Sitt għaqdiet jiktbu ittra ta' diżappunt lill-GWU u l-UHM dwar id-direttiva tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja

L-għaqdiet sostnew li l-unjins 'naqsu milli jħarsu l-interessi tal-ħaddiema' 

Sitt għaqdiet attivi favur id-drittijiet tal-ħaddiema, id-drittijiet tal-ġenituri u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, bagħtu ittra lill-General Workers Union (GWU) u lill-Union Ħaddiema Magħqudin (UHM) sabiex jesprimu d-diżappunt kbir tagħhom lejn ir-rwol tal-unjis fit-traspożizzjoni tad-Direttiva Ewropea dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja u sabiex jisħqu li din il-liġi dgħajfa tinbidel.

L-għaqdiet esprimew id-dispjaċir tagħhom li matul id-diskussjonijiet wara bibien magħluqa fil-Bord tar-Relazzjonijiet dwar l-Impjieg, il-unions aċċettaw li d-Direttiva tiġi trasposta b’mod li ma jqisx adegwatament il-ħtiġijiet tal-ħaddiema nisa u rġiel li għandhom responsabbiltajiet familjari u ta’ kura. L-Avviż Legali 201 tal-2022, li bih ġiet trasposta d-Direttiva, jagħti l-inqas possibbli lill-ħaddiema f’Malta bir-riżultat li, fil-prattika, l-għanijiet tad-Direttiva mhux ser jintlaħqu.

L-Għaqdiet spjegaw kif bl-eċċezzjoni tal-10 ijiem leave tal-paternità mħallsa bis-sħiħ, il-miżuri kollha l-oħra huma dgħajfa. Mill-erba’ xhur leave tal-ġenituri, xahrejn biss ser ikunu mħallsa u b’rata ta’ sick pay, €21.85 kull ġurnata. Spjegaw ukoll li minħabba dan, ftit huma l-ġenituri ħaddiema li ser ikunu jistgħu jaffordjaw jużaw dan il-leave.

"Wieħed mill-għanijiet tal-leave tal-ġenituri bi ħlas huwa li l-irġiel jiġu inċentivati jagħmlu użu minnu sabiex ir-responsabbiltajiet familjari jitqassmu b’mod aktar ugwali bejn is-sessi; għan li żgur mhux se jintlaħaq minħabba r-rata baxxa ħafna li ser jitħallas biha dan il-leave. Barra minn hekk, il-fatt li dan il-leave ma jistax jittieħed kollu f’daqqa (jista’ jittieħed xahar biss sakemm it-tfal ikollhom erba’ snin) ifisser li l-ġenituri mhumiex ser ikunu jistgħu jużawh meta l-iktar għandhom bżonnu."

Fl-ittra tagħhom l-għaqdiet qalu li r-riżultati ta’ din it-traspożizzjoni juri li l-unjins naqsu kompletament milli jkollhom influwenza favur l-interessi tal-ħaddiema matul id-diskussjonijiet fil-Bord tar-Relazzjonijiet dwar l-Impjieg. Il-miżuri li daħlu fis-seħħ huma l-minimu mandatorju mid-Direttiva u daħlu permezz ta’ eżerċizzju ta’ tick box intiż biss li, fuq il-karta, Malta tkun konformi mad-Direttiva, minflok eżerċizzju li jfittex li jagħmel differenza pożittiva fil-ħajja tal-ħaddiema ġenituri u b’responsabbiltajiet ta’ kura.

Fl-ittra tagħhom l-għaqdiet staqsew: Fejn kienu l-unjins sabiex jiżguraw li d-Direttiva tiġi trasposta b’mod li jitħarsu l-interessi tal-ħaddiema nisa u rġiel? Għalfejn il-unjins ma talbux li ssir konsultazzjoni wiesgħa? Għalfejn il-unjins aċċettaw li d-Direttiva tiġi trasposta bl-agħar mod possibbli? Għalfejn il-unjins naqsu milli jinnegozjaw miżuri li jkollhom impatt aktar pożittiv fuq il-ħaddiema u fuq l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fis-soċjetà?

L-għaqdiet temmew l-ittra billi qalu li ser ikunu qed jistennew li l-unions jaqdu l-irwol tagħhom ta’ difensuri tal-interessi tal-ħaddiema u jagħtu appoġġ sħiħ lit-talba li ser jagħmlu lill-Gvern sabiex ikun hemm konsultazzjoni wiesgħa u titjib sinifkanti fil-liġi. L-għaqdiet jemmnu li għandhom jidħlu fis-seħħ miżuri favur bilanċ bejn ix-xogħol u l-familja li verament jagħmlu differenza fil-ħajja tal-ħaddiema u fis-soċjetà.

Għaqdiet li kitbu din littra huma;

  • Moviment Graffitti
  • Malta Women’s Lobby
  • Malta Federation of Organisations Persons with Disability (MFOPD)
  • National Parent’s Society Persons with Disability (NPSPD)
  • Women’s Rights Foundation
  • Aditus Foundation

More in Socjali