It-tipjip, l-alkoħol u l-kannabis fost l-adoloxxenti u studenti Maltin ... x’inhuma t-tendenzi? L-ILLUM tispjega

Il-gazzetta ILLUM tagħti ħarsa lejn studju ppubblikat din il-ġimgħa u li jagħti stampa tat-tendenzi fost l-adoloxxenti Maltin f’dak li għandu x’jaqsam mal-użu tas-sustanzi

Nisimgħu ħafna dwar iż-żgħażagħ, il-konsum tal-alkoħol, id-droga u t-tipjip imma l-abbuż minn dawn is-sustanzi kemm hu inkwetanti? Din il-ġimgħa, il-Fondazzjoni Save A Life, nediet studju komprensiv dwar l-użu ta’ sustanzi miż-żgħażagħ ta’ bejn it-13 u t-30 sena.

Dan l-istudju sar mill-Fakultà għall-Benessri tas-Soċjetà fi ħdan l-Università ta’ Malta u jiġbor fih ir-riċerka kollha riċenti li saret f’dan il-qasam kemm minn studji internazzjonali u anke dawk li saru minn akkademiċi, studjużi u entitajiet Maltin.

Id-Deputat Claudio Grech, li flimkien ma’ martu kienu waqqfu din il-Fondazzjoni, saħaq li l-għan ta’ dan l-istudju huwa li jagħti stampa aktar ċara biex il-pajjiż ikun jista’ jiġġieled aħjar l-abbuż tad-droga b’mod speċjali fost iż-żgħażagħ.

“Il-ħajja hija wisq sabiħa biex tinqered mis-sustanzi u lill-vittmi għandna ngħinuhom joħorġu mill-isqaq li jkunu daħlu fih u mhux niġġudikawhom jew nitfgħuhom il-ħabs,” insista Grech, waqt li appella biex id-deċiżjonijiet f’dan il-qasam ikunu bbażati fuq l-evidenza.

L-ILLUM se tkun qed tagħti ħarsa lejn il-punti ewlenin ta’ dan ir-rapport: 

‘Aktar ninkwieta dwar l-alkoħol milli dwar drogi’

Ir-rapport jidħol ħafna fid-dettall f’dak li għandu x’jaqsam mal-konsum tal-alkoħol fost l-adoloxxenti u jikkwota wieħed mill-esperti li ġie intervistat jisħaq li ż-żgħażagħ saru kważi kważi dipendenti fuq l-alkoħol. “Jien ninkwieta aktar dwar l-alkoħol milli minħabba drogi oħra.”

F’Malta, l-alkoħol ma jistax jinbigħ lil dawk li għandhom inqas minn 17-il sena. Madanakollu, ir-rapport jikkonkludi li l-konsum tal-alkoħol jibda fl-ewwel snin tal-adoloxxenza.  Iwissi dwar kemm il-konsum tal-alkoħol sar normalizzat u kważi kważi huwa l-forma ta’ divertiment prinċipali fost iż-żgħażagħ.

Ir-rapport jikkwota s-sondaġġ ESPAD (European School Survey Project on Alcohol and Other Drugs) tal-2019 li juri kif 34% tal-adoloxxenti wieġbu li kkonsmaw l-ewwel darba l-alkoħol ta’ 13-il sena jew meta kienu iżgħar u 6% saħansitra qalu li sikru f’dawn l-etajiet, anke jekk il-persentaġġi ġieli kienu aktar inkwetanti. Anke studju minn Borg Costanzi fl-2013 kien sab riżultati simili u saħaq li l-età medja ta’ meta adoloxxenti Maltin missew mal-alkoħol kienet ta’ bejn 13 u 14-il sena.

Fuq nota pożittiva, ir-rapport sab kif fost dawk li għandhom bejn 15 u 16-il sena, qed jonqos dak li jissejjaħ ‘heavy episodic drinking’ jiġifieri meta persuna, f’lejla waħda, tieħu aktar minn ħames drinks. L-istudju ESPAD wera tnaqqis konsistenti mill-2007 ‘l quddiem. Fl-2007 ir-rata ta’ xorb eċċessiv kienet ta’ 57% fost l-adoloxxenti u ż-żgħażagħ iżda niżlet sa 40% fl-2019.

