L-effett 'Covid' fost l-istudenti ... 60% dipressati, 70% bin-nervi u 61% waħedhom

Il-pandemija tal-Covid-19 ġabet magħha pandemija ta' solitudni u dippressjoni, mhux l-inqas fost l-istudenti Universitarji ta' Malta.  Il-gazzetta ILLUM tanalizza riċerka dwar dan ...

Smajna ħafna dwar l-effett psikoloġiku tal-pandemija, għalkemm ħafna drabi l-fokus kien kważi dejjem fuq l-anzjani. Studju li sar fost l-istudenti tal-Università ta' Malta juri illi 61%  ħassewhom waħdehom waqt il-pandemija, 65% ħassewhom eżasperati u għajjenin u 70.4% qalu illi ħassewhom bin-nervi.

Dan juri illi l-effetti tal-pandemija, li għal xi ġimgħat saħansitra rat lill-poplu prattikament jingħalaq ġewwa, ħalliet effetti psikoloġiċi li huma estensivi, anke fost dawk iżgħar fl-età. 

60% tal-istudenti li pparteċipaw f'din ir-riċerka mid-Dipartiment tal-Psikoloġija u d-Dipartiment taż-Żgħażagħ u l-Istudji tal-Komunità, semmew id-dipressjoni u kif ħassewhom dipressati matul il-pandemija filwaqt li 52.5% qalu li kienu irrabjati. 

Din il-gazzetta nhar il-Ħadd 17 ta' Jannar irrapportat kif fl-aħħar tas-sena l-oħra huwa stmat mill-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Benesseri Soċjali (FSWS) illi saru mas-27,000 telefonata fuq il-linji 179 u 1772 - fuq kwistjonijiet ta' dipressjoni u solitudni. 

In-nisa waqt il-pandemija:  Aktar dipressi, nervużi u waħedhom mill-irġiel ... imma għalfejn?

Intant huwa partikolari u interessanti l-fatt illi n-nisa, perċentwalment esprimew sentimenti psikoloġiċi negattivi, ħafna iktar milli esprimew l-irġiel. Fil-fatt filwaqt li kienu 57% tal-irġiel li esprimew sentimenti ta' nervożiżmu kienu 19% iktar tan-nisa li esprimew dan is-sentiment (76%).  In-nisa ħassewhom aktar irrabjati mill-irġiel (56% vs 44.5%) u ftit iktar waħedhom mill-irġiel (62.6% vs 57.4%).  Ħafna iktar nisa ħassewhom għajjenin meta mqabblin mal-irġiel (70.2% vs 51%)  u finalment 12.4% aktar studenti nisa, minn irġiel, għal total ta' 63.4% qalu li ħassewhom dipressati waqt il-pandemija. 

Imma x'jispjega din id-differenza konsiderevoli bejn il-ġeneri fl-aspetti psikoloġiċi tal-effetti li ħalliet il-pandemija? 

Ir-riċerka fil-fatt tgħid illi studju ta' Titan Alon et al 'The Impact of Covid-19 on Gender Equality' (2020) juri kif waqt li normalment riċessjonijiet aktar jimpattaw is-suq tax-xogħol li jimpjega lill-irġiel, fil-każ tal-Covid-19 dan kien differenti.  U dan għaliex in-natura tal-pandemija fissret l-għeluq tan-negozji fl-industrija tal-ospitalità, illi fiha wieħed isib rata konsiderevoli ta' nisa, filwaqt li għal madwar tliet xhur għalqu kemm l-iskejjel kif ukoll iċ-child/day care centres.  Ir-riċerka tfakkar li l-aktar li ħadu d-daqqa minn dawn il-fatturi kienu n-nisa.  Ir-riċerka tfakkar ukoll illi numru kbir ta' studenti għandhom impjieg part time fl-industrija tal-ospitalità. 

Intant din ir-riċerka -  ippublikata fl-aħħar tas-sena l-oħra - staqsiet lill-istudenti dwar ir-reliġjożità tagħhom -  jekk humiex sekulari, ftit reliġjużi jew inkella reliġjużi.

Hawnhekk id-differenzi mhumiex kbar għalkemm b'75.5% dawk l-istudenti li qalu li huma 'xi ftit reliġjużi' huma l-aktar li wieġbu illi ħassew nervożiżmu.  Dawk li huma reliġjużi l-aktar li qalu illi esprimew kien sentiment ta' nervi (68.2%).

Din ir-riċerka tikkwota wkoll studju (Azzopardi et al 2020) li juri illi fost il-popolazzjoni studenteska dawk li kienu għaddejjin minn solitudni jew solitudni qawwija kienu telgħu għal 35% fl-2020 minn 2% fl-2019. 

In-nisa u dawk reliġjużi b'livelli ogħla ta' biża' mill-pandemija

Intant ir-riċerka staqsiet ukoll lill-istudenti dwar il-biża' mill-pandemija b'32% jirreġistraw livell għoli ta' biża', 29.9% livell medju u 29.2% livell baxx ta' biża'. 

L-istudenti nisa esprimew sentiment ogħla ta' biża' mil-irġiel filwaqt illi dawk li qalu illi huma reliġjużi wrew xejra akbar ta' sentiment ta' biża' mill-pandemija. 

X'jurina dan? 

Ir-riċerka tikkwota studji oħrajn, fosthom ta' Gritsenko et al 'COVID 19 Fear, Stress, Anxiety, and Substance Use Among Russian and Belarusian University Students' (2020) li juru illi l-livell ta' biża' mill-pandemija fost studenti li qalu illi huma reliġjużi hija ogħla.  Dan juri, tkompli tgħid ir-riċerka, illi r-reliġjożità ta' persuna mhux neċessarjament tgħin biex persuna tiffaċċja sfidi bħal dawn fil-ħajja.  

Żieda qawwija fix-xorb u s-sustanzi

Dan kollu għal xhiex wassal? 

Wassal biex, turi r-riċerka, dawk li kienu jpejpu, jixorbu jew jagħmlu użu mill-kannabis żiedu l-konsum ta' dawn is-sustanzi matul il-pandemija. 

Minn dawn l-istudenti fil-fatt 39.7% irrapportaw żieda fit-tipjip, 29.9% żieda fl-alkoħol u 46.9% żieda fl-użu tal-kannabis. 

Kien hemm żieda ta' 8.7% fix-xorb fi kwantitajiet kbar, dak li jissejjaħ 'binge drinking' bl-inqas żidiet ikunu fost dawk l-istudenti li huma aktar reliġjużi.  Dan juri illi minkejja li l-livell tal-biża' kien akbar hemm rabta bejn ir-reliġjożità ta' persuna u l-fatt li l-inċidenza tal-kriminalità u l-użu tas-sustanzi hija inqas fost dan is-settur tal-poplu. 

Din ir-riċerka saret minn Jamie Bonnici, Marilyn Clark u Andrew Azzopardi.

More in Socjali