‘Qed jiżbalja min lill-Papa għajru Ġuda u min qal li poġġa l-liġi tal-Unjoni Ċivili l-istess bħaż-Żwieġ’

Il-gazzetta ILLUM titkellem ma’ Patri Charlò Camilleri, koordinatur tal-istudju fl-Ispiritwalitajiett tal-Ġeneru dwar id-dikjrazzjonijiet tal-Papa Franġisku dwar l-unjoni ċivili. Il-Papa biddel it-Tagħlim tal-Knisja? Qed jgħid ereżija? U x’qalu l-Papiet ta’ qablu?

Il-ġimgħa li għaddiet qamet diskussjoni sħiħa dwar dak li l-Papa Franġisku qal dwar il-liġi tal-unjoni ċivili. Fi kliem sempliċi, il-Papa Franġisku, fid-dokumentarju ‘Francesco,’ fost diversi suġġetti oħra, jitkellem dwar il-persuni LGBTIQ u jisħaq li dawn ukoll huma “ulied Alla” u għalhekk “għandhom dritt ikunu parti minn familja.”

Fil-fatt, diversi rapporti qed jikkwotaw lill-Papa jappella biex jiddaħħlu liġijiet tal-unjoni ċivili biex anke dawn il-koppji jkunu protetti bil-liġi. Ta’ min ifakkar li l-Papa Franġisku mhux l-ewwel darba li ħeġġeġ lill-ġenituri ta’ persuni LGBTIQ biex jaċċettaw lill-uliedhom kif inhuma u mhux jemarġinawhom.

Iżda dak li qal il-Papa Franġisku ibiddel b’xi mod it-tagħlim tal-knisja dwar iż-Żwieġ bejn koppji tal-istess sess? Il-Papa qal ereżija? U l-Papiet ta’ qablu x’kienu qalu? Dwar dan il-gazzetta ILLUM titkellem mal-Karmelitan Patri Charlò Camilleri li huwa lettur fid-Dipartiment tal-Morali fi ħdan il-Fakultà tat-Teoloġija fl-Università ta’ Malta u sa mill-2008 koordinatur tal-istudju fl-Ispiritwalitajiet tal-Ġeneru. Parti kbira mill-ministeru ta’ Patri Charlò huwa l-akkumpanjament spiritwali.

Kont sorpriż b’dak li qal il-Papa? Jew inkella qal xi ħaġa li l-Knisja dejjem emmnet fiha?

Dak li qal il-Papa ma ħadtux b’sorpriża. Irridu nifhmu, l-ewwel u qabel kollox, li dak li qal il-Papa huwa sinonimu għall-istil tiegħu. Il-Papa Franġisku jitkellem bi stil li jinftihem minn kulħadd. Franġisku qed jagħtina Pontifikat ta’ ġesti u ta’ taħdit li jinftihem minn kulħadd.

Dak li jidher li jingħad bla ħsieb minn Papa Franġisku fil-fatt taħtu hemm il-piż u d-dixxerniment tal-ħsieb tal-Knisja, li fid-dokumenti uffiċjali, naturalment jingħata b’lingwaġġ iktar tekniku. Ta’ min ngħidu li l-Papa qal dan il-kliem f’okkażjonijiet oħra. Fil-fatt, dan spjegah ukoll il-Ġiżwita Antonio Spadaro, editur tar-Rivista Civiltà Cattolika. Spadaro huwa qrib ħafna ta' Papa u naħseb huwa awtorità fl-interpretazzjoni tal-ħsieb tal-Papa preżenti bħala konsultur tal-Kunsill Pontifiċju tal-Kultura u s-Segretarjat tal-Komunikazzjoni.

Naturalment din l-istqarrija tal-Papa donnha faqqgħet bħal sajjetta għax issa nduna biha x-Xandir minħabba dan id-dokumentarju ta’ Evgeny Afineevsky li jiġbor xi ftit jew wisq il-ħsieb u l-viżjoni tal-Papa. Tajjeb ngħidu li dan il-kliem fid-dokumentarju huwa akkumpanjat mill-ġest ta' telefonata tal-Papa lil koppja gay bi tlett itfal li kitbulu ittra biex jesprimu d-diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom sabiex jipprattikaw il-fidi tagħhom.

F'kelma waħda għandha ġest u kliem flimkien. Huma l-elementi li jsawwru l-ħajja tal-fidi u tas-sagramenti li huma mibnija fuq ġesti u kliem . Meta l-ġest u l-kelma jiżżewġu flimkien, ikollna l-effett insejjaħlu jiena 'sagramentali' fis-sens wiesgħa tal-kelma. Dwar jekk qattx ingħata każ jew importanza qabel għal din il-pożizzjoni li diġà nsibuha fil-Knisja qabel il-Papa Franġisku, intenni li għalija, u hawn wieħed jista' ma jaqbilx miegħi, hija kwistjoni ta' lingwaġġ. 

Imma dak li qal il-Papa, b’xi mod, ibiddel it-tagħlim tal-Knisja dwar ir-relazzjonijiet LGBTIQ?

