‘Ġejt hawnhekk sħiħ, trid terġa' tmur lura d-dar sħiħ, għandek familja tistennik’ – Charles Borg, pirotekniku

Il-gazzetta ILLUM tiltaqa’ mal-pirotekniku Charles Borg, li mill-kamra tan-nar ta’ San Ġorġ, f’Ħal Qormi, jispjega aħjar l-isfidi tal-arti tal-piroteknika imma ukoll is-sodisfazjon li wieħed jieħu minn dan ix-xogħol

Fil-belt ta’ Ħal Qormi hemm żewġ qaddisin li jiġu ċċelebrati u frekwentament tispikka l-pika l-iktar waqt il-marċ bejn iż-żewġ festi, imma dik il-pika tinħass ukoll fil-kamra tan-nar? 

Fil-pront Charles Borg, pirotekniku ġewwa l-kamra ta’ San Ġorġ, wieġeb li “assolutament le.” Huwa insista li f’dan ix-xogħol m’hemmx post għal pika. Jikkunsidra li forsi jkun hemm element ta’ kompetizzjoni fejn jipprovaw jipperfezzjonaw ix-xogħol li qed jaħdmu fuqu iżda din xorta mhux prijorità. 

“Pika żejda ġġiblek il-periklu, lanqas l-amministru tal-kamra qatt mhu se jippermettiha. Ġejt hawnhekk sħiħ, trid terġa tmur lura d-dar sħiħ, għandek familja tistennik.” żied Borg. 

Tenna li l-priorità assoluta hi s-sigurtà u li hi idea żbaljata li l-pika li forsi tinstab fil-marċi tmur lill hinn mill-pjazzez. 

Il-pandemija u l-għoli tal-ħajja jaffetwaw ukoll lill-kmamar tan-nar 

Mid-dehra l-pandemija affetwat lill-kmamar tan-nar ftit mhux ħażin. Charles Borg jiddeskrivi l-pandemija bħala “xokk kbir” li ma kienx qed jistenna. Irrakkonta kif meta waslet il-Covid-19 f’Malta, il-Kamra tan-Nar ta’ San Ġorġ kienet waslet fl-aktar parti kruċjali tal-praparamenti tagħha. Dan minħabba li kienu ġimgħat ‘il bogħod mill-festa liturġika ta’ San Ġorg Martri, dik tat-23 ta’ April, imma wkoll xhur ‘il bogħod mill-festa, li tkun iċċelebrata fl-aħħar ġimgħa ta’ Ġunju. 

“Kienu stejjer li nismgħu biss, bħal fit-Tieni Gwerra Dinjija meta l-festa ma saritx, jew meta kien hemm it-traġedja tal-1982 u l-festa kellha titħassar. Kien xokk! Il-kamra, li s-soltu tkun mimlija attività, kella tibda’ timplimenta distanza soċjali, anke fil-kamra tan-nar fejn is-soltu inkunu familja waħda,” qal Borg. 

Jgħid li dan kien virus li ħadd ma kien jaf x’inhu, u għalkemm kien hemm kmamar tan-nar li ddeċidew jagħlqu l-bibien għal kollox, huma żammew il-kamra miftuħa, iżda b’ħafna miżuri. 

“Imma x’ġara? Waqaf il-qligħ kollu finanzjarju. Il-commitments li għamilt xorta trid tħallashom, u dik kienet spiża kbira,” qal Borg filwaqt li żied jgħid li wara ftit xhur ta’ inċertezza ġie mħabbar li l-festi jistgħu jsiru b’mod ridott. 

“Tan-nar ingħatajna permess li naħarqu xi ħaġa ukoll fl-istaġun tas-sajf ta' dik is-sena partikolari. Kien hemm avvenimenti tal-Gvern li saru biex il-kmamar tan-nar jittafew xi ftit mill-materjal, mill-ammont ta' nar li kellhom u dik is-sena għaddejniha hekk.” 

Jiddeskrivi mal-ILLUM is-snin tal-2020 u l-2021 bħala “ta’ dwejjaq kbar” għad-dilletanti. Qal li minkejja illi ħarqu xi materjal xorta’ baqa’ l-fatt li l-festi ma sarux bħas-soltu, it-toroq baqgħu vojta u nies kienu imbeżżgħin. 

Għaldaqstant, skont hu, l-pandemija għallmet lil din kamra tan-nar partikolari “biex ma narawx kbir.” Spjega li għalkemm jaf biċ-ċert li se jkollhom festa tajba bħas-soltu, għamlu biċ-ċert li ma jesaġerawx. 

“Ħadna ħsieb kollox, xejn mhu se jkollna inqas mis-soltu pero’ hemm ċertu limitazzjonijiet. Eżempju fejn qabel konna nagħmlu spettaklu ta’ nofs siegħa issa ħa nagħmluh 20 minuta. Trid tibża’ għal li għandek.” 

Mal-ILLUM spjega li issa li l-pandemija qegħda warajna l-ikbar sfida hi “ż-żidiet fil-prezzijiet, li qed jisparaw ‘il fuq. Il-materjal li normalment jintuża sabiex tiġi preparata din l-arti f’ċertu każi trippla fil-prezz.” 

