'Nicholas miet għax kien sempliċiment numru u statistika. Ħadd ma ħaqqu hekk' - Richmond

Il-Fondazzjoni Richmond tisħaq li ħadd mhu jitkellem dwar 'il-pandemija' ta' nies li qed ibatu minħabba sitwazzjonijiet li joħolquhom stress kbir f'ħajjithom

Il-Fondazzjoni Richmond li taħdem biex tqajjem kuxjenza dwar is-saħħa mentali, saħqet li Nicholas Camilleri miet għax kien “sempliċiment każ ieħor, numru u statistika.”

Fi stqarrija, il-Fondazzjoni qalet li r-raġel miet għax is-sistema falliet miegħu minkejja li kien persuna vulnerabbli. Saħansitra qalet li l-mewtha tiegħu setgħet ġiet evitata.

“Miet għax leħnu u leħen il-familja tiegħu ma kinux mismugħa. Miet għax dawk li jħobbuh ma setgħux jiksbu t-tweġibiet li riedu u ma setgħux jagħtu l-perspettiva tagħhom,” qalet l-istqarrija.

Kien hawn li l-Fondazzjoni qalet li din hija “pandemija” li ħadd mhu qed jitkellem dwarha, jiġifieri dik ta’ nuqqas ta’ saħħa mentali, fost bosta persuni, minħabba stress żejjed fil-ħajja.

Iddeskriviet is-sitwazzjoni bħala waħda “gravi” minkejja li hemm persuni li ilhom snin ibagħtu.

Il-Fondazzjoni fakkret li twaqqfet apposta biex tagħti dinjità lin-nies, rispett u tassigura li leħinhom ikun mismugħ.

Insistiet li taħdem biex tagħti l-appoġġ tagħha lil dawk il-persuni li qed ibatu għax saħqet li ħadd ma għandu jitlef ħajtu sempliċiment minħabba t-toqol ta’ xi problema ta’ saħħa mentali.

“Nicholas niskużaw ruħna għax is-sistema falliet lilek u lill-familja tiegħek. Se nkomplu naħdmu biex niġġieldu din it-tip ta’ inġustizzja,” kompliet l-istqarrija.

Il-Fondazzjoni temmet tgħid li l-pajjiż jeħtieġ jifhem hemm hi importanti s-saħħa mentali u jibda jagħtiha l-importanza meħtieġa.

Nicholas instab mejjet f'kamra f'San Pawl il-Baħar ftit wara li ħalla messaġġ twil fuq Facebook.

More in Socjali