Minkejja dan, fost dawk li għandhom bejn 15 u 16-il sena, proporzjon żgħir ta’ adoloxxenti jidher li qed jixorbu b’mod eċċessiv u perikoluż. Interessanti wkoll kif xorb eċċessiv u perikoluż huwa aktar komuni fost l-istudenti universitarji. 

Xorb eċċessiv u perikoluż huwa komuni fost l-istudenti universitarji

Hawn ir-rapport jikkwota studju ta’ Camilleri Pace li sar fl-2019 u li wera kif 83.4% tal-istudenti Universitarji jikkonsmaw l-alkoħol. Bugeja, fl-2013 sab kif 39% tal-istudenti li għandhom bejn 18 u 24 sena jieħdu aktar minn sitt drinks f’lejla u 33% jieħdu bejn tlieta u ħames drinks. Interessanti wkoll kif ftit inqas minn 80% qalu li qatt ma jsuqu taħt l-effett tal-alkoħol.

Fil-fatt, l-alkoħol jibqa’ s-sustanza l-aktar komuni li hi kkonsmata fost l-istudenti universitarji u nofshom jemmnu li ma għandhom bżonn l-ebda għajnuna biex inaqqsu dan il-konsum u li inqas stress ikun biżżejjed. Fil-fatt studji wrew kif dawk l-istudenti li jirrapportaw nuqqas ta’ kuntentizza jew stress x’aktarx li kienu se jixorbu aktar.

Apparti minn hekk, fost l-istess grupp, l-irġiel jixorbu aktar alkoħol mit-tfajliet. Jixorbu aktar jekk ma jkunux f’relazzjoni.

Apparti minn hekk, bejn dawk li għandhom 15 u 16-il sena, il-persentaġġ tal-adoloxxenti Maltin li qalu li huwa faċli li jixtru l-alkoħol huwa ogħla mill-medja Ewropea. Fil-fatt skont l-ESPAD, 85% tal-adoloxxenti Maltin jemmnu li huwa faċli li jixtru l-alkoħol, minkejja li għalihom dan huwa illegali. 

It-tipjip fost l-adoloxxenti qed jonqos iżda ħafna jibdew ta’ età żgħira ħafna

L-użu tat-tabakk fost l-adoloxxenti Maltin ra tnaqqis sinifikanti matul is-snin. Mill-ewwel studju tal-ESPAD li sar fl-1995 baqa’ jiġi rreġġistrat tnaqqis. Fil-fatt, l-ewwel studju kien sab li 55% tal-adoloxxenti Maltin li għandhom bejn 15 u 16-il sena kienu jpejpu. Dan niżel għal 22% fl-2019.

Riżultati simili kienu osservati wkoll fost studenti universitarji. Camilleri Pace, fl-2019, sab kif 75% ta’ dawn iż-żgħażagħ qalu li qatt ma pejpu.

Anke jekk it-tipjip fost l-adoloxxenti jidher li qed jonqos, jirriżulta wkoll li l-konsum tat-tabakk jibda f’etajiet żgħar.

L-aħħar sondaġġ tal-HSBC (Health Behaviour in School-aged Children) li sar fl-2014 wera kif 11% tal-bniet u 13% tas-subien qalu li pejpu l-ewwel darba meta kellhom 13-il sena jew iżgħar. L-ammonti naqsu mis-sondaġġi ta’ qabel imma ma jfissirx li dan ma għadux inkwetanti.

L-istudju ESPAD fl-2019 sab kif 7% tal-istudenti rrapportaw li bdew ipejpu meta kellhom 13-il sena jew inqas, filwaqt li 15% qalu li bdew ipejpu ta’ 14-il sena. 

It-tipjip: L-effett tal-Covid u l-prelevanza fost iż-żgħażagħ

Anke fuq it-tipjip il-Covid-19 kellu impatt. Ir-rapport jikkwota studju interessanti dwar l-impatt tal-biża’ fuq l-istudenti universitarji. Bonnici u riċerkaturi oħra sħabu sabu li 19.8% tal-istudenti universitarji rġiel u 19.4% tat-tfajliet qalu li kienu jpejpu qabel bdiet il-pandemija. 39.7% ta’ dawn l-istudenti qalu li żiedu fit-tipjip biex jaljenaw lilhom infushom fi żmien il-pandemija.

