Triq Sant'Anna l-aktar imniġġsa f'Malta b'livelli ta' tniġġiż li jaqbżu l-massimu stabbilit mill-UE

U l-aktar arja nadifa qegħda fl-Għarb, Ħad Dingli, il-Madliena, iż-Żurrieq u l-Imġarr, fost oħrajn... skont ċifri mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti 

Triq Sant'Anna fil-Furjana tibqa' l-aktar triq imniġġsa f'Malta b'livelli ta' Dijossidu tan-Nitroġenu (NO2) li huwa mhux biss l-ogħla minn kull lokalità u triq oħra f'Malta imma wkoll f'livelli li huma ħafna ogħla minn dawk stabbiliti mill-Unjoni Ewropea. Fil-fatt il-livell annwali ta' NO2 fl-arja s-sena l-oħra tela' għal 61.6 mikrogrammi għal kull metru kubu, meta l-limitu annwali skont id-Direttiva tal-UE (2008/EC/50) suppost ikun 40 mikrogramma. Dan ma jirrapreżentax il-livelli ta' NO2 fil-Furjana kollha, fil-fatt fi Triq Pietro Floriani (Valletta Waterfront) dan il-livell jonqos b'aktar minn nofs, għal 24.5.  

Triq Sant'Anna hija dik prinċipali fil-Furjana li minnha jgħaddu eluf kbar ta' karozzi, ta' nies deħlin il-Belt Valletta/Il-Furjana għax-xogħol u eluf ta' vetturi oħrajn ta' tal-linja li ta' kuljum jgħaddu miż-żona.  

Din l-informazzjoni ingħatat fil-Parlament mill-Ministru tal-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża Miriam Dalli meta kienet qed twieġeb lid-Deputat tal-Oppożizzjoni Darren Carabott u kienet qed tagħti informazzjoni miġbura mill-Moniteraġġ tal-ERA.  

L-NO2 huwa wieħed mill-gruppi ta' gassijiet reattvi magħrufin bħala ossidi u jispiċċa l-aktar fl-arja permezz ta' ħruq ta' fjuwils minn karozzi, trakkijiet, vetturi bħal xarabanks, power stations u vetturi oħrajn li jintużaw lilhinn mit-toroq (vetturi wżati għall-biedja, per eżempju).  

L-effetti tal-NO2 mhumiex ċajta! Fil-fatt arja b'livelli għoljin ta' NO2 twassal għal irritazzjoni fis-sistema respiratorja, biex mard respiratorju jiggrava, partikolarment l-asthma. Dan iwassal għal sintomi bħal sogħla, tħarħir u diffikultà sabiex persuna tieħu nifs.  

Nies bl-asthma - speċjalment tfal - tfakkar il-United States Environmental Protection Agency huma aktar vulnerabbli għall-effetti tal-NO2.  

Apparti l-effetti fuq in-nies, l-NO2 iħalli effetti ambjentali wkoll hekk kif jinteraġġixxi mal-ilma l-ossiġenu u kimiċi oħra fl-atmosfera, li allura jwassal għall-formazzjoni ta' xita aċiduża. Xi kultant ukoll jwassal biex l-arja tiċċajpar.  

Minkejja li Triq San'Anna kellha l-ogħla livelli ta' NO2 f'Malta fl-2021, hemm toroq oħrajn fejn il-kalkolu jaqbeż il-50 mikrogramma. Fost dawn hemm l-aktar toroq traffikużi ta' Malta u ċentri urbani traffikużi.  

Triq Sant' Andrija fis-Swieqi (St. Andrew's)- triq li taqsam lis-Swieqi minn Pembroke - kellha t-tieni l-ogħla livell ta' NO2 (55.6), segwita minn Triq Aldo Moro, Marsa (54.4), Triq Kordin, f'Raħal Ġdid (It-triq tal-MCAST li tagħti għal Għajn Dwieli) tiġi wara b'livelli ta' NO2 ta' 53.4.  

Postijiet oħrajn fejn il-livell annwali ta' tniġġis tal-arja ma kienx daqstant għoli, imma xorta ogħla mil-40 mikrogramma kull metru kubu li tesiġi l-UE kienu, Triq Sant'Tumas f'Ħal Luqa b'44.9 (it-triq li tieħdok lejn Ħal Qormi), it-triq il-prinċipali tal-Ħamrun - Triq San Ġużepp - b'43.4 u t-Telgħa tas-Saqajja b'44.1.  

Għawdex u Ħad Dingli bl-iktar arja nadifa! 

Skont l-istess informazzjoni li ħarġet fil-Parlament l-aktar rata baxxa ta' NO2 fl-arja kienet irreġistrata fir-raħal żgħir tal-Għarb fejn l-istazzjon tal-Moniteraġġ irreġistra biss 2.6 mikrogrammi. Irħula oħrajn Għawdxin ukoll irreġistraw livelli baxxi ta' tniġġiż b'10.5 f'Marsalforn, 9.1 fin-Nadur, 8.7 fix-Xlendi, 7.1 fil-Fontana, 13.7 fix-Xagħra u 14.8 fix-Xewkija, fejn hemm ukoll numru ta' fabbriki u allura konċentrazzjoni ftit ikbar ta' nies li jmorru għax-xogħol.  

L-aktar arja mniġġsa f'Għawdex - kif mistenni - hija fir-Rabat, il-kapitali, fejn il-livell tal-NO2 xorta jibqa' ftit inqas mill-massimu stabbilit mill-UE, b'39 mikrogramma.  

Jekk naqsmu l-fliegu insibu li l-aktar arja nadifa tinsab f'Ħad Dingli (Triq Ġużè Ebejer) fejn kienu reġistrati 5.8 mikrogrammi ta' NO2. Il-Għargur b'9.3, iż-żona ta' Santa Marija Estate fil-Mellieħa b'8.1, Pembroke (in-naħiet wara l-ITS) b'9.1, Tal-Virtù, ir-Rabat b'9.5, viċin iż-żona tal-Playground fis-Siġġiewi b'8, il-Madliena b'7.7, iż-żona ta' Wied Babu fiż-Żurrieq b'6.6 u l-Imġarr (naħa tal-Housing Estate) b'7.1 - huma wkoll fost l-aktar żoni b'arja nadifa f'Malta. 

Żoni oħrajn fejn huwa tajjeb li tieħu nifs 'il ġewwa mingħajr ma tagħmel wisq ħsara lilek innifsek huma, fiż-żona ta' Misraħ Kola f'Ħ'Attard, fejn ġiet irreġistrata medja ta' 11.1 ta' mikrogrammi għal kull metru kubu ta' NO2, iż-żona Tal-Papa f'Birżebbuġa b'10.5, iċ-ċentru ta' Ħal Kirkop b'11.1 u ż-Żejtun b'11.7.

More in Socjali