‘Għadu ma rnexxilniex noħolqu liġi dwar l-aljenazzjoni tal-ġenitur għax huwa suġġett ferm ikkumplikat’

Il-problema tal-aljenazzjoni nafu biha, inkluż il-Gvern. Iżda x’inhu jagħmel biex jiġġilidha? Kemm hawn ġenituri u ulied li qed isofru minn dan “l-abbuż psikoloġiku”? Trobbija kondiviża iżda iċċentrata aktar lejn l-omm, tagħti lok għall-aljenazzjoni? Steve Libreri jitkellem mal-ILLUM 

Il-Kumitat Tekniku għall-Aljenazzjoni tal-Ġenitur, li waqqaf il-Gvern, ma rnexxilux jasal għal abbozz ta’ liġi siewi, għax is-suġġett ġie meqjus bħala “ikkumplikat”. Hekk qal id-Direttur tal-Protezzjoni tal-Minuri fil-Fondazzjoni Għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS) Steve Libereri f’kumment li ta lill-gazzetta ILLUM.  

“L-aljenazzjoni tal-ġenitur ippreżenta ruħu bħala suġġett ikkumplikat ferm u għalhekk il-Kumitat ma kellux rakkomandazzjonijiet legali u ċari x’seta’ jgħaddi lill-Gvern,” saħaq Libreri. Huwa kompla jispjega li globalment l-aljenazzjoni tiġi indirizzata b’mod differenti. Dan ifisser li mil-lat legali hemm Gvernijiet, madwar id-dinja, li joffru għajnuna lil dawk li jkunu ikkawżaw l-aljenazzjoni iżda hemm Gvernijiet oħra li jieħdu miżuri aktar ħorox fosthom ħabs jew xi multa. B’hekk jgħid li dan il-kumitat ħass li għandu jestendi x-xogħol tekniku tiegħu u “issir aktar riflessjoni, biex il-poplu jkollu strumenti xierqa u mhux strumenti li jagħtu s-saħħa lil min jabbuża.”  

Apparti minn hekk huwa ċċara li l-Kumitat, għalkemm ma għandux l-mandat li jħares il-każijiet  individwali qed jaħdem biex dan il-fenomenu jiġi indirizzat b’mod professjonali.  

Minkejja dan, Libreri jgħid li hemm pjan sħiħ biex jiġu introdotti servizzi soċjali li huma ntiżi biex jgħinu lill-familji jisseparaw “b’ċertu unur” u jingħataw is-sostenn neċessarju f’mument daqstant kritiku. Qal li l-Gvern jagħti valur għoli lill-familja u jinvesti f’diversi servizzi maħluqa biex iżommu l-familji flimkien. Madankollu Libreri jisħaq li l-Gvern jagħraf ukoll li hemm kuntesti fejn dan mhux possibli. Apparti minn hekk, jemmen li l-Gvern huwa konxju bil-mumenti kritiċi li jgħaddu minnhom koppji waqt separazzjoni u li jqanqlu emozzjonijiet kbar fosthom uġigħ, biża’ u frustrazzjoni.  

“Sfortunatament l-apparat illi l-poplu għandu għad-dispożizzjoni tiegħu biex jimmaniġja s-separazzjoni, fil-preżent jinsab fil-Qorti, li fin-natura tagħha topera fuq azzjonijiet legali, għalhekk koppji jispiċċaw iżidu t-tensjoni minflok inaqqsuha,” kompla jgħid Libreri.  

Ġieli jkun hemm adult li jipprova jiġbed lil uliedu lejh biex jikseb aktar poter fuq il-ġenitur l-ieħor’ 

Mistoqsi fuq kemm naraw każi ta’ aljenazzjoni tal-ġenituri f’pajjiżna huwa saħaq li n-numru ta’ każi li għandna ma huwiex kbir biżżejjed biex jindika b’mod ċar kemm qed tiġri. Saħaq li għalkemm l-aljenazzjoni hi prominenti fis-soċjetà hu suġġett li beda jiġi studjat pjuttost riċenti. “Fil-fatt ma tantx hemm studji fuq xiex wieħed jistrieħ iżżejjed u l-istatistika li għandna toffri, jekk xejn, stimi umli ħafna,” qal Libreri.  

Minkejja dan jgħid li dawn l-istudji jirriflettu tajjeb ma’ dak li jiltaqgħu miegħu l-professjonisti - fil-kuntest ta’ familja li qed tissepara - ta’ kuljum. Proprju għalhekk jemmen li ġieli jkun hemm adult jew aħjar ġenitur, li jipprova jiġbed lil uliedu lejh biex jikseb aktar poter fuq il-ġenitur l-ieħor.  

