'Il-Gvern għandu jagħmel moniteraġġ tal-abbużi fil-prezzijiet jekk irid irażżan l-għoli tal-ħajja'

L-ekonomista Clint Flores jitkellem mal-Editur tal-ILLUM Albert Gauci Cunningham u jwissi li l-prezzijiet mhux se jmorru lura u li l-quċċata tal-għoli tal-ħajja għad trid tintlaħaq jekk ma jittiħdux deċiżjonijiet fid-dawl ta' sanzjonijiet li jemmen illi iktar qed iweġgħu lill-Ewropa milli lir-Russja...

Il-Gvern - għalkemm ma jistax jiddetta l-prezzijiet hu - għandu jibgħat messaġġ ċar illi qed jagħmel moniteraġġ tas-sitwazzjoni tal-prezzijiet, biex b'hekk l-aspettativa tal-inflazzjoni titrażżan. Hekk sostna mal-ILLUM l-ekonomista Clint Flores dwar l-għoli tal-ħajja li bħalissa qed jiddomina d-diskussjoni, mhux biss lokalment imma madwar l-Unjoni Ewropea kollha hekk kif ir-rata ta' inflazzjoni qed tlaħħaq ċifri mill-aktar għoljin fi snin, bi prezzijiet ta' prodotti bħal-laħam kif ukoll l-enerġija u l-prezzijiet ġenerali tal-ikel telgħin b'rata mgħaġġla.  

Mal-ILLUM Flores saħaq illi huwa jemmen illi l-Gvern importanti li jibgħat messaġġ ċar kontra l-abbuż. "Abbuż se jkun hemm dejjem. F’kollox fil-ħajja ftit jew wisq f’suq ħieles ikun hemm abbuż. L-importanti li tibgħat messaġġ li dak l-abbuż se tkun qiegħed tarah u tagħmel moniteraġġ tiegħu u trażżnu."  

Huwa qal illi minkejja li statistikament Malta għandha l-inqas rata ta' inflazzjoni fl-Unjoni Ewropea, l-aspettativa ta' kemm se togħla l-ħajja  hija waħda "xi ftit jew wisq għolja" u allura l-konsumatur qed jistenna li l-ħajja tkompli togħla, xi ħaġa li tista' twassal biex fil-fatt il-prodotti jogħlew mhux għax tkun għoliet il-materja prima jew it-trasportazzjoni,  imma propju għax ikun hemm l-apsettativa li se jogħlew il-prezzijiet. Kien għalhekk u f'dan id-dawl li mal-ILLUM Flores reġa' saħaq fuq l-importanza li l-Gvern jibgħat sinjal b'saħħtu ta' moniteraġġ fuq is-sitwazzjoni, biex  - skont hu - "tingħata daqqa lil din l-aspetattiva tal-inflazzjoni u din tibda titrażżan."  

'L-istrateġija tal-Gvern Malti - li "jixtri" ftit ħin -  qed tkun effettiva' 

Minkejja dan l-ekonomista sostna mal-ILLUM ukoll illi huwa jemmen illi l-istrateġija tal-Gvern Malti qed tkun, "b’xi mod aktar effettiva imqabbla ma' pajjiżi oħra fejn l-istess inflazzjoni litteralment kilithom."  

Mistoqsi għaliex jaħseb li dan huwa l-każ, Flores semma' l-fatt li permezz ta' €200 miljun l-Gvern qed jagħmel tajjeb għal żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija, żidiet li esperjenzaw il-pajjiżi kollha tal-UE b'indiċi ħafna ogħla minn ta' Malta - li sa April kien ta' 96. L-ogħla prezzijiet ġew rreġistrati fid-Danimarka fejn l-indiċi jitla' għal 416, in-Norveġja (316), il-Belġju (287) u l-Olanda (263).  

Flores fakkar li apparti s-sussidji fuq l-enerġija l-Gvern qed jissusidja wkoll il-qmuħ u sostna illi kieku l-Gvern ma ħax dawn il-passi d-daqqa tal-inflazzjoni kienet tkun bil-wisq akbar. Jirrikonoxxi li dan l-ilqugħ għall-għoli tal-ħajja ġej mill-finanzi tal-pajjiż u allura mit-taxxi li jħallsu n-nies. "B’dan il-mod tkun qiegħed tixtri ftit il-ħin sakemm l-affarijiet joqgħodu u jikkalmaw. Il-Gvern Malti għalhekk qiegħed jevita sitwazzjoni fejn meta se tiġi ż-żieda għall-għoli tal-ħajja (COLA) jagħti żieda li tirrifletti dik li hemm fl-istatistika jew viċin tagħha. Dan ifisser li tevita li jkollok inflazzjoni għolja ħafna li taħrab mill-idejn u li min iħaddem fil-privat u anke l-Gvern ma jkunux jistgħu jlaħħqu magħha u allura tirriżulta f’telf ta’ impjiegi," sostna Flores.  

Rapporti fil-mezzi tax-xandir diġà indikaw li l-COLA - li tinħadem b'mekkaniżmu li jikkalkula l-għoli tal-ħajja, b'toqol differenti lill-prodotti u servizzi differenti - li titħabbar fil-Baġit jaf tlaħħaq is-€6 fil-ġimgħa jew saħansitra taqbeż dan l-ammont, din is-sena.  

Huwa kompla jwissi illi meta l-għoli tal-ħajja taħrab mill-kontroll, ikun diffiċli li jerġa' jiġi kkontrollat u għalhekk hemm bżonn pjan għax ifakkar li l-għoli fil-prezzijiet hija daqqa doppja: L-għoli nnifsu li jfisser li trid toħroġ aktar flus u l-fatt li l-flus disponibbli - dak li jifdallek fil-but - jonqsu, bil-konsegwenza li tonqos s-saħħa tal-paga. 

