70 koppja diġà ingħataw rifużjoni ta' flus li ħallsu għal mediċini tal-IVF

Id-Deputat PM u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne jgħid li bħalissa hemm erba' embrijuni li kienu ffriżati u se jiġu adottati waqt li twieldu l-ewwel żewġ trabi minn sperm donation...

 

B'kollox, sa issa, kienu 70 koppja li gawdew minn rifużjoni ta' flus fuq mediċini tal-IVF wara li l-Gvern ħabbar illi dawn il-mediċini mhux biss se jibdew jingħataw bla ħlas, imma li l-miżura kienet retroattiva mill-1 ta' Jannar li għadda.  

Il-Ministeru tas-Saħħa kkonferma mal-gazzetta ILLUM wkoll illi dawn il-koppji ħadu bejniethom total ta' €111,324. 

Intant din il-ġimgħa l-Parlament beda jiddiskuti emendi għal-Liġi tal-IVF, wegħda elettorali Laburista fl-aħħar elezzjoni ġenerali. Fil-fatt il-PM Robert Abela kien wiegħed illi Gvern ġdid Laburista jressaq dawn l-emendi fl-ewwel 100 jum tiegħu, kif fil-fatt ġara.  

Mal-ILLUM id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne jgħid illi mhux talli minn kemm ilhom li saru t-tibdiliet ma ntremew ebda embrijuni li ġew kiro-priservati (jew inkella popolarment riferuti bħala 'iffriżati'), talli qal li minn 33 omm li qed tistenna tqala bħalissa mill-IVF, 25 qed iġorru embrijun li kien iffriżat għal numru ta' ġimgħat jew xhur. Apparti dan, Fearne qal ukoll li bħalissa hemm embrijuni li qed jistennew illi jiġu adottati wkoll.  

Id-Deputat PM ifakkar illi kien propju dan li wassal għat-tibdiliet tal-2018, minn Gvern Laburista, liema emendi wasslu biex 400 każ ta' embrijun kienu ffriżati u tpoġġew f'mara biex twelled.  

Għall-mistoqsija fil-fatt tal-ILLUM dwar għaliex inħass li din il-liġi kellha terġa' tiġi emendata għal darba oħra u ma saritx kif proposta issa mill-ewwel, Fearne fakkar illi t-teknoloġija dejjem tavvanza u tvarja. "Aħna tajna u erġajna qed nagħtu qafas legali u regolatarju li permezz tiegħu l-ispeċjalisti u t-tobba jkunu jistgħu jużaw l-aħħar teknoloġija medika biex jinħolqu ħajjiet ġodda," sostna Fearne.  

Huwa fakkar li l-ewwel liġi tal-IVF kienet saret fl-2012, u dan biex il-prattika tiġi regolata u jkun determinat x'jista' u ma jistax isir. Huwa qal iżda li fl-opinjoni tiegħu u ta' bosta esperti, din il-liġi kienet wisq restrittiva propju għax ma kinitx tħalli li jsir il-proċess tal-iffriżar tal-embrijun.  

Fil-fatt fl-2018 kien dan il-punt l-aktar illi ġie kkritikat mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista li kienet qalet illi dawn l-emendi se jfissru li jiġu ffriżati u eventwalment "jintremew" il-ħajjiet. 

Fearne iżda iċċara li mill-2018 lil hawn ma ntremiex embrijun wieħed li ġie ffriżat. 

Huwa kompla jfakkar ukoll li fl-2018 il-bidliet wasslu biex anke koppja nisa setgħu jibdew igawdu mill-bidliet, apparti mill-adozzjoni tal-gamiti f'każi fejn l-IVF mhuwiex biżżejjed waħdu. 

"Dan filwaqt li għall-ewwel darba għandna żewġ trabi li twieldu mill-isperm donation, u hawn qed nitkellmu fuq żewġ ħajjiet. Dan seta' jsir wara l-liġi tal-2018," sostna Fearne.  

X'inhuma uħud mill-bidliet li qed jipproponi l-Gvern?  

Dwar l-emendi li qed jitressqu u għall-mistoqsijiet ta' din il-gazzetta Fearne jgħid li sa issa koppji li għażlu - jew inkella għax bilfors hekk kellhom jagħmlu - li jagħmlu IVF barra mill-pajjiż u kellhom embrijuni ffriżati barra mill-pajjiż  setgħu jġibuhom lura jekk il-proċess ikun sar qabel l-2018 biss, bir-raġunament li minn dik id-data il-proċess kien beda jsir f'Malta stess. Issa, jispjega, anke f'każi ta' embrijuni ffriżati wara l-2018 dawn jistgħu jinġiebu Malta u l-koppji ma jkollhomx għalfejn ikomplu l-proċess barra l-pajjiż. 

Huwa qal li bidla oħra hija li l-liġi kif inhi llum tgħid li d-donatur u l-mara ma jkunux jistgħu jiġu minn xulxin, pero tgħid ukoll li dawn ma jistgħux ikunu f'rabta ta' żwieġ. Din se tinbidel biex hekk koppji li jkunu żewġ nisa miżżewġin u mara tkun trid illi tkun id-donatur tal-bajda tagħha lill-mara tagħha, dan tkun tista' tagħmlu.  

Ħaġa oħra li se tinbidel hija billi issa l-proċess tal-IVF se jinfetaħ aktar biex minnu jgawdu mhux biss dawk bla tfal imma anke dawk li għandhom wild wieħed.  

Mistoqsi għaliex dan ma kienx possibbli qabel huwa qal illi qabel din kienet aktar ristretta, iżda issa li hemm aktar riżorsi u aktar ħaddiema speċjalizzati, dan jagħmel aktar sens li jsir.  

More in Socjali