'Immorru nieħdu kafè?' Lesti aktar flus għax il-prezzijiet fir-ristoranti u l-kafetteriji żdiedu b'6.7%

... U terġa' u tgħid dan huwa sa' Marzu, minn meta l-inflazzjoni baqgħet tiela' għal rekord ta' 6.2% f'Ġunju

Il-ħin kollu nisimgħu li l-prezzijiet għolew u dan huwa fatt għax kulħadd qed iħoss l-effett tiegħu. Fil-fatt fuq il-midja soċjali ħafna ħadu l-inizzjattiva li jqabblu l-prezzijiet tal-istess prodotti u kemm jinbigħu fi stabbilimenti differenti madwar Malta u Għawdex. Oħrajn qabblu l-prezzijiet ta' kafetteriji u ristoranti ta' barra minn xtutna ma' ta' Malta u aċċennew li raw qabża kbira fil-prezzijiet anke meta tqis ħarġa jew ikla fi Sqallija meta mqabbla mal-istess ħaġa f'Malta. 

Propju fuq hekk l-aħħar rapport tal-Bank Ċentrali ta' Malta, saħaq li ż-żieda fil-prezzijiet lokalment huma fost l-aktar għolja li qatt kienu fl-aħħar 10 snin. Fil-fatt dan ir-rapport juri kif l-inflazzjoni telgħet għal 4.5% fl-ewwel kwart tas-sena - jiġifieri sa' Marzu - minn 2.6% f'Diċembru li għadda. Minkejja dan, l-Uffiċċju Nazzjonali għall-Istatistika (NSO) irrapporta li l-inflazzjoni baqgħet tiela' għal rekord ta' 6.2% f'Ġunju li għadda. Dan ifisser differenza ta' 3.6% fi żmien sitt xhur. 

Il-Bank Ċentrali ta' Malta indika wkoll li kien hemm żieda ta' 6.7% fil-prezzijiet li jikkonċernaw ir-ristoranti u l-kafetteriji. Apparti minn hekk f'dan l-istess perjodu ġiet innotata żieda fil-prezzijiet tal-proprjetà hekk kif f'Diċembru 2021, meta diġà kien hemm żieda ta' 4.5%, sal-aħħar ta' Marzu ġiet nnotata żieda oħra ta' 6.7%. Differenza ta' 2.2% fi żmien tliet xhur. 

Fi kliem aktar sempliċi:

  • Jekk qabel pizza capricciosa kienet €8.50 din issa ġiet €9.06.
  • Jekk qabel rib-eye 300g kienet €25 din issa ġiet €26.67.
  • Jekk qabel spaghetti carbonara kien €9 dan issa ġie €9.60.
  • Jekk qabel cappuccino kien €2.50 dan issa ġie €2.66.
  • Jekk qabel te kien €2 dan issa ġie €2.13.
  • Jekk qabel flixkun ilma kbir kien €1.75 dan issa ġie €1.86

Għaldaqstant jekk qabel dawn kollha f'ħarġa waħda f'restorant kienu jiswew €48.75 dawn issa ġew jiswew €51.98.

'Qed tinsultaw l-inteliġenza tal-poplu' 

Ftit ġimgħat ilu l-Assoċjazzjoni għall-Istabbilimenti tal-Catering (ACE) fi stqarrija qalet lill-pubbliku li fid-dawl taż-żieda fil-prezzijiet, speċjalment f'risortaranti, wieħed m'għandux iqabbel l-ispiża għall-platt magħmul id-dar għal platt ikel minn barra. Għal din l-istqarrija, qam furur kbir fuq il-midja soċjali, fil-fatt kien hemm uħud li saħqu li l-Gvern - u l-poplu permezz tat-taxxa - ta l-għajnuna tiegħu waqt iż-żmien tal-pandemija permezz tal-wage suppliments. "Il-prezzijiet saru wisq drastiċi, bl-iskuża tal-gwerra? Dak hu l-grazzi?," qal kumment partikolari fuq Facebook

L-ACE kienet avżat lil bloggers u persuni li jagħmlu użu mill-midja soċjali u li huma relatati b'mod dirett u indirett fl-industrija tal-catering, biex ikunu aktar prudenti, fattwali, korretti, responsabbli u sensittivi għal dak li jippublikaw. Fakkret li ċertu pjattaformi fuq il-midja soċjali, fosthom gruppi ta' facebook, għandhom responsabilità kbira fuq l-impatt li jistgħu iħallu fuq il-benesseri tal-industrija. Dan filwaqt li qalet ukoll li wieħed ma jistax jiġġeneralizza li l-istabbilimenti huma kollha l-istess. 

Il-laħam, il-ħobż u l-ħalib fost l-aktar li għolew … Il-konsumaturi jitkellmu mal-ILLUM

Fl-ewwel xahar tas-sena 2022, jiġifieri f'Jannar, il-gazzetta ILLUM marret tiltaqa’ mal-konsumaturi quddiem stabbiliment fil-Mosta u staqsiet dwar jekk hux qed ilaħħqu mal-ħajja u jekk jaħsbux li fil-fatt għoliet il-ħajja.  

B’kollox madwar 20 persuna li aċċettaw li jwieġbu l-mistoqsijiet tagħna qablu unanimanent li l-ħajja għoliet, tant li kien hemm anzjani li qalu li lanqas ifaddlu ma jkunu jistgħu. L-ILLUM, minkejja li tkellmet ma' nies ta’ etajiet differenti, sabet li kollha kienu tal-fehma li fejn jidħlu l-affarjiet bażiċi bħal laħam, ħobż u prodotti tal-ħalib il-prezzijiet huma l-aktar li għolew. Minn naħa l-oħra, mara waħda biss, minn Ħaż-Żebbuġ, saħqet li lilha ż-żieda fil-prezzijiet ma taffetwahiex. Meta din il-gazzetta staqsiet fuq liema skala qed tlaħħaq mal-ħajja (1 ifisser xejn u 10 ifisser ħafna) hija qalet li tlaħħaq sew, jiġifieri 10.  

Meta mistoqsija, l-maġġoranza ta’ dawk li rrispondew taw bejn wieħed u ieħor marka ta’ 5 u 6 li tindika li l-konsumatur kien diġà qiegħed iħoss l-għafsa tal-għoli tal-ħajja imma xorta qed ilaħħaq. Minkejja dan, għal persuna mill-Imsida, għal pensjonanta minn Ħ’Attard u għal raġel minn Ħaż-Żabbar il-ħajja tant kienet diġà għoliet f'Jannar li qalu li mhumiex ilaħħqu, u allura taw il-marka ta’ 1.  

More in Socjali