Assolutament le. Tant hu hekk li fi Buenos Aires bħala Isqof hu kien favur li l-liġi tirregolarizza u tipproteġi il-persuni LGBTIQ. Ma ninsewx li hemm soċjetajiet fejn dawn il-liġijiet ma jeżistux, jew inkella hemm liġijiet omofobiċi li jagħmlu ħafna ħsara u jferu d-dinjità tal-bniedem.  Naturalment dan għall-Knisja huwa ħażin għax id-dinjità tal-bniedem hija fundamentali għall-bini ta' soċjetà ġusta u ekwa.

Il-Knisja temmen fid-dinjità tal-bniedem mit-tnissil sat-tmiem naturali tal-ħajja. Naturalment il-kwistjoni tal-persuni LGBTIQ tidħol f'dan il-qasam

Aħna nitkellmu ħafna mill-ugwaljanza, imma l-Knisja iktar titkellem fuq l-ekwità li hija l-għajn vera ta' ugwaljanza b'saħħitha. Il-Knisja wkoll fit-tagħlim soċjali tagħha tagħraf li l-Istat għandu d-dmir u d-dritt li jirregola l-ħajja taċ-ċittadini dejjem skont prinċipji etiċi u morali li jżewġu flimkien il-ġid tal-persuni u l-ġid komuni.

Il-Knisja temmen fid-dinjità tal-bniedem mit-tnissil sat-tmiem naturali tal-ħajja. Naturalment il-kwistjoni tal-persuni LGBTIQ tidħol f'dan il-qasam. Issa hemm diversi modi kif tirregola waqt li tħares prinċipji etiċi u morali, kif insibu wkoll fid-dokument tal-2003 dwar din il-kwestjoni. Għal min qed jakkuża lill-Papa li qed imur kontra t-tagħlim tal-Knisja u saħansitra hemm min sejjaħlu pubblikament Ġuda u Antikrist, qiegħed jiżbalja. Min qed jara xi pass kbir ġdid u innovattiv li jqiegħed liġijiet tal-Unjoni Ċivili l-istess bħar-rabta taż-Żwieġ ma jafx x'qed jgħid ukoll. Il-Papa mkien ma semma Żwieġ bejn koppji tal-istess sess f'dak li qal. Iż-Żwieġ huwa ħaġa, Unjoni Ċivili hija oħra.

Fi kliem sempliċi l-Knisja kif tħares lejn ir-relazzjonijiet bejn persuni tal-istess sess? X'post għandhom persuni LGBTIQ fil-Knisja?

Il-premessa għal dawn iż-żewġ mistoqsijiet hija qabel xejn li fejn jidħlu persuni konkreti l-Knisja tirrifjuta li tittimbra l-persuni skont l-orjentazzjoni sesswali tagħhom. Id-dinjità tal-persuna ma toħroġx mill-orjentazzjoni jew il-ġeneru. Id-dinjità, mill-perspettiva tal-Knisja, ġejja mill-fatt li l-bniedem hu min hu u hu x'inhu huwa maħluq fuq is-sura u x-xbieha ta' Alla. Il-Knisja tħares lejn il-persuna l-ewwel u qabel kollox u lejha taqdi l-missjoni tagħha li twassal lil kull bniedem biex fil-konkret din ix-xbieha u s-sura ta' Alla tasal għall-maturità u l-milja tagħha f'xebh ma' Kristu. Minn hawn irridu nibdew.

Bħalma nafu hemm diversi dokumenti tal-Knisja li jitrattaw dan il-qasam u kollha huma indirizzati bħala linji gwida għall-Isqfijiet dwar il-ħidma pastorali mal-persuni LGBTIQ. Forsi l-iktar li jissemma huwa dak tal-1986 li huwa meqjus konservattiv u insensittiv għall-aħħar. Tajjeb inqiegħduh fil-kuntest anke tal-iżvilupp xjentifiku dwar il-fenomenu tal-omosesswalità.

Dan id-dokument fuq il-Kura Pastorali tal-Persuni Omosesswali jiġi proprju sena qabel ma l-omosesswalità tneħħiet għal kollox u b'mod definittiv mill-Manwal tad-Dijanjożi u Statistika (DSM) tad-diżordni mentali. Biex inqiegħdu l-kuntest, diġà fl-1973, il-psikoloġija bdiet issaħħaħ il-fehma li l-omosesswalità hija varjant fis-sesswalità umana u ma għandhiex titqies bħala diżordni psikoloġika u fiżika.  L-omosesswalità tneħħiet għal kollox u definittivament mid-DSM fl-1987.

Patri Charlo Camilleri
Patri Charlo Camilleri

Allura il-valutazzjoni ta'  dak id-dokument trid tikkunsidra dan il-qafas xjentifiku. Żvilupp fuq id-dokument tal-1986 huwa dak tal-1992 imsejjaħ "Considerazioni.” Minkejja li xorta huwa dokument meqjus konservattiv u għall-komunità LGBTIQ u oħrajn jonqos mis-sensibilità insibu per eżempju ċertu elementi "ġodda" bħall-paragrafu 12 li prattikament Papa Franġsiku jagħmel parafrasi tiegħu f'dak li ġie rrappurtat il-ġimgħa li għaddiet. 

