miljun fis-sajf tal-2019.

Fl-2020, fl-aħħar jiem tal-amministrazzjoni ta’ Joseph Muscat, inbiddel id-Development Brief u ġie permess żvilupp fuq 100,000 metru kwadru, b’40% minnhom għal appartamenti. 

F’Ġunju tal-2020, l-Awtorità tal-Ippjanar ħarġet dokument iffukat fuq l-oġġezzjonijiet tal-pubbliku magħmula minn residenti u disa’ organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet fosthom Din l-Art Ħelwa, Wirt iż-Żejtun, Moviment Graffitti, Alternattiva Demokratika u anke l-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi (MDA). Fost diversi proposti, kien hemm illi l-għoli ma jaqbiżx l-10 sulari u idealment l-għoli jkun inqas minn tat-Torri ta’ San Tumas.

Kienu bosta li argumentaw li “anke l-bini tal-lukanda fit-80ijiet kien żejjed minħabba li ostakolat il-veduti tat-torri mill-baħar, aħseb u ara bini ġdid eċċessiv.” Żiedu jgħidu li ġaladarba il-Jerma titwaqqa’ u tinbena mill-ġdid, it-torri wkoll m’għandux jintmess u lanqas jiġi privatizzat.

Il-proposti semmew li l-aċċess għal-baħar li jiffrekwentaw bosta m’għandux jingħalaq anzi għandhom jingħataw lura lill-pubbliku ż-żoni tal-madwar li fil-pjanti ta’ qabel kienu se jiġu inklużi mal-lukanda.

Il-Gvern ta’ Robert Abela kien ħa taħt konsiderazzjoni dan kollu u l-ewwel ħaġa li għamel naqqas ż-żona tal-iżvilup għal 65,000 metru kwadru minn 100,000 metru kwadru u l-għoli ta’ tmien sulari minn 10 sulari. Saret nota li kull żvilupp għandu jirrispetta l-biodiversità, il-wirt kulturali u ġeoloġija tal-madwar.

F’Ġunju 2020, il-kunsill lokali ta’ Marsascala ivvota favur binja ta’ 13-il sular. Seba' NGOs fetħu azzjoni legali kontra d-deċiżjoni, billi qiesu li l-Awtorità tal-Ippjanar kienet "żiedet b'mod arbitrarju l-brief tal-iżvilupp". Il-Moviment Graffitti ddenunzja r-riskju ta’ aktar konġestjoni fiż-żona u n-nuqqas ta’ rispett lejn sit storiku bħat-Torri ta’ San Tumas.

Fl-2021 reġgħu bdew isiru rapporti lill-Pulizija anke mis-Sindku ta’ Wied il-Għajn Mario Calleja wara li ritratti u artiklu fuq l-ILLUM bdew jiċċirkulaw ta’ persuni jiddendlu mill-bejt ta’ binja. Bdew isiru talbiet aktar frekwenti minn residenti u l-Kunsill sabiex il-Jerma titwaqqa’, u jitneħħa l-periklu darba għal dejjem. 

Portelli għadu ma ppreżentax applikazzjoni bi pjanti jew diżinn speċifiku mal-Awtorità tal-Ippjanar, iżda fl-aħħar tal-2021 kien stqarr li għandu l-ħsieb li jiżviluppa fuq il-post kumpless ta’ 130 appartament, lukanda ta’ 500 kamra u pjazza pubblika quddiem it-Torri ta’ San Tumas. 

F’Ġunju ta’ din is-sena bdew jitilgħu numru ta’ reklami fuq Facebook, ta’ appartamenti fil-Jerma għal bejgħ li jibdew mill-prezz ta’ €290,000. Dan ifisser li filwaqt li aġenti tal-proprjetà qed jiltaqgħu ma’ xerreja għall-informazzjoni, ħadd għadu ma ra “il-proġett wow,” hekk kif kien deskritt minn Portelli fl-intervista famuża mal-ġurnalist tat-Times fuq il-bejt ta’ Mercury Tower.

More in Socjali