Toilets, tyres u magni; Il-Malta Airport Foundation tiġbor 3.6 tunnellati skart minn qiegħ il-baħar

Il-Malta Airport Foundation organizzat żewġ attivitajiet ta' tindif f'qiegħ il-baħar fl-Isla u Tigné

Il-Malta Airport Foundation ġabret xejn inqas minn 3.6 tunnellati skart mill-Isla u Tigné waqt żewġ inizjattivi ta’ tindif f'qiegħ il-baħar.

Iż-żewġ inizjattivi ġew organizzati f’kollaborazzjoni ma’ Atlam u Calypso subaqua clubs.

Il-Malta Airport Foundation ilha tikkollabora ma’ Atlam u Calypso mill-2020, u matul dawn l-aħħar tliet snin tellgħet minn qiegħ il-baħar f’Birżebbuġa, Wied iż-Żurrieq, Marsaxlokk, Marsalforn, l-Isla u Tigné total ta’ seba’ tunnellati skart. 

Iċ-Chairperson tal-Malta Airport Foundation Josef Formosa Gauci insista li l-Ajruport, apparti li jopera fis-settur tat-turiżmu, iħoss id-dmir li jikkontribwixxi wkoll f'inizjattivi simili għax fakkar li l-baħar huwa parti attraenti ferm mill-prodott turistiku tal-Gżejjer Maltin.

Xi wħud mill-oġġetti li ttellgħu minn qiegħ il-baħar fl-Isla u Tigné kienu fliexken tal-ħgieg, għadd ta’ tajers tal-karozzi, numru ta’ toilets taċ-ċeramika, magna ta’ dgħajsa u partijiet oħrajn minn dgħajjes. Filwaqt li numru sabiħ ta’ għaddasa u volontiera oħrajn taw sehemhom f’dawn l-inizjattivi ta’ tindif, l-iskart goff, bħal materjal tal-kostruzzjoni tal-azzar, ittella’ bil-għajnuna ta’ gaffa waqt l-inizjattiva f’Tigné.

Fl-2020 il-Malta Airport Foundation kienet ikkollaborat mal-organizzazzjoni nongovernattiva Żibel fuq l-installazzjoni ta’ żewġ Seabins fil-lokalitajiet ta’ Marsaxlokk u Marsaskala, fejn dawn qed jgħinu sabiex il-baħar jinżamm aktar nadif. Għal aktar informazzjoni dwar il-Malta Airport Foundation u l-inizjattivi tagħha, tista’ żżur maltairport.com/foundation.

More in Socjali