Imbagħad hemm il-katekiżmu tal-Knisja Kattolika. Il-parti li titkellem fuq ir-relazzjonijiet sesswali tiġi fit-taqsima dwar is-sejħa tan-nisrani għall-kastità skont l-istat tiegħu. Però filwaqt li l-Katekiżmu juża termini skolastiċi biex jiddefinixxi 'att omosesswali' (mhux il-persuna nnifisha) bħala actus inordinatio (fl-ilsna moderni sfortunatament tiġi maqluba 'diżordinat' li ovvjament huwa terminu li jinħass offensiv); Inordinatio iżda tfisser "mhux ordnat għal", jiġifieri "ma jwassalx għal" xi ħaġa partikulari, f'dan il-każ għat-tnissil tal-ħajja u għall-għaqda komplimentari bejn is-sessi opposti.

Minkejja dan kollu l-omosesswalità ma tagħmilx parti mit-taqsima li titkellem fuq l-offiżi kontra l-kastità (2351-2356), iżda għandha taqsima għaliha fin-numri 2357-2359. In-numru 2359 dwar il-ħajja tal-virtù, rażan u ħelsien interjuri, anki bl-għajnuniet tal-ħbiberija,i t-talb u l-grazzja sagramentali, bħal kulħadd fl-aħħar mill-aħħar, il-persuni LGBTIQ jaslu għall-perfezzjoni Nisranija. Jiġifieri kif tħares lejn il-persuni LGBTIQ Insara? Xejn ħlief li bħal kull nisrani ieħor jimpenja ruħu sabiex jasal għall-maturità fi Kristu u jkun dak li hu: bniedem sħiħ.

Dak li qal il-Papa Franġisku, ibiddel il-pożizzjonijiet li ħadu l-preduċessuri tiegħu?

Le u din hija l-fehma wkoll tal-komunikat mill-Uffiċċju tal-Komunikazzjoni tas-Santa Sede ta’ nhar it-Tlieta li għaddew.

Naturalment il-Papa Ġwanni Pawlu II jibqa' jissemma għall-129 taħdita famuża u kontroversjali tiegħu bejn l-1979 u l-1984 li ġew mitbugħin fi ktieb bit-titlu It-Teoloġija tal-Ġisem, test li jagħmel kompendju tar-riflessjoni teoloġika kif żviluppat matul iż-żminijiet fil-Knisja dwar il-bniedem u s-sesswalità.

Hija responsabbilità ta' kulħadd, speċjalment tal-operaturi pastorali li jkunu aġġornati sabiex jimxu flimkien mal-persuni LGBTIQ fil-mixja tal-maturità umana u tal-fidi bla ma ssir ħsara bla bżonn

Papa Beneditu XVI mbagħad baqa' iktar magħruf għall-espressjoni "l-ekoloġija tal-bniedem" li qalgħet ukoll kontroversja u oppożizzjoni. Bħala Kardinal Prefett tal-Kongregazzjoni tad-Duttrina tal-Fidi baqa' jiġi kkritikat għad-dokumenti tal-1986 u l-1992. Kważi ħadd ma jikkwota l-paragrafu 12 tad-dokument fuq il-Kura Pastorali tal-Persuni Omosesswali, li Franġisku jirrepetih: "Il-persuni omosesswali, bħala bnedmin, għandhom l-istess drittijiet bħal kull bniedem ieħor, inkluż id-dritt li ma jkunux trattati b'mod li jferi d-dinjità tagħhom. Fost id-drittijiet , kull bniedem għandu dritt għax-xogħol, għad-dar, u l-bqija..." 

Il-kliem ta' Papa Franġisku, narah f'dan id-dawl, jespliċita prinċipji li diġà jeżistu. Huwa veru li l-Knisja tidher timxi bil-mod u kawta, imma dan sforz il-prudenza. Il-Knisja tieħu ż-żmien tagħha mgħejjuna wkoll mix-xjenzi. Inżommu f'moħħna li l-Knisja Kattolika tiġbor 1.2 billjun ruħ madwar id-dinja. Ara kemm kulturi, sensibilitajiet u mentalitajiet.

Fl-aħħarnett ta' min insemmu wkoll li l-Knisja mhux biss tikteb dokumenti u tirrifletti, imma wkoll permezz tal-operaturi pastorali tagħha timxi flimkien mal-persuni, anke ma’ persuni LGBTIQ. Hija responsabbilità ta' kulħadd, speċjalment tal-operaturi pastorali li jkunu aġġornati sabiex jimxu flimkien mal-persuni LGBTIQ fil-mixja tal-maturità umana u tal-fidi bla ma ssir ħsara bla bżonn.

More in Socjali