Ritratti | L-Isqof Għawdxi Giovanni Cefai jxammar il-kmiem biex jgħin lill-foqra milquta ħażin mill-pandemija

L-Isqof qed jappella għad-donazzjonijiet tal-Maltin u l-Għawdxin biex ikunu mgħejjuna dawn il-familji fil-Perù

L-Isqof Għawdxi Giovanni Cefai tas-Soċjetà Missjunarja ta’ San Pawl li qed jieħu ħsieb il-Prelatura Territorjali l-ġdida ta’ Santiago Apóstol de Huancané, fil-Perù, Xammar il-kmiem biex jgħin fid-distribuzzjoni tal-ikel għal dawk kollha li jgħixu fil-Muntanji ta’ Huancane u li wkoll intlaqtu ħażin mil-pandemija tal-COVID-19.

Fin-nuqqas ta’ makkinarju, l-Isqof il-ġdid għen biex jinħatt trakk mimli xkejjer ta’ għaġin, ross, żejt u bosta affarijiet oħra essenzjali biex wara li flimkien ma’ sħabu l-membri l-oħra tal-istess Soċjetàli jinsabu f’din il-Prelatura, ippakkjaw dawn l-oġġetti kollha f’diversi basktijiet li mbagħad tqassmu lil tant foqra.

L-Isqof Cefai qiegħed iżur lill-familji fiż-żona fejn joqgħod hu li qegħdin iħabbtu wiċċhom ma’ żmien diffiċli minħabba l-kwarantina. 

Semma wħud mill-familji li jiltaqa’ magħhom, fosthom omm ta’ ħamest itfal li tgħix waħedha magħhom. Wieħed minnhom huwa mejjet u tliet ulied oħra għandhom bżonnijiet speċjali. It-tifel l-ieħor irid jissapportja lill-familja kollha, filwaqt li l-omm għandha kundizzjoni medika, peress li ma tistax timxi, imma tqatta’ l-ġurnata kollha ssajjar għal familtha.

L-Isqof Cefai appella lil Maltin li jixtiequ jgħinu li jistgħu jagħmlu dan billi jagħmlu donazzjoni għal hemper li jiswa €10 liċ-Ċentru Animazzjoni Missjunarja, il-Ħamrun, u l-Għawdxin jistgħu jagħmlu dan billi jikkuntatjaw lil Fr. Norbert Bonavia, f’Dar Stella Maris fiż-Żebbuġ, Għawdex, jew direttament lill-BOV. Id-dettalji bankarji huma dawn:

Nru tal-kont bankarju: 4001765874-8 BOV

IBAN: MT44 VALL 2201 3000 0000 4001 7658 748

BIC CODE VALLMTMT

More in Socjali