Forsi inqas nies qed jixtruhom imma 40% xorta jafdawhom – Il-Maltin u l-gazzetti

L-istazzjon nazzjonali jibqa’ l-aktar sors fdat għall-aħbarijiet b’45%. Warajhom il-gazzetti b’40% u 12% tal-Maltin jemmnu dak li jgħidu sħabhom fuq Facebook

Filwaqt li fl-aħħar snin kienu bosta li qalu li l-gazzetti qed imutu mewta naturali, sondaġġ tal-Ewrobarometru juri li minkejja in-nofs verità f’dan l-argument, il-gazzetti jibqgħu fdati mill-Maltin, meta jiġu biex jaqraw l-aħbarijiet u jżommu lilhom infushom aġġornati. 

40% tal-Maltin qalu li jafdaw lill-gazzetti u l-portals onlajn tagħhom ħafna aktar minn stazzjonijiet privati, iżda ftit inqas mill-Istazzjon Nazzjonali. Fil-każ ta’ Malta jiġu ppublikati numru ta’ gazzetti fosthom publikazzjonijiet indipendenti minn entitajiet privati, jiġifieri l-ILLUM, il-Maltatoday, The Times/The Sunday Times u The Malta Independent. Il-partiti politiċi jippubblikaw tliet gazzetti oħra jiġifieri, In-Nazzjon u l-Mument (PN), filwaqt li l-Partit Laburista l-gazzetta Kulħadd. Finalment il-General Workers Union toħroġ żewġ gazzetti oħra, jiġifieri t-Torċa u l-Orizzont. 

Apparti dan l-istess fiduċja tal-Maltin tintwera wkoll f’numru ta’ portals li jmexxu dawn l-istess entitajiet u partiti fosthom hemm l-illum.com.mt. 

Għal-darba oħra, dan mhux tant differenti mill-preferenzi tal-Ewropej, hekk kif il-gazzetti huma t-tieni l-aktar fdati, b’medja ta 39% jafdaw f’dan il-mezz iktar minn ieħor. L-iktar li jafdaw il-gazzetti kienu l-Litweni (63%) filwaqt li l-Bulgari u l-Polakki għandhom l-ikbar sfiduċja f’dan il-mezz ta’ kommunikazzjoni, b’18% biss jafdaw il-gazzetti. 

Għal kuntrarju ta’ dan, kienu biss 25% tal-Maltin li qalu li jafdaw l-aktar il-bqija tal-portals online. Din il-kategorija tinkludi l-portals tal-aħbarijiet l-oħra li la jipproduċu materjal tax-xandir u lanqas gazzetti. 

Fil-każ ta’ pjattaformi soċjali inġenerali, huma biss 4% tal-Maltin li jafdaw siti tal-filmati bħal YouTube u TikTok.  

Minkejja dan, 12% tal-Maltin jammettu li l-aktar li jafdaw mhumiex il-gazzetti jew il-portals imma l-aħbar u l-informazzjoni li l-ħbieb u gruppi ta’ Facebook jaqsmu magħhom. Fi kliem ieħor jekk jaraw jew jaqraw xi ħaġa fi grupp jew fuq status ta’ ħabib/a awtomatikament jieħduha bħala verità. 

Pjattaformi tal-aħbarijiet online, profili tal-midja soċjali u l-influencers huma l-aktar fdati minn parteċipanti iżgħar fl-età. L-inqas li jafdaw b’aħbar il-Maltin huma l-influencers, b’4% biss jgħidu li jafdahom.

Il-Maltin jafdaw l-PBS iktar minn stazzjonijiet privati bħal ONE u n- NET 

Skont dawn l-istess ċifri maħruġa mill-Ewrobarometru dwar il-miżinformazzjoni, dawk magħrufa bħala midja tradizzjonali, inkluż it-televiżjoni flimkien mar-radju u l-gazzetti, baqgħu l-aktar mezzi ta’ midja fdati mill-poplu, bix-xandir jiddomina din l-istess fiduċja. 

Fil-fatt 49% tal-Ewropej għażlu stazzjonijiet tat-televizjoni u radju pubbliċi bħala l-iktar sors tal-aħbarijiet li jafdaw. Din iċ-ċifra hi pjuttost simili ta’ dik tal-parteċipanti Maltin, b’45% jgħidu li jafdaw lit-TVM, bħala l-Istazzjon Nazzjonali, bl-aħbariijiet li jirċievu. Din kienet l-ogħla ċifra fost il-Maltin, iżda mhux ‘il bogħod mill-kumplament tal-Ewropej. Dan għaliex għall-eċċezzjoni tal-Ungerija u l-Polonja – fejn 22% u 23% biss jafdaw lix-Xandir Nazzjonali – il-kumplament tal-Istati Membri jafdaw l-aktar lil dan it-tip ta’ xandir minn sorsi oħra. 

