Il-konsagrazzjoni u l-ingress ta' Dun Anton bħala Isqof ta' Għawdex se jsiru f'Settembru

Nhar il-5 ta' Settembru se ssir ċelebrazzjoni ta' radd il-ħajr lil Alla fi tmiem il-ministeru episkopali ta’ Mons. Mario Grech f'Għawdex

Il-Konsagrazzjoni tal-Isqof magħżul għal Għawdex, Dun Anton Teuma, se ssir nhar is-13 ta’ Settembru fil-Katidral iddedikat lil Marija Mtellgħa s-Sema fiċ-Ċittadella.

Iċ-ċelebrazzjoni tkun tinkludi mhux biss il-konsagrazzjoni tal-Isqof il-ġdid iżda anke l-ingress tiegħu bħala Isqof ta’ Għawdex.

Bħala motto għall-episkopat tiegħu, Teuma għażel frażi mill-Vanġelu ta’ San Luqa: “U baqa’ miexi magħhom.”

Dan jirreferi għall-ġrajja tal-laqgħa ta’ Ġesù mad-dixxipli ta’ Għemmaws u juri wkoll kontinwità mal-Preduċessur tiegħu l-Isqof Mario Grech li bħala motto kien għażel silta mill-istess ġrajja: “għarfuh fil-qsim tal-ħobż.”

L-Isqof Teuma spjega kif permezz ta’ dan il-motto jixtieq juri li Gesù dejjem jimxi mal-bniedem f’kull ċirkostanza tal-ħajja.

Bi tħejjija għall-Konsagrazzjoni, se tinżamm Velja ta' Talb fuq iz-Zuntier tas-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb, nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Settembru, fit-8.00pm, li titkompla b’lejl ta’ adorazzjoni Ewkaristika fil-Bażilika.

Intant, il-Knisja f’Għawdex se trodd ħajr lil Alla għall-ministeru episkopali ta’ Mons. Mario Grech bħala Ragħaj spiritwali tagħha permezz ta’ Konċelebrazzjoni Solenni ta’ Radd il-Ħajr fil-Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria, nhar is-Sibt 5 ta’ Settembru, fis-6.00pm.

More in Socjali