Pietru fil-gżira ta’ San Pawl; Ħarsa lejn il-żjarat papali f’Malta u dak li qalulna l-Papiet

Ftit sigħat biss qabel Malta tilqa’ l-266 suċċessur ta’ Pietru, is-sit illum.com.mt qed ifakkar fl-aktar mumenti sinifikanti taż-żjarat tal-Papiet f’Malta.

Ftit sigħat biss qabel Malta tilqa’ l-266 suċċessur ta’ Pietru, is-sit illum.com.mt qed ifakkar fl-aktar mumenti sinifikanti taż-żjarat tal-Papiet f’Malta. 

Fil-fatt, dak tal-Papa Franġisku se jkun ir-raba’ Vjaġġ Appostoliku li Papa se jkun qiegħed jagħmel f’Malta. Dan wara li l-Papa, illum Qaddis, Ġwanni Pawlu II, żar Malta darbtejn u ftit tas-snin ilu ġie fostna wkoll il-Papa Benedittu XVI.

Kull meta s-suċċessur ta’ Pietru żar Malta, il-Maltin u l-Għawdxin ma baqgħux lura u għamlu minn dawn l-okkażjonijiet, festa sħiħa. Dan huwa dak li ġara fiż-żjarat preċedenti.

1990: Ġwanni Pawlu II jkun l-ewwel Papa li jżur il-gżira ta’ Pawlu

Miż-żjarat kollha, dik tal-Papa Ġwanni Pawlu II fl-1990 tibqa’ msemmija. Kienet l-ewwel darba li Papa rifes fuq il-gżejjer Maltin u dak iż-żmien l-entużjażmu kien kbir. Il-laqgħa li tawh il-Maltin kienet waħda kbira.

Din kienet ukoll l-itwal żjara ta’ Papa f’Malta hekk kif żar Malta bejn il-25 u s-27 ta’ Mejju.
Ma nistgħux ma nsemmux it-tiżjin. It-toroq kollha, minn kull fejn għadda l-Papa, kienu mżejna u ppakkjati bin-nies. Min xeħet il-karti u minn xeħet il-fjuri. Baned ħadu l-okkażjoni u ħarġu jdoqqu l-marċi, inħaraq in-nar li l-Maltin tant huma mfaħħra għalih u l-Bormliżi (anke jekk kontra r-regoli), b’mod spontanju ħarġu l-vara tal-Immakulata Kunċizzjoni u mxew biha, wara l-Papa, minn quddiem il-Kolleġġjata sa Cafè Riche, fejn Ġwanni Pawlu II ltaqa’ mal-ħaddiema. Ma kinux kuntenti qabel mal-Papa tefa’ ħarstu fuqha u semmieha. 
Għal din l-okkażjoni, kien ikiteb ukoll innu li ġie mgħallem fl-iskejjel kollha. Strofa minnhom kienet tgħid:

‘Viva l-Papa Ġwanni Pawlu
li għoġbu jżur lil Malta tagħna.
Għamel bħal tal-Ġnus l-Appostlu,
għall-ftit żmien joqgħod hawn magħna.’

Fost oħrajn, dan l-innu tkanta waqt laqgħa ħelwa mat-tfal li l-Papa kellu quddiem in-Nunzjatura l-antika f’Ħ’Attard u anke miż-żgħażagħ li tawh merħba kbira fl-istadjum nazzjonali.

Kif spjegajna, din kienet l-ewwel darba li Papa żar il-gżejjer Maltin li isimhom huwa marbut ma’ San Pawl. Għalhekk, f’din iż-żjara u oħrajn li ġew warajha, ma setax jonqos li wieħed mill-avvenimenti ewlenin ikun iż-żjara tal-Papa fil-Grotta ta’ San Pawl, fejn jingħad li Pawlu għex tul it-tliet xhur li għamel f’Malta.

Jibqa’ mnaqqax f’qalb ir-Rabtin il-mument meta l-Papa poġġa waħdu f’bank, f’nofs il-Kolleġġjata Pawlina, jitlob fi knisja armata bħalma tkun fil-festa ta’ Corpus.

Il-Papa Pollakk kien iltaqa’ mar-reliġjużi u s-saċerdoti fil-Kon Katidral u bħala Kap ta’ Stat, kellu laqgħa mal-President u l-awtoritajiet ċivili fil-Palazz tal-Belt Valletta.

Ġwanni Pawlu kien iltaqa’ wkoll mal-qraba tal-missjunarji fis-Santwarju tal-Madonna tal-Mellieħa u reħielha lejn Għawdex fejn kellu laqgħa sabiħa fil-Katidral tal-Assunta. Ġwanni Pawlu II żar is-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu, fejn qaddes quddiesa u saħansitra poġġa madwar ras ix-xbieha devota tal-Madonna ħames stilel.

