'Is-sistema falliet u r-responsabilità hi tal-Ministeru u t-tmexxija ta' San Vinċenz De Paul' - Paul Pace

Pace jisħaq li kieku s-sistema kienet verament taħdem, ir-residenti li jsofru mid-dimesja kienu jkunu f'sala magħluqa, b'miżura li timpedihom li jaħarbu

Paul Pace, il-President tal-Unjin għall-Infermiera u l-Qwiebel (MUMN), saħaq li l-għejbien tal-anzjan Karmenu Fino huwa riżultat ta' sistema falluta u r-responsabilità hija dik tal-Ministeru u mhux ta' Rhys Xuereb, l-unika infermier li kien fis-sala dakinhar li fih Fino ħarab minn San Vinċez De Paul (SVPR). 

Dan qalu waqt konferenza kmieni dalgħodu quddiem id-dar tal-anzjani flimkien ma' għadd ta' infermiera oħra, li kienu hemm biex jagħtu s-sostenn lil Xuereb. Pace qal li dan kien parti minn "frame up" u li Xuereb ġie issospendut intortament mingħajr ma ngħata l-opportunità li jiddefendi lilu nnifsu. 

Karmenu Fino huwa resident ta' 82 sena, li kien joqgħod SVPR iżda għeb fit-28 ta' Ġunju u li għadu nieqes sa' issa. Minn hemm skattat inkjesta indipendenti mill-Ministeru għall-Anzjanità Attiva u li ikkonkluda li l-għejbien tiegħu kien ikkawżat minn numru ta' nuqqasijiet mill-istaff, inkluż is-security, li kien qiegħed jaħdem f'dik is-sala dak il-lejl. 

Pace saħaq li minkejja li Xuereb gradwa riċentament u xogħlu kien ta' reliever, kellu jieħu ħsieb 34 pazjent waħdu. Huwa iddikjara li l-Xuereb u s-security ma ttellawx bħala xhieda fl-inkjesta li saret. "Dan għaliex kieku sar hekk kienu jindunaw li fix-shift ta' bil-lejl kellu jkun hemm żewġ infermiera u mhux wieħed. Il-fatt li kien hemm infermiera wieħed biss hija indikazzjoni ċara li s-sistema falliet, u r-responsabilità hi tal-Ministeru u t-tmexxija ta' SVPR," qal Pace. 

Pace żied jgħid li ma huwiex xogħol l-infermier li jħares lir-residenti b'mod kontinwu anzi, xogħol Xuereb kien li jagħti l-pinnoli u li, "ma kien hemm xejn li jwaqqaf lil Fino milli jaħrab minn sala miftuħa." Huwa spjega li swali bħal dan jagħtu l-libertà lill-anzjani li joħorġu mis-sala meta jixtiequ u dan il-fatt ma kienx irrappurtat fl-inkjesta. 

"Kieku s-sistema verament taħdem, ir-residenti li jsofru mid-dimesja kienu jkunu f'sala magħluqa, b'miżura li timpedihom milli jaħarbu," temm jgħid Pace, il-President tal-MUMN. 

Il-Ministeru tiċħad l-allegazzjoni ta' 'frame-up' u tgħid li 'ma tagħmel l-ebda ġieħ lil min jagħmilha'

Intant il-Ministeru għall-Anzjanità Attiva jinnota b'dispjaċir ir-reazzjoni tal-MUMN, għall-konklużjoni tal-inkjesta tal-Imħallef Emeritu Geoffrey Valenzia u passi meħuda mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, wara l-inkjesta. Filwaqt li l-Ministeru għal darb' oħra jtenni li japrezza u jirrispetta l-isforzi tal-MUMN, li tkompli ttejjeb il-kundizzjonijiet u l-interessi tal-membri tagħha, jerġa' jisħaq ukoll li f'każ fejn anzjan ħareġ minn SVPR matul il-lejl, "ma setax ikun injorat bħal kif donnu hawn min qed jippretendi". 

Il-Ministeru jisħaq li minflok, l-obbligu kien li jkunu stabbiliti l-fatti u jsiru rakkomandazzjonijiet bil-għan li tonqos il-possibilità li każijiet bħal dawn jirrepetu ruħhom.

"Altru milli fram-up, kif l-uffiċjali għolja tal-MUMN allegaw fl-aħħar siegħat, f'allegazzjoni li mhux biss tiġi miċħuda bl-akbar qawwi, iżda li ma tagħmel ebda ġieħ lil min jagħmilha," saħaq il-Ministeru. 

Il-ministeru jfakkar ukoll li fuq ordni tal-MUMN diġà daħlu direttivi li jolqtu pazjenti/residenti anzjani li ma jixirqilhomx li jintużaw b’dan il-mod. Fl-aħħar il-Ministeru qal li, "l-Ministeru se jkompli jaġixxi b’mod denju, korrett, demokratiku u trasparenti." 

'Il-Gvern m'għandux ikompli jdaħħal rasu fir-ramel u jibda billi l-ewwel jammetti li jeżistu diversi problemi f'San Vinċenz' 

Min-naħa l-oħra il-kelliem għall-Anzjanità Attiva u Assistent Whip tal-Partit Nazzjonalista, Paula Mifsud Bonnici, b'reazzjoni għall-aħħar stqarrija tal-MUMN u tal-Ministeru, tisħaq li l-PN iħoss li hu inġust li l-Gvern qed ikompli jitfa' l-ħtija kollha fuq l-istaff ta' San Vincenz mingħajr ma jammetti li jeżistu nuqqasijiet fis-sistema tar-Residenza.

Tgħid li mir-rapport tal-Imħallef Valenzia, joħroġ ċar li hemm diversi nuqqasijiet fis-sistema ta' din ir-residenza, tant li f’paġna 24 hu jirrikonoxxi wkoll li kien hemm nuqqasijiet. Għaldaqstant, filwaqt li ma jista’ jaqbel qatt ma’ nuqqasijiet li setgħu saru f’dak il-lejl, il-Partit Nazzjonalista jisħaq li l-Gvern u t-tmexxija ta’ San Vinċenz ma jistgħux jabdikaw mir-responsabbiltajiet tagħhom.

"Il-Gvern m'għandux ikompli jdaħħal rasu fir-ramel u jibda billi l-ewwel jammetti li jeżistu diversi problemi f'San Vinċenz, fosthom in-nuqqas ta' infermieri. Il-Gvern ma jistax jibqa’ jgħid li m’hemmx falliment fis-sistema meta r-Rapport tal-Imhallef jirrikonoxxi li kien hemm u fl-istess waqt biddel lil San Vinċenz f’ħabs, b’numru ta’ kumpanniji ta’ sigurtà li ntalbu jipprovdu s-servizzi tagħom, u bi strutturi ġodda li għalqu kull aċċessibbiltà," temmet tgħid il-kelliem Paula Mifsud Bonnici.

More in Socjali