Filmat | Sajjied Malti jirbaħ premju prestiġjuż waqt is-Sundance Film Festival għas-sehem tiegħu fil-film Luzzu

Il-film inħadem taħt id-direzzjoni ta’ Alex Camilleri bil-premiere tiegħu sar fi tmiem il-ġimgħa li għadda waqt l-istess festival

 

Jesmark Scicluna, sajjied mis-Siġġiewi, rebaħ il-World Cinema Dramatic Special Jury Award, għas-sehem tiegħu fil-film Malti ‘Luzzu,’ waqt is-Sundance Film Festival

Il-film inħadem taħt id-direzzjoni ta’ Alex Camilleri bil-premiere tiegħu sar fi tmiem il-ġimgħa li għadda waqt l-istess festival.

Din l-aħbar sabiħa tħabbret dalgħodu waqt il-ċerimonja tal-għoti tal-premijiet, li minħabba l-pandemija, kellha ssir parzjalment virtwali.

Zeynep Atakan, producer Tork tal-films faħħret ħafna l-film u insistiet li l-emozzjonijiet li jqanqal dan il-film huma onesti anke bis-sehem u bl-esperjenza ta’ attur li fil-fatt huwa sajjied. 

Il-film jirrakkonta l-istorja ta’ sajjied li jkollu jħalli warajh ġenerazzjonijiet ta’ tradizzjoni u jirriskja kollox billi jidħol fid-dinja tas-suq tal-kuntrabandu, biex ikun jista’ jgħajjex lil martu u lit-tarbija tagħhom.

Scicluna rringrazzja lil Alex Camilleri għall-fiduċja li wera fih u anke lill-atturi l-oħra, jiġifieri lis-sajjied bħalu David Scicluna u lill-attriċi Michela Farrugia.

Irringrazzja wkoll lill-produtturi tal-film, Rebecca Anastasi, Ramin Bahrani u Oliver Mallia. 

Ma setax jonqos li jirringrazzja wkoll lil martu MariaCarla Scicluna u lil binthom ta’ erba’ snin Cheryl Scicluna.

Camilleri min-naħa tiegħu faħħar l-impenn ta’ Scicluna li fakkar li huwa sajjied u qatt qabel ma rreċta.

Minkejja dan, insista Camilleri, Scicluna għamel prestazzjoni tajba mmens u qal li s-sehem tiegħu f’dan il-film ifakkru f’atturi kbar tal-ċinema.

Dan kien ukoll l-ewwel film Malti li deher u pparteċipa f’festival taċ-ċinema bħal dan. 

Luzzu nħadem bl-appoġġ tal-Malta Film Fund u l-Malta Film Commission

More in Socjali