Analiżi | Il-pandemija żiedet l-abbuż u l-isfruttament fuq il-ħaddiema fl-ekonomija 'informali' daqs qatt qabel

F’dan iż-żmien ikrah, ħafna ħaddiema ‘barranin’ prekarji qegħdin iġorru wkoll is-salib tar-razziżmu li jkompli jħajtanhom f’dinja ta’ deprivazzjoni materjali u esklużjoni soċjali. 

Miljuni ta’ ħaddiema madwar id-dinja, b’sogru kbir għal saħħithom u ħajjithom, baqgħu jdawru r-rota ekonomika.  Fost l-eluf kbar ta’ morda u mejtin hemm ħaddiema li kellhom ikomplu bil-ħidma tagħhom għax l-ebda skema ma tkopri l-waqfien mix-xogħol tagħhom jew, agħar minn hekk, ebda loġika burokratika tax-xogħol, saħħa u sigurtà ma taf bihom.  Il-ħaddiema fl-ekonomija informali huma vittmi ewlenin ta’ din il-pandemija.   Imxerrdin ma’ kull riħ tad-dinja, din l-armata ta’ ħaddiema tlaħħaq madwar żewġ biljun ruħ. Dawn il-ħaddiema jżejtnu primarjament lill-ekonomiji emerġenti, għalkemm l-ekonomija informali hija wkoll preżenti fl-ekonomiji avvanzati. Ċifri ppubblikati mill-Organizazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (l-ILO) jindikaw li 85.8% tax-xogħol fl-Afrika, 68.2% fl-Ażja u l-Paċifiku, 68.6% fid-dinja Għarbija, u 25% fl-Ewropa huwa informali.  

Ir-rota ekonomika ta’ ħafna pajjiżi tieqaf iddur kieku l-ekonomija informali kellha titwaqqaf zoptu permezz ta’ ‘lockdown’ totali.  Daqshekk hija preżenti l-ekonomija informali fl-ekonomiji nazzjonali u globali.  

Fost il-ħaddiema fl-ekonomija informali hemm min jaħdem għal rasu u jdawwar biżżejjed dħul biex jgħix b’dinjità.  Oħrajn jużaw l-ekonomija informali biex ikabbru d-dħul tagħhom.  L-ekonomija informali għandha wkoll għeruq fil-kriminalità organizzata.  Iżda, il-massa f’din id-dinja ekonomika hija prekarja, ġeneralment tagħmel dak li jiġi għal idejha, m’għandha protezzjoni ta’ xejn, tgħix bil-ġurnata u sikwit f’xifer il-faqar.  L-ekonomija informali tagħti ħajja prekarja lill-ħafna; ħajja li tista’ tkun temporanja iżda, sfortunatament, ħafna ma joħorġux minnha. 

'Il-pandemija żiedet l-abbuż'

Ħaddiema li jaħdmu fl-ekonomija informali jirrakkuntaw stejjer ta’ abbbuż.  Il-pandemija żiedet l-abbuż, u għal uħud mill-prekarji tal-ekonomija informali, il-pandemija fissret ukoll tkeċċija jew theddida tat-tkeċċija mill-pajjiż li sabu ruħhom fih fiż-żminijiet tax-xemx u l-bnazzi. 

Filwaqt li l-ekonomija informali taħtaf lil kull min issib dgħajjef, sew ħaddiema lokali kif ukoll ‘barranin’, tolqot bl-ikrah lill-prekarji ‘barranin’, li f’pandemija bħal din, u aktar minn qatt qabel, jintelqu għal riħhom, f’tiġrib li jitbandal bejn xogħol u sogru ta’ mard fuq naħa waħda u waqfien mix-xogħol u faqar fuq in-naħa l-oħra.  F’dan iż-żmien ikrah, ħafna ħaddiema ‘barranin’ prekarji qegħdin iġorru wkoll is-salib tar-razziżmu li jkompli jħajtanhom f’dinja ta’ deprivazzjoni materjali u esklużjoni soċjali.  