Anke fost iż-żgħażagħ li għandhom minn 18-il sena ‘l fuq, jidher li t-tipjip qed jonqos u r-rapport jikkwota diversi studji biex juri dan. 

It-tipjip ta’ kuljum huwa ogħla fost dawk li għandhom edukazzjoni sekondarja u inqas fost dawk li għandhom edukazzjoni terzjarja. Tipjip ta’ darba kultant huwa l-ogħla fost dawk li komplew jistudjaw wara s-sekondarja.

Id-disponnibilita tat-tabakk

L-istudju ESPAD tal-2019 wera kif 57% ta’ dawk li għandhom bejn 15 u 16-il sena qalu li huwa faċli li tixtri s-sigaretti / tabakk f’Malta. Dan juri tnaqqis konsiderevoli mill-2003, meta kienu 84% tal-adoloxxenti tal-istess etajiet li wieġbu li kien faċli li wieħed jixtri jew jakkwista t-tabakk. 

Skont il-liġi, it-tabakk mhux suppost jinbigħ lil dawk li għandhom inqas minn 16-il sena. 

L-adoloxxenti Maltin jemmnu li huwa faċli biex takkwista l-kannabis

Bħalissa ma nistgħux ma nitkellmux dwar il-kannabis hekk kif għaddejja d-diskussjoni bil-għan li fi ftit tax-xhur oħra, il-pussess tagħha għall-użu personali ma jkunx meqjus aktar bħala reat kriminali. Huwa fatt magħruf li l-kannabis, b’mod konsistenti, kienet is-sustanza illeċita l-aktar użata fost il-Maltin.

Ir-rapport jispjega kif l-adoloxxenti Maltin jemmnu li huwa faċli li takkwista l-kannabis, aktar minn kemm jaħsbu hekk adoloxxenti oħra Ewropej.

Fil-fatt, skont is-sondaġġ ESPAD tal-2019, 33% ta’ dawk li għandhom 15 u 16-il sena wieġbu li huwa faċli ħafna li takkwista l-kannabis. Il-medja Ewropea kienet ta’ 14%. Fis-sondaġġ tal-1995, 10% biss tal-adoloxxenti Maltin kienu qalu li huwa faċli li jixtru l-kannabis. 

Ir-rapport jisħaq li din it-tendenza tagħmel sens meta wieħed jisħaq li aktar ma għaddew is-snin, aktar qed ikun normalizzat l-użu tagħha.

L-istess rapport ikompli jikkwota wkoll studji oħra li saru fost studenti universitarji. Formosa, fl-2019, sabet kif 86% tal-istudenti universitarji ġew offruti d-droga, b’83% minnhom ġew offruti l-kannabis. Anke Formosa osservat kif meta kkumparata ma’ drogi oħra, il-kannabis kienet ikkunsidrata bħala droga faċli biex tinkiseb.

L-użu tal-kannabis fost l-adoloxxenti huwa inqas mill-medja Ewropea

Minkejja dan kollu, l-użu tal-kannabis fost l-adoloxxenti Maltin li għandhom bejn 15 u 16-il sena huwa inqas mill-medja Ewropea. Meta wieħed jikkunsidra l-informazzjoni kollha miġbura minn diversi studji, jirriżulta li r-rata tal-użu tal-kannabis fost dawk li għandhom bejn 15 u 16-il sena hija ta’ 16%, erba’ punti perċentwali inqas mill-medja tal-Unjoni Ewropea.

Anke hawn ir-rapport jikkwota studju li sar fl-2020 fost l-istudenti universitarji u li wera kif fi żmien il-pandemija żdied ukoll l-użu tal-kannabis. Fil-fatt, qabel il-pandemija, 11.7% tal-istudenti universitarji ġuvintur u 7.5% tal-istudenti universitarji tfajliet qalu li jużaw il-kannabis. Minn dawn, 46.9% qalu li żiedu l-użu tal-kannabis fi żmien il-pandemija.

Fejn tidħol l-attitudni fuq l-użu tal-kannabis, ir-rapport jikkwota studju li kien sar mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ u l-Aġenzija Żgħażagħ fl-2019. Dan kien sab li l-adoloxxenti kienu kważi kważi maqsuma b’mod ugwali meta mistoqsija jekk jaqblux mal-użu tal-kannabis għal raġunijiet ta’ rikreazzjoni. 47% kienu favur u 49.5% kienu kontra.