Imma żgur li l-aktar mument sabiħ u spettakolari ta’ din iż-żjara kien il-mument li l-Papa, abbord katamaran, twassal minn Għawdex lejn Malta. Ma kienx waħdu. Il-katamaran kien imdawwar b’għadd kbir ta’ bċejjeċ tal-baħar. Il-Papa ttieħed biswit il-Gżejjer ta’ San Pawl fejn assista għall-inżul ta’ statwa ta’ Kristu f’qiegħ il-baħar u wara ddaħħal fil-Port il-Kbir, qalb is-salut tal-kanuni u l-għajjat tan-nies minn fuq is-swar.
Iż-żjara ta’ Ġwanni Pawlu kienet intemmet b’quddiesa fuq il-Fosos tal-Furjana.

Il-Papa kellu kliem ta’ tifħir għal Malta, kemm fl-Ajruport qabel telaq lejn Ruma u anke fl-ewwel Udjenza Ġenerali fil-Vatikan wara ż-żjara.

“Fil-ħin kollu li kont Malta bqajt impressjonat bil-mod kif il-Maltin huma marbuta bis-sħiħ mal-wirt kulturali u reliġjuż tagħhom. Ix-xewqa tagħkom li tkunu fidili lejn dan il-wirt prezzjuż waqt li fl-istess ħin tistinkaw biex tippromwovu l-iżvilupp tagħkom għall-ġid ta’ kulħadd hu ċertament sinjal ta’ tama qawwija għall-ġejjieni ta’ Malta. It-tradizzjonijiet tagħkom huma xhieda tal-għaġeb tal-karattru nazzjonali tagħkom u tal-identità tagħkom. Jalla jibqgħu jmexxukom u jsaħħukom fid-determinazzjoni tagħkom.

“Minkejja ċ-ċokon tagħha, Malta hija pajjiż b’importanza internazzjonali kbira. Il-qagħda ġeografika tagħha ffavoriet il-laqgħa ta’ kulturi u idjomi differenti. Illum ukoll Malta għadha tħaddan din il-vokazzjoni ta’ medjazzjoni fost il-ġnus tal-baħar mediterran kollu. Nittama li hija tagħraf tissokta f’din il-missjoni naturali tagħha, mingħajr ma tirrinunzja għall-patrimonju prezzjuż ta’ valuri li kisbet mill-ġenerazzjonijiet li għaddew.”

2001: Ġwanni Pawlu jerġa’ jżur Malta u jagħtina tliet Beati

It-tieni żjara ta’ Papa f’Malta kienet daqstant ieħor sinifikattiva hekk kif din id-darba, il-Papa Ġwanni Pawlu II, ta lil Malta tliet Beati.

Il-Papa, issa aktar anzjan u anke magħkus bil-marda tal- Parkinson’s ġie fit-8 ta’ Mejju 2001.

It-tema Pawlina kienet aktar ċentrali. Malta kienet l-aħħar tappa tal-pellegrinaġġ tiegħu fuq il-passi ta’ Pawlu li ħadu wkoll is-Sirja u l-Greċja.

Fl-għodwa tad-9 ta’ Mejju tal-2001, fuq il-Fosos tal-Furjana, il-Papa bbeatifika tliet Maltin, Dun Ġorġ Preca, Adeodata Pisani u Nazju Falzon.

Lil Dun Ġorġ, il-Papa Ġwanni Pawlu kien iddeskrivieh bħala: “it-tieni missier tal-Maltin fil-fidi.”

Dakinhar, il-Papa kien qal hekk dwar il-Maltin:

Fl-Atti tal-Appostli, San Luqa jikteb li l-Maltin “urew ġieħ kbir lil San Pawl u sħabu, u meta ġew biex jitilqu, għabbew fuq il-ġifen kulma kien jeħtieġu” (Atti, 28:10). Spiritwalment jiena kelli din l-istess esperjenza u ser nitlaq infaħħar ’l Alla f’qalbi għalikom lkoll. Grazzi Malta, il-Bambin iberikkom ilkoll!”


2010: Jasal ukoll f’Malta, il-Papa Ġwanni Pawlu II

“Jien kuntent ħafna li ninsab fostkom.” Dawn kienu l-ewwel kelmiet tal-Papa Benedittu XVI li żar Malta bejn is-17 u t-18 ta’ April tal-2010.
Anke hawn, San Pawl kien fiċ-ċentru taż-żjara tal-Papa Benedittu hekk kif kien wasal fostna fl-okkażjoni tal-1950 anniversarju min-Nawfraġju ta’ San Pawl f’Malta.

