Anzjani jagħmlu rigali tal-Għid li se jgħaddu lil tfal li jinsabu taħt care order

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanita Attiva Michael Farrugia bi żjara fl-Active Ageing Centre ta' San Pawl il-Baħar

Ir-rigali li għamlu l-anzjani
Ir-rigali li għamlu l-anzjani

Membri li jattendu l-Active Ageing Centre ta' San Pawl il-Baħar,  flimkien mal-ħaddiema, ippreparaw għadd ta’ rigali tal-Għid magħmulin bl-idejn biex jingħataw lil tfal li bħalissa jinsabu taħt ‘care order’.

Il-Ministru għall-Anzjani u l-Anzjanita Attiva Michael Farrugia, fi żjara f'dan iċ-ċentru fejn ra l-ħidma ta' dawn l-anzjani qal li l-ħidma interġenerazzjonali hija qafas importanti li qed issir ħidma kbira fuqu ħafna fis-settur tal-anzjanita.

"Waqt żjara f'dan iċ-ċentru rajna pass ieħor ‘il quddiem f'dan ir-rigward, kollaborazzjoni bejn l-Anzjanita’ Attiva u l-Kura fil-Komunita u d-Direttorat għall-Ħarsien tal-Kura Alternattiva (tfal u żgħażagħ )" qal il-Ministru Farrugia.

"Qed naraw li ntejbu r-relazzjoni bejn l-anzjani u t-tfal jew żgħażagħ. Qed naraw ukoll li t-talenti tal-anzjani jiġu utilizzati bl-aħjar mod possibli għall-benefiċċji ta’ oħrajn. B’dan il-ġest, anzjani qed iferrħu persuni oħrajn bit-talenti tagħhom u b’hekk inkunu qed ngħinu biex jinħoloq ċertu sodisfazzjon fost l-anzjani li jinvolvu ruħhom f’dawn il-proġetti u inizjattivi."

Il-Ministru fakkar li fi żmien il-Milied kien sar l-istess, fejn rigali li għamlu bl-idejn l-anzjani għaddew għand it-tfal ta’ Puttinu Cares.

"Se nkompli ninsisti li dan jibqa’ jsir b’mod kontinwu fl-attivajiet ta’ matul is-sena kollha," qal Farrugia. 

Min-naħa tagħha, Remenda Grech, li hija d-Direttur għad-Dipartment Kura Alternattiva qalet li huwa importanti ħafna speċjalment f’dawn iż-żminijiet li ngħixu fihom, li nagħrfu s-solidarjetà soċjali bejn l-anzjani u t-tfal fi djar tal-komunita u kemm huwa sabiħ li żewġ ġenerazzjonijiet jaħdmu bejniethom b’dan il-mod.

More in Socjali