L-unjins u tan-negozju inkwetati bil-kbir fuq l-għoli tal-ħajja

Il-gazzetta ILLUM titkellem mas-Segretarju Ġenerali tal-GWU, il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers u ma' Abigail Mamo mill-Kamra tal-SMEs dwar l-għoli tal-ħajja fid-dawl tal-aħħar sondaġġ mill-Ewrobarometru... 

Josef Bugeja | Abigail Mamo | Josef Vella
Josef Bugeja | Abigail Mamo | Josef Vella

Ir-rappreżentanti tal-ħaddiema - Josef Bugeja mill-General Workers' Union u anke Josef Vella mill-UĦM Voice of the Workers - esprimew tħassib serju dwar is-sitwazzjoni tal-għoli tal-ħajja, b'Bugeja jgħid illi l-GWU se tkun qegħda titlob għal serje ta' laqgħat mal-Gvern biex tkun diskussa din ir-realtà li qed tagħfas fuq il-bwiet tal-ħaddiema, il-penzjonanti imma anke tan-negozji. Fil-fatt mal-ILLUM tkellmet Abigail Mamo mill-Kamra tal-SMEs li wkoll esrimiet tħassib għall-għoli tal-ħajja, l-impatt li dan qed ikollu fuq in-negozju u anke l-fornitura ta' prodotti.  

Bugeja qal illi filwaqt li l-Unjin qed tisma' x'għandhom xi jgħidu l-membri tagħha, qal li l-GWU tinsab "inkwetata sew fuqha din il-biċċa xogħol, speċjalment għaliex ma nafux sa fejn u sa meta se tibqa' għaddejja l-gwerra fl-Ukrajna." Huwa sostna li jekk is-sitwazzjoni tibqa' ttul ikun ifisser mhux biss li jogħlew aktar l-affarijiet imma wkoll li tkompli tbati l-fornitura ta' materja prima.  

Bugeja sostna illi din tal-aħħar hija wkoll inkwetanti għaliex in-nuqqas ta' materja prima qed twassal għal skarsezza, prezzijiet ogħla u nuqqas ta' xogħol ukoll.  

Fid-dawl ta' dan Bugeja qal illi l-unjin se tkun qed titlob għal-laqgħat mal-Prim Ministru u mal-awtoritajiet sabiex tiddiskuti t-triq 'il quddiem dwar din il-kwistjoni.  

Intant Mamo qalet illi n-negozji ilhom mill-aħħar ta' Jannar iħossu li qed tonqos il-fiduċja fost il-konsumatur meta l-affarijiet ma kinux għadhom bdew jogħlew daqstant. "U meta jogħlew l-affarijiet essenzjali - bħal per eżempju l-ikel tat-trabi li għola b'xi tliet darbiet - l-bejgħ ta' prodotti mhux daqstant essenzjali jbati."  

"Il-verità hija li kollox qed jogħla xahar wara xahar. U apparti minn hekk," qalet ukoll li n-negozji huma mpattati wkoll għax jiddependu mill-importazzjoni.  

Imma il-Kamra tal-SMEs qed tikkomunika dan l-inkwiet mal-Gvern? Hija wieġbet fl-affermattiv u qalet ukoll illi fl-immedjat m'hemmx wisq xi jsir għalkemm sostniet illi l-pajjiż diġà kellu l-esperjenza tal-Covid-19 u issa qed jgħaddi minn din ir-realtà wkoll. "Dawn iż-żewġ kwistjonijiet qed ikomplu juru kemm l-ekonomija Maltija hija vulnerabbli u kemm huwa importanti - speċjalment quddiem element ta' protezzjoniżmu minn ċerti pajjiżi - li nkunu self sufficient." Hija qalet illi kemm jista' jkun bħala pajjiż għandna fejn possibbli nipproduċu aħna, speċjalment u fejn possibbli dak li huwa essenzjali.  

U finalment Josef Vella kien ċar: "In-nies huma ddisprati u l-ħaddiema huma daharhom mal-ħajt. Imorru jagħmlu xirja għall-familja u tiġi tiswa mal-€200 kull darba."  

