'Nieħu d-droga biex ninsa dak li qed ngħaddi minnu u ninżel għal prostituzzjoni biex nixtri aktar droga’

Il-prostituzzjoni: Ħafna huma dawk li jgħidu li din hi l-eqdem professjoni, oħrajn jgħidu li din hi l-eqdem oppressjoni. Il-gazzetta ILLUM titkellem ma’ Dar Hosea, għaqda non-governattiva li tgħin vittmi tal-prostituzzjoni

Mill-2018, is-sena li rat l-ewwel riforma sal-lum, il-prostituzzjoni baqgħet fil-ħsieb ta’ ħafna. Huma bosta li għandhom opinjoni f'dan ir-rigward iżda ftit huma dawk li jafu r-realtajiet wara l-prostituzzjoni. Il-gazzetta ILLUM din il-ġimgħa titkellem ma’ social worker minn Dar Hosea - post ta' refuġju għall-vittmi tal-prostituzzjoni.

‘Dejjem nimxu mal-pass tan-nisa tagħna’

Mara sfurzata mir-raġel tagħha fil-prostituzzjoni u jheddidha li joħdilha t-tfal jekk ma tobdix. Mara li ġiet mġiegħla taħdem fil-prostituzzjoni minn ommha, nannitha jew qraba oħra. Tfajla li tistudja, x’tistudja taf li fl-aħħar mill-aħħar ħajjitha magħżula għaliha.  Dawn huma n-nisa li jiltaqgħu magħhom f’Dar Hosea. Nisa vulnerabbli li huma sfurzati jew saħansitra mrobbija fil-prostituzzjoni u li m’għandhomx għażla oħra.

Dar Hosea għandha ukoll nisa li huma vittmi tad-droga. Is-social worker tiddiskrivi dan bħala ċirku vizzjuż. “Kellna każ fejn il-mara kienet tgħid: nieħu d-droga biex ninsa dak li qed ngħaddi minnu u ninżel għal prostituzzjoni biex nixtri aktar droga”. Tgħid ukoll li hemm nisa oħra li ”jekk ma jixtrux droga ma jirnexxilhomx jgħixu bihom infushom.”

Hemm nisa li m'għandhomx saqaf fuq rashom u “li għalihom bżonnijiet vera bażiċi qegħdin ‘l bogħod. Hemm nisa oħra li għandhom diffikultajiet mentali, tarahom u l-vulnerabbiltà tagħhom tinħass,” tispjega social worker li tkellmet mal-gazzetta ILLUM iżda bil-kundizzjoni ta’ anonimità hekk kif titlob id-dar stess. 

Dar Hosea tilqa’ ukoll nisa li sfaw attakkati filwaqt li pprovdiet, għajnuna, appoġġ u protezzjoni. Is-social worker kompliet tgħid kif, “issib nisa li għax issa ma jridux ikomplu fil-prostituzzjoni, u qed jippruvaw jimxu l-quddiem u jsibu saqajhom, qed jiġu attakkati.”

B’passjoni kbira, hi kompliet tgħid mal-ILLUM li dawn in-nisa jkollhom stima baxxa tagħhom infushom. Hemm min lanqas ikun irid jemmen li qed jingħata servizzi b’xejn għax fil-verità huma draw iħallsu b’kull m’għandhom, inkluż ġisimhom.  Jekk eventwalment juru x-xewqa li jridu jieqfu “ħafna drabi ikollna ħafna xogħol x’nagħmlu,” rrakontat. B’dan il-kliem is-social worker spjegat li  meta mara turi x-xewqa li tieqaf l-ewwel trid temmen fiha nnifisha “għax inutli nagħmlu pjanijiet kbar jekk lanqas tirrispetta lilha innifisha biżżejjed”.

“Qatt ma ngħidulhom jieqfu, l-għan tagħna mhux dak. Dejjem nimxu mal-pass tan-nisa tagħna”, tispjega. L-għan wara Dar Hosea jibqa’ li mara tingħata għajnuna bla ebda ġudizzju. 

‘Naqla' f’xahar dak li kont naqla f’ġurnata, iżda issa għandi d-dinjita' 

“Noqgħod attenta kif inwieġeb meta jistaqsuni jekk ikollniex stejjer ta’ suċċess għax dak li hu suċċess għal persuna mhux l-istess għall-oħra”, bdiet tispjega s-social worker għall-mistoqsija tal-ILLUM. Hi tenfasizza li l-għan tagħhom mhux lin-nisa jkunu indipendenti. “J’alla jkunu, iżda hemm suċċessi oħra li jidhru żgħar imma għalina huma kbar.” 

Dejjem nistgħu nitkellmu fuq dik il-mara li daħlet għax kienet taħt l-ilma, u marret Dar Hosea għax ma kienx hemm iktar fejn taqdef. Illum il-ġurnata din il-mara sabet xogħol lill hinn mill-prostituzzjoni. Hemm ukoll nisa li ma kellhomx saqaf fuq rashom u issa għandhom il-propjetà tagħhom.  Dan huma l-istejjer reali li nisimgħu bihom f’Dar Hosea.

