‘Meta s-saħħa u s-sigurtà tat-tfal ikunu mhedda, il-qsim tar-responsabilitajiet bejn il-ġenituri m’għandiex tkun awtomatika’

Jekk ġenitur ikun abbużiv lejn il-mara jew ir-raġel ħaqqhom ikollhom kustodja parzjali tal-ulied? Tfal li jaraw il-vjolenza domestika, ifittxu karatteristiċi simili fir-relazzjonijiet tagħhom tal-futur? L-ILLUM tistaqsi liIl-Kummissarju dwar il-Vjolenza Domestika u l-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru Audrey Friggieri …

Meta nitkellmu dwar il-vjolenza domestika d-dibattitu dejjem jaqa’ fuq jekk kienx tort tar-raġel jew tal-mara, jekk kienx ħaqqu/ħaqqha jew jekk kinitx ilha ġejja. Iżda ħafna jeskludu l-perspettiva tal-ulied f’dan ix-xenarju partikolari.  

Il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-Kummissarju dwar il-Vjolenza Domestika u l-Vjolenza abbażi tal-Ġeneru Audrey Friggieri li tat spjegazzjoni ċara ta’ x’jgħaddi minn moħħ l-ulied li “jinternalizzaw, jaraw, iħossu u jixorbu” relazzjonijiet li jkollhom abbuż.  

Friggieri mhux biss telenka l-effetti negattivi tal-vjolenza domestika fuq it-tfal fi ċkunithom iżda r-riperkussjonijiet fit-tul ukoll li joħorġu aktar evidenti meta jikbru.  

“L-effetti tal-vjolenza domestika fuq it-tfal jistgħu jimmanifestaw ruħhom fi żmien qasir filwaqt li danni oħra jiġu nnotati wara li jkun għadda ż-żmien,” qalet Friggieri.  

Hija spjegat li waħda mill-effetti tal-vjolenza domestika hija l-ansjetà u din tista’ tiġi manifestata b’mod differenti.  

Fil-każ ta’ tfal żgħar, apparti li dawn jgħixu b’ansjetà kontinwa, “meta huma jkunu xhieda ta’ vjolenza domestika, ta’ spiss jerġgħu lura għall-imġieba ta’ meta jkunu iżgħar. Bħal ngħidu aħna jsoffu subgħajhom, jagħmlu taħthom, jibku u jeqirdu fost oħrajn,” spjegat Friggieri.  

Minn naħa l-oħra tgħid li tfal ikbar, li jkunu qed imorru l-iskola, jistgħu jiżviluppaw imġieba anti-soċjali u anke jħossu sens ta’ ħtija dwar l-abbuż li jkunu xhud tiegħu.  

“Din is-sens ta’ ħtija jnaqqrilhom mill-istima tagħhom infushom,” qalet il-Kummissarju.  

Intant, aspett psikoloġiku ieħor huwa dak tal-Post Traumatic Stress Disorder (PTSD), trawma li tista’ taffettwa b’mod gravi l-iżvilupp tal-moħħ. Dawn il-bidliet jistgħu iġibu magħhom ħmar il-lejl, bidliet fil-patterns tal-irqad, rabja, irritabilità, diffikultà biex jikkonċentraw, “u xi drabi dawn it-tfal ikunu kapaċi jimitaw aspetti mill-abbuż li jkun qed jitrawmatizzahom”.  

“Meta teenagers ikunu xhieda ta’ vjolenza domestika huma spiss jidħlu fl-inkwiet bħala reazzjoni għas-sitwazzjoni li tant tkun qed taffetwahom. Jafu jiġġieldu, jiskartaw l-iskola, ikollhom attività sesswali riskjuża jew jabbużaw minn sustanzi u l-alkoħol. Spiss imbagħad, dawn iż-żgħażagħ ixellfu difrejhom mal-liġi,” saħqet Friggieri.  

Għaldaqstant hija tisħaq li anke meta l-ulied jitneħħew minn sitwazzjonijiet abbużivi, minkejja li d-distanza tgħin, tgħid li dan mhux biżżejjed biex jikkanċella l-ħsara li tkun saritilhom, “billi jkunu rawha ssir. L-effetti jibqgħu magħhom meta jsiru adulti u riċerka turi li dawn l-effetti jimmanifestaw rwieħhom f’mard bħad-dipressjoni, problemi fil-qalb, obeżità u dijabete”, kompliet tispjega.  

‘Ħafna subien u bniet jemmnu li huma se jsiru agressuri jew vittmi’  

Friggieri stqarret li ħafna tfal u adulti jinkwetaw li wirtu l-ġenentika tal-ġenitur vjolenti. Tant hu hekk li ħafna subien u bniet jemmnu u jinkwetaw li huma se jsiru l-agressuri jew il-vittmi “skont dak li jkunu raw u semgħu fid-dar fejn trabbew, f’sitwazzjonijiet abbużivi.”  

L-ILLUM staqsiet, jekk l-ulied jaraw lill-missier bħala vittma ta’ vjolenza domestika, din se tibdlilhom il-perċezzjoni ta’ raġel?  

Għal dan hija wieġbet li għalkemm dan jista’ jiġri, ir-riċerka turina li m’hemm xejn determinat, jiġifieri m’hemm ebda regola li turi li hekk se jkun. 

“Filfatt, ħafna tfal għandhom qrib tagħhom persuni oħra u jagħmlu esperjenzi oħrajn li jwieżnuhom u jgħinuhom ikunu f’saħħithom, minkejja t-tbatijiet li jġarrbu,” qalet Audrey Friggieri.  

‘Tfal esposti għall-vjolenza domestika ikunu f’riskju ogħla li jirrepetu l-istess dinamika fir-relazzjoni’ 

Friggieri tenniet li t-tfal li draw bl-abbuż kmieni fit-trobbija tagħhom, jekk dan ma jkunx ġie indirizzat b’mod effettiv, ikunu f’riskju ogħla li jirrepetu l-istess dinamika fir-relazzjonijiet adulti tagħhom u fil-familji tagħhom.  

Fl-aħħar l-ILLUM staqsiet, jekk il-ġenitur ikun abbużiv lejn il-ġenitur l-ieħor biss u mhux lejn l-ulied, il-ġenitur għandu jkollu kustodja parzjali tal-ulied?  

Għal dan Friggieri wieġbet li, “dejjem irridu nieħdu deċiżjonijiet li jiffavorixxu l-ogħla u l-aqwa interess tat-tfal. Nemmen li l-preżunzjoni jew il-prinċipju li l-ġenituri t-tnejn għandhom jaqsmu r-responsabbiltà tat-tfal ugwalment m’għandiex tapplika meta s-saħħa u s-sigurtà tat-tfal tinsab mhedda.”  

Hija temmet tgħid li jekk il-ġenitur abbużiv ikun vjolenti lejn il-ġenitur l-ieħor, xorta qed ikun abbużiv lejn l-ulied għaliex ikunu qed jaraw “din id-dinamika tossika ta’ bejn l-iktar tnejn min-nies li jħobbu”. 

More in Socjali