Se npattu tal-ilma li niżel... Il-ġimgħa d-dieħla t-temperaturi se jilħqu s-36 grad celsius

Lulju kien imdawwal bi 378 siegħa xemx, bl-aktar jum xemxi jkun dak tas-16 ta' Lulju

Minkejja l-għerejjex tipiċi ta' Santa Marija li seħħew fl-aħħar jiem, l-Uffiċċju Meteroloġiku qed ibassar li l-ġimgħa d-dieħla t-temperaturi se jerġgħu jitilgħu u jilħqu s-36 grad celsius nhar l-Erbgħa 17 ta’ Awwissu. Din it-temperatura fil-fatt hija ogħla minn norma klimatika ta' dan iż-żmien. Minkejja dan, l-għerejjex jindikaw ukoll li dalwaqt se jinbidel l-istaġun jgħid l-istess Uffiċċju. 

Intant dwar Lulju l-Uffiċċju Metereoloġiku qal li dan kien xahar aktar sħun milli mistenni f’dan iż-żmien tas-sena, fejn it-temperatura tal-arja medja qabżet in-norma klimatika ta’ 26.9°C b’1.7°C. It-temperatura massima għal Lulju ta’ 38.8°C intlaħqet fit-tieni jum tax-xahar, filwaqt li dik l-aktar baxxa kienet ta’ 21.3°C u tkejlet fit-tnax-il jum.

It-temperatura medja ta’ wiċċ il-baħar kienet ta’ 27.9°C, jiġifieri 2.7°C ogħla min-norma klimatika għax-xahar ta’ Lulju. Din it-temperatura kienet ogħla anki mill-medja ta’ Awwissu ta’ 26.7°C.

 It-tieni xahar tas-sajf meteoroloġiku kien imdawwal bi 378 siegħa xemxin, bis-sittax ta’ Lulju jkun l-aktar jum xemxi, hekk kif tkejlu ftit aktar minn 13-il siegħa xemxin. Il-kopertura ta’ sħab medja għax-xahar ta’ 0.6 oktas kienet ftit anqas min-norma klimatika ta’ 0.8 oktas.

 Matul ix-xahar l-Uffiċċju Meteoroloġiku f’Ħal Luqa kejjel 0.2mm xita, jiġifieri ftit aktar min-norma klimatika ta’ Lulju.

 Lulju kien xahar aktar kalm milli mistenni, bil-veloċità tar-riħ medja tkun ta’ 5.9 knots minflok in-norma ta’ 6.9 knots. Il-buffura massima tax-xahar ta’ 34 knots tkejlet fit-8 ta’ Lulju mill-Majjistral kwarta Punent.

More in Socjali