Madankollu hemm oħrajn li l-passi tagħhom jidhru żgħar iżda mhumiex. Is-social worker, kburija, semmiet każ ta’ persuna li kienet vittma tal-abbuż tad-droga u issa m’għadhiex. Hemm nisa li issa waslu f’punt li jħarsu lura u lanqas jemmnu l-progress li għamlu. Nisa li issa għandhom kontroll ta’ ħajjithom u dinjità.

“Kull pass żgħir li jirnexxilhom jagħmlu, anke sempliċiment jaċċettaw l-għajnuna, diġà hu suċċess għalina.” 

‘Hi importanti ħafna għalina li nibqgħu anonimi’

Dar Hosea isservi ukoll bħala xelter. “Iva għandna nisa li jaħarbu minn sitwazzjonijiet pjuttost perikoluzi u għalhekk importanti ħafna għalina li nibqgħu anonimi”, qalet filwaqt li tindirizza l-ħtieġa li dawn in-nisa jħossuhom siguri.

“Hemm professjonisti li jirreferu lin-nisa lilna minħabba li jafu x’servizzi noffru”, tispjega waqt li żżid tgħid li “ħafna drabi n-nisa jitkellmu bejniethom ukoll u b’hekk isiru jafu bis-servizzi tagħna.”

‘Għajnuna mill-ftit li għandna’ 

Wieħed irid jifhem li din id-dar tiffunzjona bħal kull dar oħra. Is-social worker spjegat lill-gazzetta li l-volontiera huma pedament bżonnjuż għal din id-dar. “Normalment, persuna li tkun trid tagħmel volontarjat magħna, se ssib x’tagħmel żgur”. 

Wieħed jista’ jgħin bil-manutenzjoni tad-dar, billi jgħin fl-amministrazzjoni u anke skont il-professjoni tal-individwu. Hemm bżonn ukoll volontiera li jgħinu fid-dar b’tisjir, tindif, u iktar.

Dar Hosea tiftaħ kważi kuljum u n-nisa tagħhom jistgħu ukoll iġibu t-tfal tagħhom. Waqt il-pandemija, l-għajnuna mill-volontiera naqset u għalhekk żdiedet it-talba, kemm għal aktar volontiera u anke għad-donazzjonijiet.

‘Liġi li taqdi lill-minoranza u tinjora lill-maġġoranza’ 

Xi kultant naħsbu li meta nitkellmu fuq il-prostituti, qegħdin nirreferu għal dik il-mara mimlija make up, liebsa sabiħ u lesta biex tmur ix xogħol ħa taqla lira bħal ta’ ‘Pretty Woman’. 

“Pretty Woman mhux l-istess mara li għandha bżonn l-għajnuna", tinsisti s-social worker. Hi tkompli tgħid kif l-istigma ma tgħinx u din li ngħidu “u iva mhux hi taf” jew “mhux hi toqgħod” trid tieqaf għax il-problem hi propja dik.

Statistika mill-Assoċjazzjoni tal-Ugwaljanza f’Malta, turi li 99% tal-prostituti f’Malta huma nisa filwaqt li l-maġġoranza tagħhom huma sfurzati fil-prostituzzjoni. Dan ifisser li jekk tgħaddi, “din il-liġi se tkun taqdi l-minoranza u tinjora l-maġġoranza.” Dawn in-nisa jirrakontaw abbuż kontinwu, vjolenza kbira u ambjent tossiku, tant li Dar Hosea tinżamm moħbija minn ħafna. 

Is-social worker tagħfas fuq l-importanza li mhux biss nikkriminalizzaw lil dawk li jħaddmu lil dawn in-nisa iżda wkoll lil dawk li jixtru s-servizzi tagħhom. Skont hi qed nikkontradixxu ruħna meta ngħidu li qed naqbżu għal mara iżda ma niġġieldux biex jieqaf l-abbuż.

Hi tkompli tgħid li bir-riformi li qed jisemmew, il-prostituzzjoni tista’ tibda tiġi meqjusa bħala xogħol minflok abbuż. “In-nisa jistgħu jidħlu għal dan ix-xogħol bħala karriera filwaqt li din il-mara qed ngħidula inti trid tibqa tbati.”

Is-social worker tgħid li tibża’ li biex nilħqu d-domanda għolja se jkollna nisfurzaw iktar nisa f’dan is-settur u dan se jwassal għal aktar abbuż, vjolenza u traffikar tan-nisa.

‘Irridu naraw x’ġara f’pajjiżi li addottaw ir-riformi li se nkunu qed naddottaw aħna’

Hi temmet mal-ILLUM tgħid li għandna nagħtu ħarsa lejn pajjiżi oħra u kif huma ttrattaw il-prostituzzjoni. Skont hi, statistika turi li pajjiżi li  addotaw il-mudell Nordiku -msejħa hekk minħabba li diġà ġew addottati f’pajjiżi Skandinavi, bħall-Iżvezja- urew nuqas fil-vjolenza u l-abbuż. 

 Dan intwera ukoll fl-Olanda fejn skont il-Kummissjoni Ewropea mill-2014, il-vittmi tat-traffikar tal-umani żdied drastikament.

Aqra wkoll:

More in Socjali