'L-immigrant mhuwiex xi virus li għandna niddefendu ruħna minnu, imma persuna li għandna nilqgħu fostna'

Il-Papa jisħaq ukoll li l-korruzzjoni għandha tkun miġġielda b'qawwa kollha u li l-ambjent għandu jiġi mħares mir-regħba, mill-kilba għall-flus u mill-ispekulazzjoni tal-bini

Fid-diskors tiegħu quddiem l-Awtoritajiet Maltin u l-Korp Diplomatiku, il-Prim Ministru Robert Abela u anke l-President tar-Repubblika l-Papa Franġisku għamel diskors b'aċċenn qawwi fuq il-ġustizzja, it-trasparenza, il-ħarsien tal-ambjent u b'mod speċjali wkoll l-immigrazzjoni. 

Il-Papa sostna fil-bażi ta’ tkabbir solidu hemm il-persuna umana, ir-rispett lejn il-ħajja u d-dinjità ta’ kull raġel u kull mara.

"Naf li l-Maltin huma impenjati biex iħaddnu u jħarsu l-ħajja. Diġà fl-Atti tal-Appostli kontu protagonisti biex salvajtu tant nies. Inħeġġiġkom biex tissuktaw tiddefendu l-ħajja mill-bidu sat-tmiem naturali tagħha, iżda wkoll biex f’kull waqt tħarsuha milli tkun skartata u milli tisfa’ ttraskurata," qal il-Papa f'referenza għall-immigranti.

Il-Papa jgħaddi l-messaġġ tiegħu
Il-Papa jgħaddi l-messaġġ tiegħu

Huwa appella lil dawk preżenti biex iħarsu lejn in-nofsinhar minn fejn ifakkar illi tant irġiel u nisa li jkunu qed ifittxu t-tama ġejjin. 

"Irrid inrodd ħajr lill-Awtoritajiet u lill-popolazzjoni għal-laqgħa li dawn jingħataw f’isem il-Vanġelu, għall-umanità u s-sens ta’ ospitalità tipika tal-Maltin. Skont l-etimoloġija Feniċja, Malta tfisser “port żgur”. Madankollu quddiem il-mewġ dejjem jikber tul dawn l-aħħar snin, il-biża’ u l-insikurezza nibbtu l-qtigħ ta’ qalb u l-frustrazzjoni. Biex il-kwistjoni migratorja kumplessa tkun ikkonfrontata kif imiss jeħtieġ inħarsu lejha minn perspettiva aktar wiesgħa kemm taż-żmien u kemm tal-ispazju," saħaq il-Papa Franġisku. 

Huwa fakkar li l-fenomenu migratorju mhuwiex ċirkostanza tal-mument biss imma xi ħaġa li, skont kliemu, qed tittimbra l-epoka li qed ngħixu fiha llum. Qal għalhekk li dan il-fenomenu migratorju jġib miegħu d-dejn tal-inġustizzji tal-imgħoddi, ta’ tant sfruttament, ta’ tibdil fil-klima, ta’ kunflitti miżerabbli li huma jħallsu l-konsegwenzi tiegħu."

Il-Papa Franġisku u ħdejh il-President tar-Repubblika George Vella u martu Miriam
Il-Papa Franġisku u ħdejh il-President tar-Repubblika George Vella u martu Miriam

"Min-nofsinhar fqir u popoluż, qtajja’ ta’ persuni jersqu lejn it-tramuntana aktar għanja: hu fatt li ma nistgħux nirrifjutawhom b’għeluq anakronistiku, għax fl-iżolament mhux se jkun hemm prosperità u integrazzjoni," kompla jgħid qabel semma ir-refuġjati Ukreni. 

"Xi pajjiżi ma jistgħux jitgħabbew bil-problema kollha tal-indifferenza tal-oħrajn! U Pajjiżi ċivili ma jistgħux, għall-interessi tagħhom, jagħmlu ftehim suspettuż u mtajjan ma’ nies ta’ qatgħa ħażina li lill-persuna jagħmluha lsira. Il-Mediterran għandu bżonn responsabbiltà Ewropea komuni u maqbula biex isir mill-ġdid teatru ta’ solidarjetà u ma jkunx il-fruntiera ta’ nawfraġju traġiku ta’ ċiviltà."

"Ejjew niftħu beraħ qlubna u niskopru s-sabiħ li taqdi lil min hu fil-bżonn. Meta llum, fil-konfront ta’ dawk li jaqsmu l-Mediterran ifittxu s-salvazzjoni, jiddominaw il-biża’ u “n-narrattiva tal-invażjoni” u l-għan ewlieni donnu jidher li hu t-tħaris tas-sigurtà proprja jiġri x’jiġri," qal il-Papa Franġisku, qabel imbagħad għamel sejħa mill-qalb għall-ħniena u kontra l-mibgħeda. "Ejjew ngħinu lil xulxin biex ma nħarsux lejn il-migrant bħala theddida u biex ma nċedux għat-tentazzjoni li nibnu pontijiet li jintrefgħu, jew ħitan. L-ieħor mhuwiex xi virus li għandna niddefendu ruħna minnu, imma persuna li għandna nilqgħuha fostna." 

'L-impenn ħalli jintemmu l-illegalità u l-korruzzjoni għandu jkun qawwi bħar-riħ'

Intant il-Papa Franġisku għamel ukoll referenzi dwar il-korruzzjoni u anke l-ambjent ta' madwarna. 

Dwar il-korruzzjoni u l-ħażen huwa appella biex l-impenn ħalli jintemmu l-illegalità u l-korruzzjoni "għandu jkun qawwi bħar-riħ li, meta jonfoħ mit-Tramuntana jnaddaf il-kosta tal-Pajjiż." Huwa wera' t-tama illi dejjem jibqgħu jkunu kkultivati l-legalità u t-trasparenza "li jippermettu li jitqaċċtu mill-għeruq il-ħajja ħażina u l-kriminalità li huma marbutin flimkien minħabba li l-aġir tagħhom ma jsirx fid-dawl tax-xemx."

Intant il-Papa Franġisku dawwar ħarstu wkoll fuq il-kwistjoni tal-ambjent u saħaq li dan għandu jkun imħares mir-regħba, mill-kilba għall-flus u mill-ispekulazzjoni tal-bini, li mhux biss jikkompromettu l-pajsaġġ, iżda l-ġejjieni."

More in Socjali