Aġġornata | Jitħabbru d-dettalji tal-funeral tal-Professur Oliver Friggieri; Għada jum ta' luttu nazzjonali

Il-korteo funebri se jgħaddi wkoll mill-Università ta’ Malta

Il-funeral organizzat mill-Istat tal-Professur Oliver Friggieri se jsir għada l-Erbgħa.

Il-quddiesa praesente cadavere se ssir fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta fis-2.00p.m u se tkun ikkonċelebrata mill-Arċisqof Charles Scicluna.

Kif tħabbar il-funeral ta' Friggieri qed jiġi organizzat mill-Istat Malti b’rikonoxximent għall-kontribut straordinarju li ta lil pajjiżna u lil niesu tul il-karriera tiegħu. 

Il-Gvern iddeċieda wkoll li għada l-Erbgħa jiġi mmarkat bħala jum ta’ luttu. Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar kiteb uffiċjalment lis-Segretarji Permanenti, Diretturi Ġenerali, Diretturi u Kapijiet tal-Entitajiet Pubbliċi biex għada l-bnadar fuq il-binjiet pubbliċi jittajru mezz’asta.

Il-Korteo funebri se jitlaq mill-Isptar Mater Dei fis-12.45p.m lejn l-Università ta’ Malta fejn il-Professur Friggieri għadda għexieren ta’ snin minn ħajtu jeduka lill-istudenti tiegħu bħala lettur fid-Dipartiment tal-Malti fejn serva wkoll bħala Kap tad-Dipartiment u Professur tal-Letteratura. 

Minn hemmhekk il-Korteo funebri jipproċedi għal quddiem ir-residenza privata tiegħu fi Fleur-de-Lys, u għal quddiem il-Knisja Arċipretali ta’ San Publiju fil-Furjana, raħal twelid Friggieri fejn se tingħatalu tislima mill-Kunsill Lokali tal-Floriana u mill-Kleru tal-Parroċċa ta’ San Publiju. Wara l-Korteo funebri jipproċedi lejn il-Konkatidral ta’ San Ġwann.

Fi tmiem il-quddiesa, il-funeral ikompli f’forma strettament privata.

Il-pubbliku huwa mgħarraf li minħabba restrizzjonijiet marbuta mal-pandemija, fil-Konkatidral ta’ San Ġwann se jitħallew jidħlu biss dawk li se jirċievu l-istedina uffiċjali. 

Il-quddiesa praesente cadavre se tixxandar fuq l-istazzjon nazzjonali TVM u fuq maltagov, il-paġna uffiċjali tal-Gvern fuq Facebook.

Friggieri, li kellu 73 sena, miet nhar is-Sibt li għadda.

Huwa jibqa' mfakkar bħala ġgant tal-letteratura u ħabib tal-Ilsien Malti.

Fost ir-Rumanzi l-aktar magħrufa tiegħu, jibqgħu 'It-Tfal jiġi bil-Vapuri' u 'Fil-Parlament ma jikbrux Fjuri.'

Ix-xogħlijiet tiegħu ġew tradotti f’bosta lingwi f’pajjiżi barranin u għamlu isem lil Malta madwar id-dinja.

Friggieri huma maħbub minn bosta, partikolarment eks studenti tiegħu. Huma jiddeskrivu l-lezzjonijiet tiegħu kienu lezzjonijiet dwar il-ħajja.

Ilbieraħ, Manwel Mifsud, f'isem l-Akkademja tal-Malti, bgħatilna din il-poeżija li permezz tagħha sellem lill-Professur:

OLIVER 

Magħruf imma ma jħobbx jidher,

maħbub imma ma jħobbx jitfissed,

internazzjonali imma baqa’ Malti.                                         

 

Għex bħal tifel kurjuż, jitħasseb, jissaħħar quddiem il-misteri kbar li jdawruna,

ħabb bis-sħiħ il-valuri l-qodma li jsaħħuna,

kittieb ta’ veru, ittratta t-temi li tassew jaħarqu, dawk li dejjem se jibqgħu jolqtuna.

F’kitbietu qaxxar ir-ruħ tal-poplu Malti, il-ġlieda tiegħu biex jinbidel bla ma jitlef rasu, ruħu, ilsienu.

Kien inkwetat fuq il-futur tal-kultura u tal-lingwa Maltija...

 

Forsi t-testment tiegħu hu l-muftieħ għal dak li ilna ħafna nfittxu u nixtiequ,

il-bilanċ bejn il-Jien u Lil hinn minnu.

 

Bħal Ninu Cremona, Dun Karm u Ġużè Aquilina, kompla jikxef is-setgħat tal-Ilsien Malti,

kompla jsaħħilna l-aqwa mezz għall-identità tagħna.

 

Ta’ dan kollu, u ta’ tant ġid ieħor li forsi lanqas intbaħna bih,

Oliver

nirringrazzjawk.

 

Ħabibek Manwel

More in Socjali