Iż-żminijiet inbiddlu, imma l-Maltin reġgħu taw merħba mill-isbaħ lill-Papa Benedittu u organizzaw festa minn kull fejn għadda l-Papa. L-armar, li l-Maltin tant aħna magħrufa għalih ma naqasx.
Il-Papa Benedittu, wara li ltaqa’ mal-awtoritajiet fil-Belt Valletta, kellu laqgħa mill-isbaħ mat-tfal fi Pjazza San Ġorġ, fejn kantawlu f’għeluq sninu. Minn hemm, il-Papa reħielha lejn ir-Rabat fejn iltaqa’ mar-reliġjużi u l-kleru u niżel jitlob fil-Grotta ta’ San Pawl.

Fit-18 ta’ April, il-Papa kien qaddes fuq il-Fosos tal-Furjana. Għall-Furjaniżi dan kien mument speċjali hekk kif qabel il-quddiesa, il-Papa kien waqaf jitlob quddiem l-istatwa ta’ San PublJu, fi knisja armata għall-festa. 
Fl-istess quddiesa, il-Papa Benedittu kien poġġa warda tad-deheb quddiem ix-Xbieha tal-Madonna ta’ Pinu li nġiebet minn Għawdex apposta.

Mument sinifikanti ħafna seħħ dakinhar waranofsinhar hekk kif il-Papa, b’mod spontanju, ’il bogħod mill-kameras, iltaqa’ mal-vittmi tal-abbuż sesswali minn membru tal-kleru.

Il-Maltin reġgħu għexu l-mument sabiħ taż-żjara tal-Papa Ġwanni Pawlu II, hekk kif anke l-Papa Benedittu kien qasam il-Port il-Kbir abbord Katamaran u wasal għal-laqgħa kbira oħra maż-żgħażagħ fil-Valletta Watefront, qabel telaq lura lejn l-ajruport biex jirritorna fil-Vatikan.
Il-Papa Benedittu kien qal hekk dwar il-Maltin:

“Minħabba l-pożizzjoni ġeografika tagħha fil-qalba tal-Mediterran, ħafna immigranti jaslu fuq xtut Malta ... Jien naf bid-diffikultajiet li jista’ jikkaġuna l-ilqugħ ta’ għadd kbir ta’ nies, diffikultajiet li ma jistgħux ikunu solvuti minn xi pajjiż waħdu meta jaslu l-ewwel fih. Fl-istess ħin jien fiduċjuż li, bis-saħħa tal-għeruq Insara tagħha u l-istorja twila u kburija fl-ilqugħ tal-istranjieri, Malta se tagħmel li tista’, bl-appoġġ ta’ stati oħra u organizzazzjonijiet internazzjonali, biex tgħin lil dawk li jaslu hawn u tiżgura r-rispett tad-drittijiet tagħhom.”

“Kunu ta’ eżempju, f’artkom u barra minn artkom, ta’ ħajja Nisranija dinamika. Kunu kburin bis-sejħa Nisranija tagħkom. Għożżu l-wirt reliġjuż u kulturali tagħkom. Ħarsu lejn il-futur b’tama, b’rispett profond għall-ħolqien ta’ Alla, b’reverenza għall-ħajja umana, u bi stima għolja għaż-żwieġ u għall-integrità tal-familja! Kunu wlied denji ta’ San Pawl.”

Il-Papa jinżel Malta imma ż-żjara ma kinitx mistennija

Apparti dik li se jagħmel il-Papa Franġisku, tlieta kienu ż-żjarat uffiċjali tal-Papa f’Malta. Madanakollu, ftit huma dawk li jiftakru kif fl-1 ta’ Settembru 1990, il-Papa Ġwanni Pawlu II kien niżel Malta.

Il-Papa kien fi triqtu lejn it-Tanżanija meta l-ajruplan ġarrab xi ħsarat tekniċi. Il-bdot ma ħax riskju u niżżel l-ajruplan f’Malta.

Dam Malta kważi 30 minuta. Abbord l-ajruplan kienu telgħu l-President Ċensu Tabone, il-Prim Ministru Eddie Fenech Adami, il-Viċi Prim Ministru Guide de Marco, l-Arċisqof Ġużeppi Mercieca u l-Isqof ta’ Għawdex Nikol Cauchi.

Il-Papa Ġwanni Pawlu ma kienx niżel, iżda qabel kompla bil-vjaġġ, kien ħareġ fil-bieb tal-ajruplan biex isellem lill-ħaddiema tal-ajruport.

More in Socjali