Tliet kwarti tal-adoloxxenti jgħidu li l-pandemija ħalliet impatt negattiv fuq is-saħħa mentali tagħhom

Studju kkummissjonat mill-Aġenzija Żgħażagħ bl-għajnuna tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà jikxef l-impatt negattiv li l-pandemija ħalliet fuq is-saħħa mentali ta’ dawk li huma iżgħar fl-età b’mod partikolari l-adoloxxenti li għandhom bejn it-13 u t-18-il sena 

Wara sentejn restrizzjonijiet, il-ħajja issa rritornat għan-normalità anke jekk l-awtoritajiet internazzjonali tas-saħħa jibqgħu jwissu li l-pandemija għadha ma spiċċatx. Madanakollu, anke jekk kulħadd reġa’ qabad ir-rutina, ma jfissirx li l-Covid-19 ma ħallix impatt li għadu jinħass, inkluż fuq is-saħħa mentali tal-adoloxxenti u ż-żgħażagħ. 

Studju kkummissjonat mill-Aġenzija Żgħażagħ u li sar b’kollaborazzjoni mal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, wera kif l-adoloxxenti, jiġifieri dawk li għandhom bejn 13 u 18-il sena kienu fost l-agħar milquta b’mod partikolari fejn tidħol is-saħħa mentali tagħhom. 

Fost oħrajn, l-istudju staqsa liż-żgħażagħ kif ġiet milquta s-saħħa mentali u emozzjonali tagħhom minħabba l-Covid-19 u r-restrizzjonijiet li ġew imposti. Jekk wieħed jieħu flimkien dawk li wieġbu “negattiv” jew “negattiv ħafna,” jirriżulta li 74.2%, jiġifieri kważi żewġ terzi ta’ dawk li għandhom bejn 13 u 18-il sena, qalu li jħossu li l-Covid-19 affettwa s-saħħa mentali tagħhom. 

Mill-banda l-oħra, għall-istess mistoqsija kienu 56.4% ta’ dawk li għandhom bejn 19 u 25 sena li qalu li l-Covid-19 u dak kollu marbut mal-pandemija, ħalla impatt negattiv fuq is-saħħa mentali tagħhom. 

Din mhux l-ewwel darba li l-gazzetta ILLUM kitbet dwar l-impatt negattiv li l-Covid-19 u r-restrizzjonijiet ħallew fuq is-saħħa mentali taż-żgħażagħ. Fil-qalba tal-pandemija, din l-istess gazzetta kienet tkellmet ma’ rappreżentanti mill-Fondazzjoni Richmond li l-għan prinċipali tagħha huwa li toffri appoġġ u tqajjem kuxjenza dwar is-saħħa mentali f’Malta. 

Mill-istudji li kienet qed tagħmel l-istess Fondazzjoni minn żmien għal żmien, fl-eqqel tal-pandemija, iż-żgħażagħ kienu l-aktar li qed iħossuhom qalbhom maqtugħa iżda, mill-banda l-oħra, kienu l-inqas li ċemplu jew talbu għall-għajnuna.  

Rappreżentanta mill-istess Fondazzjoni kienet fil-fatt tkellmet dwar il-bżonn li s-servizzi tas-saħħa mentali jkomplu jissaħħu anke għax fi kliemha, “l-impatt fuq is-saħħa mentali kapaċi joħroġ aktar tard wara l-pandemija.” 

It-tfajliet iħossu aktar l-effett tal-pandemija... 

L-istudju wera wkoll kif it-tfajliet, ħassew aktar mill-ġuvintur l-effett tal-pandemija. Fil-fatt, fis-sitt kategoriji li stħarreġ dwarhom l-istudju, it-tfajliet dejjem qalu li l-pandemija ħalliet effett negattiv akbar minn kemm qalu l-ġuvintur. 

Pereżempju, meta mistoqsija dwar is-saħħa fiżika  tagħhom u l-impatt tal-pandemija fuqha, kienu 38.6% tat-tfajliet li wieġbu li l-Covid-19 affettwahom ħażin jew ħażin ħafna. Għal din il-mistoqsija, kienu 35.6% tal-ġuvintur li wieġbu l-istess. 

Id-differenza tidher aktar meta mistoqsija dwar l-impatt tal-pandemija u r-restrizzjonijiet fuq is-saħħa mentali. 66.1% tat-tfajliet qali li l-pandemija ħalliet impatt negattiv jew negattiv ħafna fuq is-saħħa mentali tagħhom filwaqt li kienu 60.7% tal-ġuvintur li wieġbu l-istess. 

33% tat-tfajliet qalu wkoll li l-Covid-19 u r-restrizzjonijiet imposti ħallew impatt negattiv fuq l-impjieg tagħhom, filwaqt li kienu 30% tal-ġuvintur li wieġbu l-istess. 

Il-ġuvintur jidher li b’xi mod jew ieħor żammew aktar kuntatt mal-ħbieb tagħhom lilhinn mill-familja. Kienu 42.1% tal-ġuvintur li qalu li l-Covid-19 ħalla impatt negattiv fuq ir-relazzjonijiet tagħhom barra mid-dar, filwaqt li għall-istess mistoqsija, kienu 52.6% tat-tfajliet li qalu li l-pandemija u r-restrizzjonijiet ħallew impatt negattiv fuq il-ħajja tagħhom mal-ħbieb. 

Jekk wieħed jieħu l-kategoriji kollha f’salt, jirriżulta li 46.7% tat-tfajliet ħassew li l-Covid-19 u r-restrizzjonijiet imposti ħallew impatt ħażin jew ħażin ħafna fuqhom u aspetti minn ħajjithom filwaqt li fejn jidħlu l-ġuvintur, il-medja kienet dik ta’ 42.6% 

‘Waqafna biss mal-impatt ekonomiku u mhux nagħtu każ effetti oħra soċjali u personali’ 

Dwar dan l-istudju, il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-Professur Andrew Azzopardi, id-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà u li kien ukoll il-koordinatur u l-awtur ta’ dan l-istudju. 

Azzopardi saħaq li l-għan ta’ dan l-istudji mhuwiex biss li jkun ippubblikat imma li jinforma u eventwalment iwassal għal bidla f’policies soċjali, b’mod partikolari fejn jidħol il-qasam tas-saħħa mentali. 

“Nemmen li mhux nieħdu biżżejjed bis-serjetà l-impatt li l-pandemija se tħalli warajha,” insista Azzopardi. 

Fakkar li dan mhuwiex l-uniku studju li wettqet il-Fakultà fl-aħħar xhur u insista li anke meta l-pandemija ma kinitx iċ-ċentru tar-riċerka, l-impatt ta’ dan il-fenomenu f’aspetti differenti qed jibqa’ joħroġ fi studju wara l-ieħor. 

“L-indikazzjoni hija li l-impatt fit-tul tal-pandemija fuq iż-żgħażagħ u dawk iżgħar fl-età huwa akbar mill-impatt fuq gruppi oħra ta’ etajiet akbar,” kompla jgħid. 

Kien hawn li saħaq li jħassbu l-fatt li l-pajjiż donnu waqaf biss biex jindirizza l-impatt ekonomiku tal-pandemija. Insista li aspetti oħra, inkluż dawk soċjali, emozzjonali u anke personali għandhom jingħataw aktar attenzjoni u jkunu indirizzati b’mod aktar serju. 

Temm jirringrazzja lil Annabel Cuff u lil Jeremy Carusa għall-ħidma tagħhom f’dan l-istudju. 

More in Socjali