Kumpanija Maltija tal-moda toħloq prodotti minn materjal irriċiklat waqt li tgħin persuni foqra fil-Ghana

Il-Kumpanija Nilara timpjega mal-25 persuna fil-Ghana

Kumpanija Maltija tal-moda għarfet tuża materjal irriċiklat biex toħloq prodotti ta’ kwalità għolja u fl-istess waqt qed tħarreġ u timpjega 25 persuna fil-Ghana, li ħafna minnhom huwa foqra jew fir-riskju tal-faqar.

Il-Ministru, fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, Carmeli Abela, żar il-kumpanija Nilara u spjega kif il-moda ta’ kwalità tista’ timxi id f’id mas-sostenibbiltà ambjentali, u fl-istess ħin toffri pagi ġusti lil dawk l-iktar fil-bżonn.

Nilay Camilleri, sidt u disinjatriċi tal-kumpanija, spjegat li Nilara tfassal id-disinn ta’ prodotti bħal ħwejjeġ u basktijiet f’Malta, u l-manifattura ssir fil-Ghana skont il-prinċipji ta’ sostenibbiltà u kummerċ ġust.

Spjegat li dan jgħin sabiex minbarra li jinħoloq djalogu bejn il-kulturi fuq livell artistiku, in-nies tal-post jingħataw opportunitajiet ta’ taħriġ u xogħol. 

Fil-fatt, żiedet tgħid li hekk kif hemmhekk huwa diffiċli li wieħed jitgħallem xi forma ta’ sengħa, il-kumpanija toffri li l-ħaddiema jitħarrġu fil-qasam tad-disinn u l-moda.

Barra minn hekk, il-kumpanija, li tmexxi ma’ żewġha Ivan, tfittex li ma jkunx hemm ħela ta’ riżorsi, u għalhekk il-materjal li ma jintużax jiġi rriċiklat fi prodotti li jkunu jistgħu jgħaddu lill-għaqdiet mhux governattivi u lil individwi li jkunu jeħtieġu dan il-materjal f’forma jew oħra.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Carmelo Abela semma l-potenzjal ekonomiku b’saħħtu tas-swieq Afrikani, hekk kif imsemmi fl-istrateġija għall-Afrika li Malta nediet iktar kmieni din is-sena.

Żied jgħid li din il-kumpanija tal-moda hi eżempju ċar ta’ kif bi ftit kreattività, kumpanija tista’ tagħmel il-produzzjoni tagħha ferm aktar sostenibbli u konformi mal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli mfassla min-Nazzjonijiet Magħquda f’dak li hu relatat ma’ faqar; ugwaljanza; l-ambjent u l-ekonomija ċirkolari; it-tibdil fil-klima; u l-paċi u l-ġustizzja. 

More in Socjali