Huwa irrimarka wkoll li l-aljenazzjoni tal-ġenitur hi xi ħaġa speċifika u wieħed għandu jagħmel distinzjoni bejn; wild li ma jridx ikellem/jara lill-ġenitur, għax il-ġenitur l-ieħor kisser ir-relazzjoni ta’ bejniethom u wild li ma jridx ikellem/jara lill-ġenitur iżda wasal għal din id-deċiżjoni minn jheddu. 

Libreri fakkar li t-tfal għandhom moħħ biex jgħarfu bejn ġenitur li jħobbhom u ġenitur li jagħmlilhom il-ħsara. Tenna li, “l-aljenazzjoni hija meta wild iwarrab ġenitur mingħajr raġuni, għajr strateġija malizzjuża ta’ ‘brainwashing’ mill-ġenitur l-ieħor. Nafu li dawn l-istrateġiji jsiru kemm min-nisa kif ukoll irġiel, iżda n-numru m’għandniex, lokalment.”  

Taħseb li deċiżjonijiet tal-Qorti, b’mod speċjali fuq trobbija kondiviża jiftħu lok għall-aljenazzjoni?  

Hawn Libreri reġa saħaq li l-aljenazzjoni hija ikkawżata mill-ġenitur, “li jemmen li hu (jew hi) huwa intitolat li juża lil uliedu għall-interessi personali.”  

Jgħid li l-Qorti tal-Familja tara eluf ta’ każijiet u fil-maġġoranza tagħhom, il-Qorti tasal għall-konklużjoni li kura u kustodja konġunta hi l-aħjar għall-familja, fil-fatt saħaq li “b’mod ġenerali, dik hi l-prassi naturali tal-familja, li jkun hemm kura u kustodja kondiviża.”  

Jemmen li ħafna familji f’dan il-kuntest ġenituri rispettużi, responsabbli u li jħobbu lil uliedhom jagħmlu minn kollox biex jipproteġu lil uliedhom mill-uġigħ “u fil-fatt xi drabi tarahom jaħdmu id f’id mal-eks mara/raġel tagħhom biex jagħtu l-aħjar esperjenza lill uliedhom.”  

Għalhekk jisħaq li din hija prova ċara li l-aljenazzjoni ġejja mill-ġenitur malizzjuż u mhux ikkawżatha minn xi deċiżjoni tal-Qorti. “L-aljenazzjoni hu ħsieb agressiv u abbużiv u l-uniku ħtija hi tat-tali ġenitur,” reġa’ spjega Libreri.  

‘Ma jfissirx li fil-proċess legali ma hemmx affarjiet li għandhom jinbidlu’  

Huwa żied jgħid li minkejja li l-aljenazzjoni ġejja mill-ġenitur ma jfissirx li pajjiżna m’għandux bżonn jara bidla fil-proċess legali. “Il-kultura legali tqajjem aktar tensjoni u minħabba f’hekk koppji jispiċċaw jiġġieldu ferm aktar wara li jkunu bdew il-proċess ta’ separazzjoni.”  

Libreri jgħid li fattur ieħor li jikkontribwixxi għal dan kollu hu d-dewmien ta’ żmien biex il-każijiet jinstemgħu u jinqatgħu. Minkejja dan jgħid li huwa fid-dmir tal-Qorti li tisma’ l-provi kollha u f’ċertu każi, ġenituri jqattgħu snin sħaħ iressqu provi differenti bl-intenzjoni li jkissru l-ġenitur l-ieħor.  

“Allura b’hekk jerġa’ jitqanqal il-punt li ġenitur li irid jagħmel ħsara lill-ieħor, mhux biss iweġġgħu lil uliedhom iżda jkunu qed jabbużaw minn apparat ta’ servizz li l-iskop tiegħu hu li jgħin lil min hu batut,” kompla jgħid Libreri.  

Fl-aħħar huwa qal li irrespettivament tad-deċiżjoni li tieħu l-Qorti, din għandha dejjem tkun iċċentrata fuq il-bżonnijiet tat-tfal. “Hu essenzjali li kwalunkwè deċiżjoni tibbenefika lit-tfal, għaliex fl-aħħar minn l-aħħar qed nitkellmu fuq l-għeruq tar-relazzjoni tagħhom,” temm jgħid Steve Libreri. 

More in Socjali