Life Network tinsisti li 'fl-aħħar 20 sena, l-ebda omm ma mietet kawża ta' kumplikazzjonijiet fit-tqala'

L-NGO issostni li l-liġi Maltija 'sa issa' dejjem ħarset il-ħajja tal-omm meta din kienet mhedda

Fid-dawl tal-aħħar aġġornamenti fil-kawża kostituzzjonali tal-Amerikana Andrea Prudente, li fetħet kontra l-Gvern Malti, Life Network tinsisti li mhuwiex minnu li l-liġi tippreferi "tħalli lill-omm tmut biex issalva lit-tarbija fil-ġuf." 

L-Għaqda mhux Governattiva (NGO) tistqarr li dan il-ħsieb qiegħed jiċċirkola "biex tinxtered l-idea li Malta hi pajjiż li għandha liġijiet bla raġuni, li jġelldu l-valur tal-ħajja tat-tarbija kontra l-valur tal-ħajja tal-omm." Terġa' tirrepeti, li dan mhux minnu. 

Tgħid li kull delitt fil-kodiċi kriminali ta' pajjiżna "inkluż l-abort" huwa reat biss sakemm ikun hemm intenzjoni ċara minn min iwettaq id-delitt li jagħmel dak li hu projbit bil-liġi. "Li wieħed jintervjeni fuq l-omm biex issalvalha ħajjitha ma jista' qatt jammonta għal reat jekk bħala konsegwenza indiretta tmut it-tarbija fil-ġuf. Ħadd ma jista' jiġi obbligat li jmut għal ħaddieħor." 

Tisħaq li dawn il-prinċipji elementari tal-liġi kriminali qed jiġu deliberatament injorati "minn min irid jagħti l-impressjoni li l-liġi Maltija ma tippermettix li tiġi salvata l-omm f'każ ta' tqala li theddidilha ħajjitha." Fil-fatt tgħid li prova ta' dan huwa l-fatt li ħadd ma ġie mressaq il-Qorti għaliex salva l-ħajja tal-omm meta ħajjitha kienet f'periklu attwali u bħala konsegwenza mietet it-tarbija. 

Life Network tirrikonoxxi li f'pajjiżna ta' kull sena ikun hemm tqala li tista' tkun ta' theddida serja għall-ħajja tal-omm, "iżda l-ommijiet dejjem ingħataw attenzjoni medika, ebda' omm ma' mietet f'dawn l-aħħar 20 sena minħabba kumplikazzjonijiet fit-tqala." Fil-fatt tispjega li f'dawn is-sitwazzjonijiet it-tobba Maltin "ħafna drabi" iwelldu lit-tarbija qabel żmienha (pre-term delivery) u b'hekk it-tqala tiġi fi tmiemha u l-ħajja tal-omm tiġi salvata. 

Temmet tgħid li, "li kieku dan huwa reat, kif qed isostnu dawk li huma favur l-abort, allura suppost f'Malta tressqu t-tobba, l-infermiera u l-ommijiet li kienu involuti f'dan l-intervent mediku biex tiġi salvata l-ħajja tal-omm." 

More in Socjali