Issa uffiċjali! Il-Papa ġej Malta fit-2 u 3 ta' April

Il-Papa Franġisku ġej Malta! Din se tkun it-tielet żjara tal-Kap tal-Knisja Kattolika f'pajjiżna...

Il-Papa Franġisku
Il-Papa Franġisku

Issa hija uffiċjali: Il-Papa Franġisku se jkun qed iżur Malta ftit qabel l-Għid, nhar it-2 u 3 ta' April li ġej. Dan tħabbar illum waqt il-Pontifikal ta' San Pawl Appostlu, illum f'jum il-festa tiegħu, l-10 ta' Frar. Hu se jmur il-Belt Valletta, Ħal Far- fejn mistenni jiltaqa' mal-immigranti - il-Furjana u Għawdex fost oħrajn.

Il-konferma uffiċjali ssegwi ż-żjara uffiċjali tal-Prim Ministru Robert Abela fis-Santa Sede f’Ottubru li għadda, meta din iż-żjara tal-Papa Franġisku f’Malta kienet ukoll diskussa.

Ta' min ifakkar li l-Papa Franġisku kellu jżur Malta għal jumejn bejn it-30 u l-31 ta' Mejju tal-2020 fejn saħanistra kellu jagħmel waqfa qasira f'Għawdex. Kien diġà tnieda l-logo u l-motto uffiċjali.Madanakollu l-vjaġġ tħassar minħabba li kienet faqqgħet il-pandemija.

B'din iż-żjara, il-Papa Franġisku se jkun it-tielet Papa li żar Malta. L-ewwel Papa li żar Malta kien Ġwanni Pawlu II, illum qaddis, fl-1990. Huwa rritorna Malta fl-2001 għall-Beatifikazzjoni ta' Dun Ġorġ Preca, Sor Adeodata Pisani u l-Kjeriku Nazju Falzon.

Il-Papa Benedittu XVI żar Malta fl-2010.

Naturalment it-tħabbira ta' din iż-żjara tfisser illi elezzjoni f'Marzu issa saret xenarju ħafna inqas possibbli. Żjara tal-Papa, meqjusa bħala żjara minn Kap ta' Stat, tirrikjedi ħafna preparamenti, loġistika, laqgħat dwar sigurtà mal-Gvern u aktar.

More in Socjali