Għawdex b'żieda qawwija ta' permessi għal djar... 479 residenza ġdida fi tliet xhur biss

Il-maġġoranza tad-djar ġodda approvati matul dan il-perjodu kienu appartamenti (1,527), żieda ta' 473 appartament mill-istess perjodu bejn April u Ġunju iżda tal-2021

Skont ċifri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, bejn April u Ġunju ta' din is-sena ġew approvati 438 permess għal bini ta' 2,164 residenza. Dan ifisser li kien hemm żieda ta' 16.4% permess meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra. 

Il-maġġoranza tad-djar ġodda approvati matul dan il-perjodu kienu appartamenti (1,527), żieda ta' 473 appartament mill-istess perjodu bejn April u Ġunju iżda tal-2021. Dawn it-tip ta' residenzi kienu segwiti minn penthouses (336), maisonettes (191), terraced houses (93) u residenzi oħra bħal farmhouses u villel (17). 

Infografika maħruġa mill-NSO
Infografika maħruġa mill-NSO

Bejn April u Ġunju tal-2022 ukoll, in-numru ta’ residenzi ġodda approvati f’Malta u Għawdex żdied b’6.3% u 74.8% rispettivament, li jikkonferma allura it-tħassib li qed jiġi espress dwar ir-rata li biha qed tiżdied il-kostruzzjoni fil-gżira oħt. L-akbar numru ta’ residenzi ġodda approvati kien irreġistrat fid-distrett tal-Port tat-Tramuntana (514) f'lokalitajiet bħal Birkirkara, il-Gżira, Ħal Qormi, Santa Venera, San Ġiljan u Tas-Sliema fost oħrajn.

Min-naħa l-oħra l-inqas numru ta' djar ġodda approvati kien irreġistrat fid-distrett tal-Port tan-Nofsinhar (161), f'lokalitajiet bħal Fgura, Raħal Ġdid, Valletta u l-Birgu fost oħrajn.

L-ogħla numru ta’ residenzi ġodda approvati, lokalità b'lokalità, inħarġu fis-Siġġiewi (227), il-Mosta (122), Ta’ Sannat (111), San Pawl Il-Baħar (91), u s-Swieqi (80). Dan filwaqt li l-inqas residenzi approvati kienu f'Ħad-Dingli, il-Ħamrun u Marsaxlokk, b'21 residenza kull wieħed.

More in Socjali