'Serrħu raskhom ... illejla se nagħti dak kollu li nista' nagħti. Ejja nagħmlu l-istorja flimkien' - Destiny

Miljuni kbar ta' Ewropej u eluf kbar ta' Maltin illejla mwaħħlin mat-TV jittamaw għall-aqwa riżultat għal pajjiżhom

Destiny tkanta waqt il-Eurovision - Ritratt ta' Andres Putting Andres
Destiny tkanta waqt il-Eurovision - Ritratt ta' Andres Putting Andres

Illum huwa l-jum tal-Eurovision - miljuni kbar ta' telespettaturi Ewropej mistennija jintefgħu quddiem it-TV jew il-laptops tagħhom jaraw dan l-ispettakklu annwali, wara li s-sena l-oħra kellu jiġi kkanċellat minħabba l-Covid-19. 

Malta, rappreżentata minn Destiny b'vuċi tremenda u diska mill-aktar vivaċi, se tkanta fis-sitt post bl-isem tad-diska jkun, Je Me Casse.  Din is-sena l-aspettattivi huma għoljin għal żewġ raġunijiet:  L-ewwelnett il-kapaċità u t-talent ta' destiny li diġà rebħet il-Junior Eurovision fl-2015 u t-tieninett il-fatt li għal bosta ġimgħat is-siti tal-imħatri kienu qed ipoġġu lil Malta fuq quddiem, pożizzjoni li ntilfet għat-Taljani u l-Franċiżi fl-aħħar ġimgħa b'Malta titpoġġa fit-tielet post skont dawn l-imħatri.  

Pero' mhux hekk biss. Destiny għandha fost l-akbar numru ta' segwaċi fuq id-diksa tagħha fuq is-sit Youtube, mill-kantanti kollha.  Fil-fatt sa dalgħodu l-video uffiċjali ta' Je Me Casse kellu xejn inqas minn 9 miljun views, b'64,000 jagħmlu like u mal-10,000 jagħmlu dislike tad-diska. 

F'pajjiżna eluf kbar ta' telespettaturi mistennijin jaraw dan l-ispettakklu u jappoġġjaw lil Destiny u xi kanzunetti oħrajn li jogħġbuhom.  Il-PBS irrapporta kif fl-ewwel semi-finali l-udjenzi laħqu l-200,000, bl-udjenza llejla probabbilment saħansitra tissupera dik ta' nhar it-Tlieta. 

F'messaġġ fuq Facebook dalgħodu Destiny wegħdet li se tkun qed tagħti dak kollu li tista', l-aqwa divertiment u diska kkulurita.  "Serrħu raskhom ... illejla se nagħti dak kollu li nista' nagħti. Ejja nagħmlu l-istorja flimkien."

More in Socjali