Tajjeb infakkru li skont l-aħħar statistika maħruġa mill-Awtorità tax-Xandir f’Malta, l-aħbarijiet tat-TVM kien l-aktar programm segwit b’udjenza ta’ 14% minn dawk li jsegwu televiżjoni Malti. 

L-aħbarijiet inġenerali xorta kienu l-iktar ġeneru popolari mal-Maltin, tant li l-ħin bejn 8:00 u t-8:30, jibqa’ l-aktar ħin li fih jaraw televiżjoni il-Maltin, inċidentalment fl-istess ħin li jsir l-aħbarijiet tat-TVM u fil-ħin li fih ikunu qed jispiċċaw il-bullettini tan-NET u l-ONE. 

Kien għalhekk li ċ-ċifra ta’ 29% fiduċja fi stazzjonijiet privati ma kinitx eżattament ta’ sorpriża fil-każ tal-Maltin. Ma ninsewx li ma’ din il-katergorija hemm marbutin ukoll stazzjonijiet politiċi inkluż il-ONE u n-NET, fil-każ tal-Maltin. 

B’2% aktar miċ-ċifra medja Ewropea, Il-Maltin huma s-seba’ l-aktar nazzjon li jafda fi stazzjonijiet privati, 20% inqas mill-Portugiżi, l-iktar pajjiż li jafda l-istazzjonijiet privati. 

L-istess fiduċja tmur ukoll fil-portals onlajn tal-istess stazzjonijiet. 

79% tal-Maltin qalu li huma xi ftit jew wisq kunfidenti li jgħarfu aħbarijiet foloz  

F’dan is-sondaġġ, il-parteċipanti ġew mistoqsija kemm huma kunfidenti li jgħarfu aħbar jew informazzjoni falza. Kienu biss 12% tal-Ewropej li wieġbu illi jħossuhom kunfidenti ħafna fuq dan. Min-naħa l-oħra 52% kienu kunfidenti imma mhux kompletament ċerti  li jagħrfu aħbarijiet foloz minn dawk veri. 

Interessanti li l-Maltin flimkien mal-Irlandiżi u l-Finladiżi kienu fost l-aktar li wieġbu li kapaċi jagħrfu aħbar falza. 

Fil-fatt 79% tal-Maltin qalu li huma sa ċertu punt kunfidenti li jgħarfu aħbarijiet foloz, b’20% minnhom jgħidu li huma kunfidenti żgur b’dan. Kienu biss 1% tal-Maltin li qalu li ma huma kunfidenti xejn filwaqt li 16% tal-Maltin qalu li huma kważi kunfidenti li jgħarfu aħbarijiet foloz minn dawk veritiera. 

Iċ-ċifri Ewropej jaraw ukoll differenzi notevoli fejn jidħlu s-sess, l-età u l-livell ta’ edukazzjoni tal-parteċipanti. Ħarsa lejn il-livell ta’ edukazzjoni, l-iktar kunfidenti li jgħarfu aħbar falza huma dawk li għadhom fis-sistema edukattiva, jiġifieri studenti.  

Għaldaqstant l-irġiel wieġbu li jħossuhom aktar kunfidenti min-nisa li jgħarfu aħbar falza minn oħra veritiera. 

10% tal-Maltin jemmnu li qatt ma raw eżempji ta’ aħbarijiet foloz fl-aħħar ġimgħa 

Il-Maltin flimkien ma’ Ewropej oħra fl-aħħar ġew mistoqsija dwar kemm jaħsbu li raw eżempji ta’ aħbarijiet foloz fil- ġimgħa ta’ qabel ma sar is-sondaġġ. 10% tal-Ewropej wieġbu li ħafna drabi ħabtu wiċċhom ma’ aħbarijiet foloz, 18% qalu li spiss jiltaqgħu imma mhux dejjem, filwaqt li 33% wieġbu li xi drabi iva u xi drabi le. Min-naħa l-oħra 8% qalu li ma ltaqgħu qatt ma aħbarijiet foloz. 

Il-Bulgari kienu l-iktar li wieġbu li raw eżempji ta’ aħbarijiet foloz (29% spiss ħafna u 26% spiss) filwaqt li l-Irlandiżi kienu l-inqas (3% spiss ħafna u 9% spiss). 

Min-naħa tal-Maltin, 64% jgħidu li raw eżempji ta’ aħbarijiet foloz, b’10% minnhom jgħidu li ltaqgħu ma’ wisq aħbarijiet foloz. 19% oħra mis-64% qalu li frekwentament filwaqt li l-kumplament (33%) wieġbu li raw imma mhux dejjem.  

Kuntrarjament għal dan 20% tal-Maltin wieġbu li rari raw eżempji ta’ aħbarijiet foloz filwaqt li 10% jgħidu li qatt ma raw eżempji ta’ aħbarijiet foloz fl-aħħar sebat’ijiem. 

More in Socjali