Huwa qal illi filwaqt li huwa vera li hemm il-gwerra u realtajiet lilhinn minn Malta li qed jaffetwaw lil pajjiżna, il-ħaddiem qed iħoss l-għafsa u dik hemm bżonn tkun indirizzata.  

Huwa akkuża lill-Gvern li mhux qed ikun iebes biżżejjed biex jiġġieled il-ħafna abbużi li jeżistu fid-dinja tax-xogħol. "L-isfruttament huwa parti mill-problema," qal Vella li kompla jgħid mal-ILLUM illi ma hemmx kontrolli ta' prezzijiet u kulħadd jgħolli kif irid. "Dan hu jiġifieri s-suq ħieles? Ibati dejjem il-ħaddiem?" kompla jirrimarka. 

Huwa staqsa wkoll meta se ssir realtà l-miżura li l-Gvern kien ħabbar fil-Baġit illi permezz tagħha jinħoloq mekkaniżmu ġdid tal-COLA li jkun aktar speċifiku għall-aktar vulnerabbli u għal dawk bi qligħ l-aktar baxx.  

Apparti li qal li anke l-UĦM talbet biex issir laqgħa mal-Gvern dwar il-kwistjoni, sostna li filwaqt illi l-ħajja qed togħla mhu veru xejn li l-pagi qed jogħlew ukoll.  

54% tal-Maltin inkwetati fuq l-Għoli tal-ħajja. Qabża ta' 31% mill-2021 

L-għoli tal-ħajja sparat 'il fuq bħala l-aktar kwistjoni li qed tinkwieta lill-Maltin bħalissa, fil-fatt skont sondaġġ tal-Ewrobarometru għax-Xitwa 2021/2022 - 54% tal-Maltin huma inkwetati bl-għoli tal-ħajja li qed jiffaċċjaw, li timmarka żieda qawwija ta' 31% meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena l-oħra.  

L-għoli tal-ħajja ġej minn diversi fatturi, mhux l-inqas il-gwerra u l-effetti li din qed ikollha fuq il-forniment tal-ikel, il-prezzijiet tal-qamħ kif ukoll il-prezzijiet tal-ġwież u ċereali. Dan ifisser li mhux biss qed jiżdiedu l-prezzijiet tal-materja prima, imma wkoll ta' prodotti li nużaw biex jiġu mitmugħa l-annimali. Dan qed iwassal biex prodotti bħall-laħam, ġobnijiet, ħobż, ħalib, ċereali, tiġieġ u dak kollu li huwa derivat mill-annimali jiżdied fil-prezz. Dan apparti illi sforz il-pandemija żdiedu sew il-prezzijiet tal-enerġija u għalkemm il-Gvern Malti qed iżomm il-prezzijiet tal-enerġija kif ukoll tal-fjuwil stabbli, din iż-żieda xorta wasslet għal żieda qawwija fil-prezzijiet tat-trasportazzjoni.   

L-għoli tal-ħajja hija fil-fatt kwistjoni li qed tinkwieta lill-ewropej kollha għalkemm il-medja ewropea hija fil-fatt 41%, 13% minn Malta.  

It-tieni kwistjoni li qed tinkwieta ħafna lill-Maltin hija l-ambjent u tibdil fil-klima li jissemmew minn 30%, is-saħħa li tissemma' minn 25%  - u hija riflessjoni tal-fatt li l-Covid-19 għadha magħna u finalment is-sitwazzjoni ekonomika, xi ftit jew wisq marbuta mal-għoli tal-ħajja wkoll li tissemma' minn 20% tal-Maltin.  

Fil-qiegħ tal-lista hemm it-tassazzjoni b'4%, riflessjoni tal-politika tal-Gvern li jdaħħalx miżuri ta' awsterità, il-qgħad li jissemma minn 3% biss u jirrifletti ir-rata baxxa ħafna tal-qgħad fl-aħħar snin u l-fornitura tal-enerġija kif ukoll il-pensjonijiet li jissemmew minn 2% tal-Maltin biss.  

More in Socjali