Filmati | 'Tfajla ta' 18-il sena qed tirreġetta l-isterjotipa u tagħmel dak li tħossha komda bih'

Ħafna kkritikaw il-libsa li Destiny dehret liebsa lbieraħ waqt l-ewwel provi f'Rotterdam

Wara li lbieraħ ħarġu l-ewwel filmati tal-ewwel provi li Destiny Chukunyere kellha fuq il-palk f'Rotterdam fejn se tkun qed tirrappreżenta lil Malta fil-Eurovision Song Contest, kien hemm diversi reazzjonijiet dwar il-libsa roża tlellex li l-kantanta kienet liebsa.

Ħafna qalu li l-libsa mhijiex addattat iżda oħrajn faħru l-kuraġġ li kellha Destiny u saħansitra kien hemm min saħaq li min qed jikkritikaha, ma fehem xejn mill-messaġġ li qed tipprova twassal il-kantanta.

Fost dawn kitbet id-Deputata Rosianna Cutajar. Insistiet kif Destiny qed tirriġetta l-isterjotipa ta' soċjetà li lin-nisa kontinwament tgħidilhom x'għandhom jagħmlu, kif għandhom jilbsu u kif għandhom jidhru.

"Dan għamlitu b’kunfidenza u b’awtonomija, li mhux biss hi ta’ lezzjoni għas-soċjetà, iżda hi ukoll deċiżjoni li se tħalli impatt pożittiv fuq tfajliet u nisa li sfortunatament is-soċjetà tipprova tagħġinhom b’mod differenti," saħqet Cutajar, "Jien għandi fiduċja sħiħa f’dak kollu li tagħżel Destiny għaliha innifisha, bħala artista, bħala Maltija u fuq kollox bħala mara."

Anke l-kantanta Maltija Corazon Mizzi qabżet għal Destiny.

"Mela filli kulħadd iħobbha u f'sekonda kissirnieha għax kixfet il-koxxa," saħqet Mizzi.

Intant, Destiny ma tantx għamlet biha l-kritika. Insistiet li tħossha komda bil-libsa.

The dress I wore in the 𝗙𝗶𝗿𝘀𝘁 𝗥𝗲𝗵𝗲𝗮𝗿𝘀𝗮𝗹 has defined exactly what empowerment is all about. Let me start by saying...

Posted by Destiny Chukunyere on Monday, 10 May 2021

"Nidher sabiħa u kuntenta ħafna kif nidher," saħqet Destiny. "Inħossni kunfidenti. Nista' niċċaqlaq, niżżegleg u niżfen!"

Intant, fost dawk magħrufa bħala l-bookmakers, Malta għadha fost il-favoriti li tirbaħ. Sal-bieraħ kienet tinsab fl-ewwel post u issa qed tilgħab bejn l-ewwel u t-tieni post, bi Franza tkun ukoll favorita.

Huwa normali li wara l-ewwel provi, din il-preferenza tibda tinbidel.

Destiny se tkun qed tkanta fl-ewwel semifinali tat-18 ta' Mejju. Jekk tgħaddi, tkanta wkoll fil-finali tas-Sibt 22 ta' Mejju.

Madanakollu, dilettanti tal-Eurovision inkluż il-wiwibloggs kellhom kliem ta' tifħir għal Malta. Segwi dan il-filmat:

More in Socjali