Mistoqsi mill-ILLUM x’qed iseħħ rigward fondi, huwa spjega li l-ġbir ta’ fondi wkoll inbidel drastikament, u illum jiddependi aktar fuq bejgħ ta’ nar u fondi mill-Gvern. Il-fondi mir-residenti naqas, kemm minħabba l-isfidi tal-ħajja nnifsihom u anke minħabba li hemm nies ġodda li ġew jgħixu fil-lokalità li għandhom rabta inqas profonda ma’ Ħal Qormi.  

“Is-sistema ta' ġbir tal-festa, inbidel xi ftit ukoll, m'għadekx tmur tħabbat bieb bieb u tiġbor kemm tixtieq. Illum is-sistema ta' finanzi tiddependi fuq ix-xogħol li jinbigħ għal barra. Min qabel kien jaħsibha li n-nar m'għandekx tbigħu u żżommu biss għal festa tiegħek, issa qed ibiddel il-ħsieb għax finanzi għandu bżonn biex jibqa għaddej.” 

‘Li l-art qed tonqos hi xi ħaġa li tweġġa' ħafna nies u mhux lilna biss’ 

Sfida oħra kbira għad-dilettanti tan-nar hi dik tal-art minn fejn jaħarqu n-nar li qed tkompli titnaqqar biż-żmien. Huwa saħaq li l-iżvilupp fil-pajjiż hu “realtà li ma nistgħux inwaqfu” u qal li din mhux xi ħaġa inkwetanti għall-bdiewa, ambjentalisti u residenti biss. Kompla jgħid li “din l-isfida f’Ħal Qormi hi agħar minħabba l-art limitata fil-belt.” 

“L-agħar issa li s-sidien qed jinbidlu, u minħabba restrizzjonijiet personali, is-sid il-ġdid m'għadux ikun daqsek kuntent li jselfek l-għalqa biex taħraq in-nar minnha. Din realtà li mhux aħna biss naffaċjaw, imma wkoll lokalitajiet oħra. Il-problema hi, min fejn se taħraq in-nar?” 

Huwa insista li bħala l-kamra tan-nar ta’ San Ġorġ, huma jieħdu kull prekawzjoni meta jaħarqu n-nar. Fiehem li qabel ma jaħarqu n-nar, jitkellmu mal-ġirien sabiex jaraw fejn jista’ jkun hemm periklu u jaħsbu minn qabel kif se jevitawh. Bħala eżempju spjega x’jiġri f’każ li fil-viċinanzi jkun hemm it-tiben, li jaqbad malajr jekk tmiss ġamra miegħu. Dan filwaqt li jekk ikunu jafu li hemm żoni kbar x’jipproteġu, jaħsbu għal iktar minn vettura waħda tat-tifi tan-nar.  

“Inċident huwa inċident, jekk taqalek ġamra f'post li ma kontx qed tistenna li taqa', iġġiblek il-ħsara allura nipprovaw nieħdu l-prekawzjonijiet kollha minn qabel. Aħna prekawzjonijiet nieħdu iktar milli titlobna l-liġi.” qal mal-ILLUM. 

‘Ma nafux il-pjanijiet eżatt imma jekk issir il-flyover se jkollna problema’ 

Il-kamra tan-nar ta’ San Ġorġ taħraq in-nar tagħha fl-Imrieħel, ftit għelieqi ‘l bogħod minn fejn qed jiġi propost flyover mill-Gvern. Kien għalhekk li l-gazzetta ILLUM staqsiet lil Charles Borg jekk hux se jkun qed jaffetwahom dan il-proġett. 

Fi ftit kliem huwa qal li bħalma l-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi m’għandux idea tal-pjanijiet il-ġodda min-naħa tal-Gvern, lanqas huma ma jafu x’se jinkludu fihom. Minkejja dan, “jekk titwessa' l-bypass, ovvjament ħa niġu affetwati bla dubju għax id-distanzi jonqsu,” iżda jemmen li “s-sens komun jirrenja fl-aħħar minn l-aħħar.”  

Il-karba tar-residenti, tal-bdiewa u tad-dilettanti tal-festa, hija l-istess iżda l-unika ħaġa li jistgħu jagħmlu hu li jistennew il-pjanijiet finali u jirreaġixxu għalihom skont il-bżonn. 

“Kamra tan-nar mingħajr post minn fejn tkun tista’ taħraq, teżisti għalxejn. Jekk mhux se jkollna minn fejn naħarqu l-materjal mela ma jkunx jagħmel sens li jkollok kamra tan-nar,” insista Borg. 

Huwa spjega mal-ILLUM kif iż-żoni fejn huma jaħarqu n-nar huma żoni ta’ kuntrast. 

“Naħa minnhom hemm it-torrijiet, simboli tal-iżvilupp u n-naħa l-oħra għandek kamra tan-nar li ilha hemm mitt sena. Jien l-iżvilupp fejn sar hemmhekk ma jdejjaqni xejn imma rridu nirrispettaw lil xulxin. Aħna nirrispettawhom bil-prekawzjoni li nieħdu imma nistenna li r-rispett ikun reċiproku,” temm jgħid fuq dan ir-rigward.  

