Tabib b'nuqqas ta' vista irnexxielu jsiefer aktar minn 22 pajjiż permezz tal-kelb gwida Didi

'Didi saret l-għajnejn il-ġodda tiegħi' - David Debattista

“Mingħajr Didi kont iżolat, iżda malli waslet erġajt sibt il-ferħ għax hi saret l-għajnejn il-ġodda tiegħi. Għenitni biex ma nieqaf nagħmel xejn u llum għadni nista’ mmur naħdem, insiefer u nkompli ngħix ħajti.” Hekk sostna s-Sur David Debattista, eks tabib li minħabba l-problemi viżwali tiegħu kellu jieqaf jipprattika u beda jwettaq ħidma oħra fix-xandir u l-volontarjat.

Debattista saħaq li matul iż-żmien beda jsofri minn problemi viżwali u li grazzi għall-kelba gwida Didi qed jirnexxielu jkompli jgħix ħajtu b'mod mill-aktar indipendenti. Didi nxtrat mill-Gvern Malti u ngħatat lill-Malta Guide Dog Foundation biex jitħarreġ u tkun tista' tgħin lil persuna b'diżabiltà. Hija nxtrat permezz ta' ftehim li l-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Kwalità tal-Ħajja u l-Volontarjat għamel mal-Malta Guide Dogs Foundation b'investiment ta' €15,000.  Qabel, Didi ġiet impurtata minn barra minn Malta u meta kienet għadha żgħira, il-kelba ngħatat taħriġ dwar ubbidjenza filwaqt li meta kibret ġiet mgħallma tevita l-ostakli u tagħraf perikli għall-persuna li se tkun qiegħda tiggwida. 

Debattista rrakkonta kif minkejja dak li għadda minnu qatt ma ħallih jikkundizzjonah u flimkien mal-kelb gwida li kellu qabel, irnexxielu jsiefer lejn aktar minn 22 pajjiż fejn ħadem għal għaqdiet mhux governattivi fl-Afrika, fl-Ażja u fl-Amerika ta' Isfel. 

Huwa kompla jgħid li hu importanti li jkompli jinxtered l-għarfien dwar ix-xogħol ta' kelb gwida u l-ħelsien li jipprovdi lil persuna nieqsa mid-dawl. Fiilwaqt li faħħar l-għarfien li hawn f'Malta dwar il-klieb gwida, Debattista qal li hu importanti li jiġi rikonoxxut l-investiment tal-Gvern Malti u l-Malta Guide Dog Foundation li qegħdin jipprovdu l-ħelsien, l-aċċessibilità, il-ferħ u l-imħabba permezz ta' dawn il-klieb gwida. 

Intant il-Ministru Julia Farrugia Portelli spjegat li permezz ta' dan l-investiment qegħdin nilħqu objettiv 10 tal-Istrateġija Nazzjonali għall-Persuni b'Diżabiltà, bl-għan li persuni b'diżabiltà jgħixu ħajja indipendenti u jkunu inklużi fil-komunità. 

More in Socjali