Carmel Borg
Carmel Borg

Mill-esperjenzi diretti li ġbart mill-Afrika, kontinent bi storja twila ta’ ekonomija informali ndiġena u ta’ tluq mill-kontinent ta’ eluf kbar ta’ ħaddiema bit-tama li joħorġu minn din l-ekonomija predatorja, naf tajjeb li għal numru ta’ prekarji ‘barranin’ li mardu bil-virus jew li tkeċċew mix-xogħol, konsegwenza tal-kalma ekonomika, it-tiġrib preżenti mhux biss jirrappreżenta traġedja personali iżda wkoll disfatta familjari fis-sens wiesa’ tal-kelma.  Uħud minn dawn il-‘barranin’ sfruttati mill-ekonomija informali huma mistennija mill-familji tagħhom li jappoġġjaw il-familja estensiva.  Numru kbir ta’ ħaddiema mxerrdin mad-dinja kollha huma ulied mibgħuta, il-magħżula tal-familja, dawk li l-familja tkun investit bi kbir fihom b’għażla preferenzjali.   Fuq l-ulied li jitilqu minn pajjiżhom tistriħ it-tama ta’ ħajja aħjar għal ħafna membri tal-familja.  Aspirazzjonijiet u aspettattivi li jsiru diżappunt ġenerali hekk kif il-ħolma tixxellef, u l-mibgħuta jidħlu fi sprall ta’ prekarjat li jiddallam aktar b’pandemija li tisirqilhom hobżhom. 

'Ix-xemx tal-isfruttament qed tiddi daqs qatt qabel'

Din il-pandemija waqqfet lill-ħafna prekarji mix-xogħol u tat l-aqwa opportunità lil min irid jisfrutta lill-ħaddiem biex jagħfas aktar il-morsa tal-isfruttament;  għax issa hemm armata akbar ta’ ħaddiema li lesta tagħmel minn kollox biex mhux biss tgħix iżda tkompli tonora l-obbligu tagħha li ssostni lill-għeżież tagħha. Lil hinn mix-xeni u r-rifletturi tas-solidarjetà, ix-xemx tal-isfruttament qiegħda tiddi aktar minn qatt qabel.  

Barra l-konsegwenzi ovvji ta’ pandemija li tattakka l-ekonomija li tidher, qajla naħsbu fil-konsegwenzi drammatiċi għall-prekarji li jgħixu ħajja ’l hinn mir-reġistri uffiċjali.  Per eżempju, għal uħud mill-prekarji ‘barranin’ l-għajnuna materjali li jibagħtu regolarment id-dar tagħhom - il-ftit flus li jfaddlu - mhux biss huwa obbligu lejn il-familja iżda kwistjoni ta’ unur.  Il-fiduċja u t-tama investita fl-emigrazzjoni tal-ulied tista’ tinbidel f’diżunur u mistħija jekk l-għajn tas-sostenn tinxef, kawża ta’ waqfien mix-xogħol minħabba l-pandemija.  Il-pressjoni tal-faqar tad-dar f’pajjiżhom taf tkun wisq tqila fuq il-prekarji, ir-rifjut tal-pandemija, u l-aġir tal-individwi f’dawk il-kundizzjonijiet mentali ħadd ma’ jista’ jipprevedih.  

Studji ta’ pandemiji passati juru li reazzjoni komuni li tirriżulta mill-pressjoni fuq il-‘barranin’ prekarji biex jieklu u jitimgħu lil familthom estensiva hija li jkomplu jfittxu xogħol li jipperikola ħajjithom u l-ħajja ta’ ħaddieħor bit-tixrid tal-mard.  Għal prekarji li m’għandhomx xaħam maħżun, jekk ma jaħdmux kuljum ma jieklux.   Il-biża’ tad-diżappunt jew tad-diżunur, flimkien mad-dinjità mhedda mill-faqar assolut u l-konsegwenzi severi tan-nuqqas materjali jwasslu biex dawn il-ħaddiema jagħmlu dak li aħna fil-kumdità tagħna nikkundannaw bħala njoranza, sfida, kapriċċ u theddida għas-saħħa pubblika.  