L-akbar uġigħ ta' ras? 'Il-provvista tal-ikel!' 

Flores qal mal-ILLUM li huwa jemmen li l-akbar uġigħ ta' ras se tibqa' l-provvista, speċjalment l-ikel. "Se naslu f’punt fejn kollox se jkun affettwat b’mod sistematiku, sitwazzjoni li se ttawwal jekk il-provvista tibqa’ li hi." 

Kien hawn illi Flores reġa' kkritika s-sanzjonijiet ewropej u l-effett tagħhom, kif kien diġà għamel ma' din il-gazzetta u sostna li dawn qed jaħdmu l-kontra, u minflok iweġġgħu lill-ekonomija Russa, qed iweġġgħu lill-ekonomiji tal-punent, inkluż dik ewropea. Fil-fatt huwa jakkuża lill-UE li "għaġġlet".  

Huwa fakkar li l-President Russu Vladimir Putin sab swieq differenti "u qiegħed ibiegħ aktar fl-Asja." 

"Dan ifisser li aktar ma jtawwal aktar jaf li ċertu ekonomiji Ewropej se jitniżżlu għarkuptejhom. Il-buttuna tal-għoli tal-ħajja f’idejn Putin qiegħda u mhux bil-kontra," sostna l-ekonomista mal-ILLUM. Kien hawn li saħaq illi bid-deċiżjonijiet li ħadet l-Ewropa daħlet fi sqaq għax - skont hu - l-Amerikani riedu jaslu għaċ-Ċina, li jfakkar illi hija kompetitur dirett tal-Istati Uniti u li qed tkompli tavvanza ekonomikament à skapitù ta' drittijiet tal-bniedem u fatturi bħal, protezzjoni tal-privatezza u d-data.  

Huwa kompla jgħid illi l-akbar inkwiet mhuwiex issa iżda meta tasal ix-xitwa u tibda il-kesħa fin-naħa ta’ fuq tal-Ewropa. Huwa qal li jista' jkun illi f'dan il-punt jibdew jinħassu t-tensjonijiet soċjali fit-toroq għax "in-nies mhux se taċċetta li tgħix b’dan il-mod u nemmen li finalment jekk dil-gwerra se tkompli ttawwal, se jbatu ħafna nies u jiftaqru ħafna nies, speċjalment meta qed ikun ikkunsidrat li tiżdied l-ispiża fil-militar li hi spiża apparti u mhux obbligatorja u li għandha titħallas lejn il-baġit tal-Unjoni Ewropea."  

Fil-fatt ċerta pajjiżi ewropej, bħal Franza, diġà qed iħeġġu lin-nies biex jikkonsmaw inqas enerġija minħabba provvista u prezz, filwaqt illi l-Gvern Ġermaniż sostna li se jkun qed jestendi l-użu tal-impjanti li jaħdmu bil-faħam - direzzjoni dijamettrikament oppposta għal dik li kienet qed tieħu l-UE, fid-dawl ta' tragwardi marbutin mal-ambjent u l-bidla fil-klima.  

malta fil-qiegħ tal-lista tal-UE, bl-inqas rata ta' inflazzjoni fl-EU matul Ġunju li għadda
malta fil-qiegħ tal-lista tal-UE, bl-inqas rata ta' inflazzjoni fl-EU matul Ġunju li għadda

'Il-prezzijiet qatt mhu se jmorru lura għal dak li kienu'  

Mistoqsi dwar il-possibilità li l-prezzijiet u l-inflazzjoni jikkalmaw Clint Flores ma tantx kien ottimist. Huwa qal li jemmen illi kif inhi s-sitwazzjoni bħalissa l-prezzijiet "qatt mhu se jmorru lura għal dak li kienu."  

Huwa fakkar li l-proċess li permezz tiegħu titwaqqaf l-inflazzjoni jissejjaħ diżinflazzjoni, u allura dak ikun xenarju fejn il-ħajja ma togħliex daqstant. Filwaqt li qal li ma jarax dan ix-xenarju jseħħ, kif fil-fatt kien ġara fil-Ġappun, fakkar li diżinflazzjoni tagħmel ħsara lill-ekonomiji daqs l-inflazzjoni. Huwa qal li dan huwa minħabba illi jwassal għal nuqqas ta' investiment.  

"Jekk jiena bħala investitur qed nara l-prezzijiet jaqgħu se nistenna qabel ninvesti, għax inkella se nbigħ il-prodott bi prezz inqas u forsi saħansitra inqas mill-ispiża biex nipproduċih," spjega Flores mal-ILLUM. "Allura, ma jkunx hemm investiment u ovvjament jintilfu l-impjiegi ukoll. Li rridu nżommu taħt kontroll hija r-rata ta’ kemm togħla l-ħajja." 

U finalment l-ekonomista Clint Flores qal illi qed jinnota li l-munita Ewro waqgħet fil-valur meta mqabbla mad-dollaru Amerikan. Dan ifisser li bħalissa tista’ tixtri id-dollaru Amerikan kważi bl-istess prezz tal-Ewro. "Dan ifisser ukoll li l-esportazzjoni mill-Ewropa se tkun irħas, imma biex tesporta l-Ewropa trid timporta materja prima, u jekk il-munita Ewro waqgħet se tkun qed timporta b’aktar għoli u din se tkompli twassal għal-aktar inflazzjoni meta jgħaddi ftit żmien. F’dan l-istadju tagħmel x’tagħmel jekk l-Ewropej mhux se jaraw kif se jinnewtralizzaw il-prezzijiet bil-fiskal, is-sitwazzjoni se tiggrava u l-quċċata tal-għoli tal-ħajja jkun fadallu sabiex jintlaħaq," itemm jipprevedi mal-ILLUM.

More in Socjali