'Ħajti qatt mhi se terġa' tiġi normali ... qisni ġisem bla ruħ' - L-ewwel anniversarju mill-mewta traġika ta' Miriam Pace

Bħal-lum waranofsinhar Malta waqqfet bl-aħbar li omm ta' 54 sena spiċċat mirduma taħt id-dar tagħha

Bħal-lum sena Malta waqqfet meta omm ta' 54 sena, Miriam Pace, spiċċat mirduma taħt dik li kienet id-dar tagħha, biswit sit ta' kostruzzjoni fil-Ħamrun.

Matul dik il-ġimgħa, il-Gvern waqqaf kumitat tekniku biex jinvestiga dak li hemm bżonn biex is-settur ikun irregolat, anke jekk sa issa ftit li xejn smajna dwar dan. Saru protesti u eluf ippakjaw is-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta biex isellmu lil Pace.

Għaddiet sena, iżda Miriam Pace għadha f'moħħ kulħadd, mhux biss żewġha, uliedha u ħbiebha, imma f'moħħ il-poplu għax ħadd ma jrid li jispiċċa hekk, aktar u aktar meta suppost jinsab fis-sigurtà tad-dar tiegħu. 

"Jum li tlift kollox. Tlift it trankwillità, tlift dak kollu li ħdimt għalih għomri kollu, iżda fuq kollox tlift l-imħabba ta' qalbi," kiteb ir-raġel ta' Pace. "Ħajti qatt mhi se terġa' tiġi normali, qisni ġisem bla ruħ."

It-2 ta' Marzu Aw ħanini tiegħi, għaddiet sena minn meta l aħħar li kelimtek u rajtek mimlija ħajja. X anniversarju dak...

Posted by Carmel Pace on Monday, 1 March 2021

Kiten fuq Facebook u indirizza kliemu lil martu. Qalilha li jipprova jagħmel kuraġġ, imma meta jħares lejn xi ritratt, għajnejh jimtlew bid-dmugħ.

"Kultant nipprova nieħu l-irwol tiegħek meta jkun meħtieġ, iżda dan qatt ma jista' jkun. Int kont ħajt ta' sur għalija. Int kont kapaċi tara x'għandi f'qalbi anke mill-ħarsa ta' għajnejja," insista. "F'din id-dinja ħa tissodisfani xi tip ta' ġustizzja ? Le xejn... Bil-bniedem tista' tqarraq u ddawwar l-argumenti biex il-liġijiet ta' din id dinja jastjenuk minn kull ħtija, allura nemmen fil-ġustizzja t'Alla li tagħmel x'tagħmel żgur ħa tieħu dak li tassew ħaqqek."

"Mir jien persważ li int anġlu fis-sema, fejn riġlejn Ommna Marija li int kont tħobb. Nitolbok kun l-interċezzonji quddiemHa u kompli mexxi lil uliedna fit-triq tas-sewwa u ħarishom minn kull deni. Sadanittant stennini biex meta jkun il waqt nerġa' nara dik it tbissima sabiħa tiegħek u ngħannqek miegħi," temm jikteb Carmel.

More in Socjali