‘Fl-aħħar snin ġew żviluppati materjali li ma jdaħħnux’ 

Fuq suġġett puttost differenti l-gazzetta tfakkru li l-logħob tan-nar joħloq tniġġiż fl-arja u tistaqsih x’qed iseħħ f’dan ir-rigward. Mal-ewwel huwa jammetti li xi ftit jew wisq in-nar jagħmel ħsara għax fl-aħħar minn l-aħħar huma gassijiet li qed jinħarqu fis-sema. Għaldaqstant, żied jgħid li matul l-aħħar snin, l-iżvilupp li qed isir fid-dinja tal-piroteknika wassal biex jiġu żviluppati materjali li ma jdaħħnux. Huwa qal li fl-aħħar ftit snin raw qabża kbira fil-kwalità tan-nar propju minħabba l-materjal li jintuża.  

“Is-soltu konna naħarqu dejjem bl-istess tliett kuluri. Tmur liema tmur festa, tara l-istess tliet kuluri. Illum grazzi għall-kuntatt mal-esperti barra minn Malta, żviluppajna,” saħaq Borg. 

Bl-istess tema ta’ ambjent huwa qal li anke huma ma jridux l-għelieqi jispiċċaw, forsi għal għan iktar ‘egoist’ iżda xorta jibżgħu għalihom. Huwa għalhekk li huma joħolqu ħbiberija sinċieri mal-bdiewa tal-madwar. 

“Kumbinazzjoni din il-ġimgħa kont qed nitkellem ma sid ta' għalqa, għidtlu “jiena narak parti mill-familja tagħna, aħna katina, aħna mingħajrek m’aħna xejn," qal mal-ILLUM. 

‘Dak li huma jaraw bħala storbju, għalina d-dilettanti hu ħoss tradizzjonali’ 

Il-gazzetta talbitu għall-opinjoni tiegħu dwar ilmenti li bdew isiru fis-snin riċenti fir-rigward ta’ “storbju żejjed,” speċjalment minħabba l-ħruq ta’ murtali. Hu mal-ewwel fehem li dawn il-persuni kienu qed jirreferu għal dawk li huwa sejjaħ “il-beraq.” 

“Fejn jidħol ix-xogħol tal-beraq, importanti niftakru li dan hu xogħol tradizzjonali. Fil-fatt il-ħoss għandu sinifikat. Il-fatt li qed tara murtal tal-beraq b'żewġ ħsejjes, inti forsi mhux tiddenfikah imma għad-dilettant, dik mużika għal widnejn.” 

Spjega li dan hi element mill-logħob tan-nar li huwa uniku għal pajjiżna, u li filwaqt li qed iseħħ biss f’Malta, hemm pajjiżi speċjalment l-Italja li qed jippruvaw jimitaw il-ħoss. 

Tenna li din hija tradizzjoni li “fortunatament qed tinsteraq,” u hawn fejn mid-dehra qed tinqala’ dilemma bejn id-dilettanti. 

“Hemm min ma jridx li toħroġ mill-pajjiż għax hi tradizzjoni Maltija, pero' hemm kulturi b'mod partikolari fl-Italja, li qed jippruvaw jagħmlu xi ħaġa bħalna u dik għal uħud ma ddejaqhomx.” 

Fil-fatt f’dawn l-aħħar ġimgħat, eluf ta’ Maltin tpaxxew jaraw il-marċ tal-festa tant popolari bl-isem ‘Il-King’, bl-istatwa ta’ San Ġorġ tiġri f’baħar aħmar, fit-toroq ta’ Modica. 

Is-sodisfazzjon tal-ħaddiema fil-kamra tan-nar... 

L-ILLUM staqsiet x’inhu s-sodisfazzjon li wieħed jieħu minn dan ix-xogħol u Borg wieġeb li s-sodisfazjon hu differenti skont lil min tistaqsi. 

Spjega li jekk tistaqsi l-amministratur tal-kamra se jwieġeb li “jasal il-Ħadd filgħaxija, wara li tkun għaddiet il-festa, u ma jkun weġġa’ ħadd.” Min-naħa l-oħra jekk tistaqsi minn att ta’ pirotekniku, is-sodisfazjon huwa li “dak il-prodott li poġġejt f'kotenitur ta' tmien pulzieri wisa’ bi tmien pulzieri għoli, rajtu fis-sema, għamel ċirku sabiħ, paxxik u ħoloq id-diżinn bil-kuluri u l-beraq li paxxa n-nies u ġab kliem ta' tifħir.” 

Huwa temm jirrimarka li s-sodifazzjon ikompli jikber meta wieħed jagħraf li dik is-sena ħidma rriżultat fi prodott li ġie mfaħħar mhux biss mill-Maltin imma wkoll mit-turisti, li jfakkar li ħafna jitpaxxew bih Ħadd wara Ħadd fl-iljieli sħan tas-sajf. 

More in Socjali