L-aktar li huma favur l-użu tal-kannabis għal raġunijiet ta’ rikreazzjoni huma dawk li għandhom bejn 18 u 29 sena, bl-irġiel ikunu aktar favur minn nisa. 

Minn fost dawk li jaqblu, 90% jemmnu li l-kannabis għandha tkun irregolata l-istess bħalma huma t-tabakk u l-alkoħol, filwaqt li 49% jemmnu li l-kannabis twassal għal użu ta’ droga oħra.

Apparti minn hekk l-istess studju tal-2019 juri kif 57% ta’ dawk li ħadu sehem fl-istħarriġ qalu li l-kannabis kellha tkun disponibbli minn ħwienet liċenzjati. 73% jemmnu li għandu jkun hemm limitu fuq kemm persuna tista’ żżomm kannabis għall-użu personali. 

U drogi oħra?

 Fejn jidħlu l-adoloxxenti, jiġifieri fost dawk li għandhom inqas minn 18-il sena, l-użu ta’ droga oħra li mhijiex kannabis huwa baxx ħafna.

Ir-rapport jerġa’ jieħu s-sondaġġi ESPAD tul is-snin. L-ogħla persentaġġ ta’ użu ta’ droga fost l-adoloxxenti kienet dik ta’ 7% fl-2007. Minn dik is-sena, il-persentaġġ baqa’ jonqos biex fl-aħħar sondaġġ tal-2019, il-persentaġġ niżel għal 4%. 

Fejn tidħol l-użu tal-eroina mill-adoloxxenti Maltin, il-persentaġġ baqa’ 1% tul dawn l-aħħar snin. Anke fejn tidħol il-kokaina kien hemm tnaqqis. Skont l-aħħar sondaġġ tal-ESPAD, sal-2019, 2% tal-adoloxxenti Maltin qalu li ġielu ħadu l-kokaina.  

Ir-rapport jitkellem ukoll fuqu l-użu mhux mediċinali ta’ mediċina li tingħata bir-riċetta tat-tabib, b’mod partikolari fejn jidħlu l-kalmanti. Dan kien l-aktar komuni fost it-tfajliet, bl-abbuż minn dawn il-mediċina jiżdied mal-etajiet.

It-trawma u anke l-vjolenza jidher li huma l-fatturi ewlenin li jwasslu għall-abbuż mill-użu ta’ dawn is-sustanzi. 

Id-domanda għall-kura

Ir-rapport jiġbor ukoll l-informazzjoni kollha li ġiet ippubblikata mill-2004 fir-Rapport Nazzjonali dwar is-Sitwazzjoni tad-Droga f’Malta, fejn tidħol id-domanda għall-kura. Jikkonkludi li tul is-snin, din id-domanda baqgħet waħda konsistenti.

Fil-fatt, mill-2007 ‘l hawn, l-ammont ta’ persuni li kienu qed jirċievu l-kura baqa’ dejjem bejn l-1,700 u l-1,900 persuna. Fl-2019 kien hemm 1,943 persuna li kienu qed jirċievu l-kura minħabba abbuż minn sustanzi.

L-irġiel x’aktarx li se jfittxu aktar l-għajnuna minn nisa, anke jekk din id-differenza qed tiċkien. 

Għal ħafna snin, il-maġġoranza ta’ dawk il-persuni li fittxew l-għajnuna kellhom inqas minn 35 sena iżda jidher li din it-tendenza qed tinbidel ukoll. Fl-2004, 82% ta’ dawk li fittxew l-għajnuna kellhom inqas minn 35 sena. Fl-aħħar snin, dan il-persentaġġ baqa’ jonqos għal 41% fl-2019. 

Il-maġġoranza ta’ dawk li jfittxu l-għajnuna qed ikunu persuni li jieħdu l-eroina anke jekk l-ammont qed jonqos sena wara l-oħra. Fl-2003, 86% ta’ dawk li fittxew l-għajnuna għamlu dan minħabba l-eroina. Dan il-persentaġġ baqa’ jonqos sakemm fl-2019 kien jammonta għal 58%.

Mill-banda l-oħra, qed jiżdiedu dawk il-persuni li jieħdu l-kokaina u jfittxu l-għajnuna biex jegħlbu l-vizzju. 

More in Socjali