Din hi kategorija ta’ nies li l-għajta biex nibqgħu d-dar hija kundanna.  Wisq anqas ma tagħmel sens għalihom it-talba biex naħdmu mid-dar, jew għaliex ix-xogħol tagħhom ma jistax isir id-dar u/jew għax il-bejta tagħhom hija kamra li jaqsmu ma’ oħrajn.    Xogħol il-ħafna ħaddiema fl-ekonomija informali huwa fit-toroq, fuq il-lantijiet tax-xogħol, f’fabbriki u ħwienet tax-xogħol klandestini, fl-għelieqi, fuq il-baħar, max-xtajtiet, fid-djar u postijiet oħra fejn, ħafna drabi, jiġu f’kuntatt man-nies.  

... u fl-Amerika Latina

Fl-Amerka Latina il-fqar irribellaw kontra l-‘lockdown’, u għandhom raġun. Ir-restrizzjoni mingħajr l-għajnuna ekonomika u soċjali hija mmorali.  L-ghajta “Aħna bil-Ġuħ” dwiet ma’ Plaza de Bolivar, il-pjazza ewlenija ta’ Bogotá, il-kapitali Kolumbjana.  Fil-Perù, aktar minn għoxrin elf bejjiegħ u ħaddiema fl-ekonomija informali ġew arrestati għax m’obdewx l-ordnijiet.  Għall-eluf Peruvjani li nġabru mit-triq, id-distanza soċjali mitluba mill-Istat hija prużunzjoni falza għax l-awtoritajiet ma kkumpensawx ix-xogħol mitluf u l-faqar li segwa.  Għal ħafna prekarji, is-serq sar għażla morali.  

Il-pandemija urietna kemm il-politika tas-saħħa u l-politika soċjo-ekonomika huma marbutin flimkien, u kemm hu mportanti li nwensu lin-nies li naqflu ġewwa.  Il-marda virali tefgħat dawl fuq kemm jiġu affetwati ħażin, b’mod immedjat, il-ħaddiema prekarji.  Ir-reġistru tax-xogħol, il-fus tal-politika tal-kumpens, ma jagħtix stampa kompleta tat-tbatija li jġib miegħu l-‘lockdown’. Dan ir-reġistru ma jaqbadx il-ħafna ħaddiema li fi żmien li x-xemx kienet tiddi għalaqna għajnejna għall-abbuż u l-isfruttament tagħhom.   

Mhux fl-interess tal-ebda pajjiż u ekonomija sostenibbli li tant ħaddiema jibqgħu jaħdmu fl-ekonomija informali, ’l bogħod mix-xogħol leġittimu, ix-xibka soċjali u servizzi tas-saħħa.   Aktar ma tkun kbira din il-popolazzjoni aktar issir diffiċli li wieħed jikkontrolla l-mard u aktar diffiċli moralment li wieħed jagħti l-ordnijiet waqt pandemija.  Malta hija milquta sew minn dan il-flaġell.  

Dan hu mument biex flimkien naraw kif aktar nies joħorġu mill-infomalità u jidħlu fl-ekonomija formali.  L-ikel u l-kirjiet issussidjati jistgħu jkunu nċentiv.  L-għaqdiet ta’ min iħaddem u l-unjins, flimkien mal-Istat, għandhom jiżguraw li l-karità li qegħdin inqassmu llum lil dawn in-nies issir ġustizzja soċjali fil-futur immedjat.  

Carmel Borg huwa Professur fl-Università ta' Malta u kontributur ta' artikli u analiżi fuq il-gazzetta ILLUM

More in Socjali