Żewġ għaqdiet ambjentali jitolbu għal protezzjoni ta' raddi fil-blat minn fejn se tgħaddi s-Central Link

Ir-raddi nstabu waqt ix-xogħlijiet ta’ tħejjija għall-Proġett tas-Central Link. Wara nkixfu bill-galbu taħt id-direzzjoni tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali.

Ir-raddi fil-blat
Ir-raddi fil-blat

Fi stqarrija Din l-Art Ħelwa u s-Soċjeta Arkeoloġika Maltija qalu illi sensiela ta’ raddi fil-blat fi stat tajjeb ta’ preservazzjoni nstabu reċentement barra l-Mixtla tal-Gvern ta’ Wied Inċita, fi Triq l-Imdina, Ħ’Attard. "Dawn ir-raddi huma eżempju mill-isbaħ ta’ dawn is-sinjali misterjużi mill-qedem li jinstabu f’imkejjen varji fil-pajsaġġ Malti, u li huwa maħsub li jistgħu jmorru lura għall-prejistorja, sewwa sewwa għal Żmien il-Bronż.

Iż-żewġ għaqdiet ambjentali qalu illi dawn ir-raddi partikolari huma ta’ sinifikat partikolari għaliex: Huma l-uniċi raddi fil-blat magħrufa fl-inħawi ta’ Ħ’Attard; huma eżempju tassew ċar ta’ kif dawn ir-raddi mill-qedem spiss jimxu mal-istess linja ta’ toroq moderni, l-għamliet varji ta’ raddi li jidhru jista’ jfisser li damu jintużaw għal mijiet ta’ snin.

Ir-raddi nstabu waqt ix-xogħlijiet ta’ tħejjija għall-Proġett tas-Central Link. Wara li nkixfu bill-galbu taħt id-direzzjoni tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali. Issa jinstabu fil-periklu li jindifnu taħt it-triq sabiex din titwessa’" qalu l-għaqdiet.

Is-Soċjetà Arkejoloġika ta’ Malta u Din l-Art Ħelwa esprimew tħassib li r-riżorsi arkejoloġiċi ta’ Malta qed ikomplu jittieklu minn proġetti li jitfasslu mingħajr biżżejjed tħejjija u mingħajr biżżejjed għarfien tal-impatt li jista’ jkollhom fuq l-arkejoloġija. "Id-deċiżjoni tal-Ħamis li għadda sabiex jiġi approvat proġett ieħor kbir ta’ twessigħ ta’ triq  fl-Għeriexem, fir-Rabat, qabel ma saret indaġni sħiħa tal-arkejoloġija, u kontra l-pariri tal-ERA u tas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali, ser ikollu konsegwenzji simili."

Iż-żewġ għaqdiet qalu illi qed  jistennew li l-Infrastructure Malta, id f’id mas-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali,  "tuża il-ħiliet u r-riżorsi professjonali tagħha sabiex tbiddel id-disinn tat-triq biex tħalli dawn ir-raddi jitgawdew mill-publiku. Il-jedd tal-publiku biex igawdi r-riżorsi arkejoloġiċi huwa valur importanti, imħares fil-liġi ta’ Malta u f’konvenzjonijiet internazzjonali," itemmu jfakkru.

 

More in Socjali