L-MEA tipproponi tnaqqis fil-pagi ta' dawk il-ħaddiema fiċ-ċivil li mhux qed jaħdmu

Tgħid li dawn ma jistgħux jiġu privileġġjati fuq ħaddiema li jagħmlu l-istess xogħol mal-privat

L-Assoċċjazzjoni ta' Min Iħaddem (MEA) sostniet illi dawk il-ħaddiema taċ-Ċivil li mhumiex qed imorru għax-xogħol "ma jistgħux jiġu privileġġjati u jistennew paga sħiħa, inkluż l-allowances u ma jagħtu xejn lura, filwaqt li oħrajn bħalhom fis-settur privat qed isofru minn tnaqqis fid-dħul jew telf ta' impjieg."

"Għalfejn ħaddiem tal-Gvern jippretendi li għandu drittijiet aktar minn waiter li jaħdem ġo ristorant .i kellu jagħlaq?" staqsiet rettorikament l-MEA. 

Iżda l-General Workers’ Union (GWU) fi stqarrija sostniet li assolutament ma taqbilx li jkun hemm tnaqqis fil-pagi tal-ħaddiema tal-Gvern. Dan qalitu b’reazzjoni għal dak li qalet l-Assoċjazzjoni Maltija ta’ min iħaddem (MEA) fejn sostniet li s-salarji tal-impjegati fis-settur pubbliku li bħalissa huma wieqfa għandhom jitnaqqsu.

Sostniet illi ħaddiema  - kemm ta’ servizz pubbliku kif ukoll ta’ settur pubbliku -  qed jaħdmu bis-sħiħ f’ħafna oqsma u tassew qed jagħmlu s-sagrifiċċji tagħhom fosthom ħaddiema tas-sigurtà, ħaddiema tad-dwana, indafa pubblika, ħaddiema ġewwa AWAS, ħaddiema fil-manutenzjoni, Identità Malta, ħaddiema li jieħdu ħsieb l-anzjani, ħaddiema li għandhom x’jaqsmu mal-enerġija bħal WSC, ERL u ARMS Ltd, fost ħafna oħrajn.

Il-GWU fakkret ukoll li numru ta' ħaddiema qed ikollhom joqgħodu ukoll ġo hotels jew appartamenti 'il bogħod mill-familji tagħhom, biex ikunu jistgħu jibqgħu jagħtu servizz lis-soċjetà. "Ħafna ħaddiema oħra aċċettaw biex jiċċaqalqu mill-post tax-xogħol tagħhom u marru jagħtu servizz fejn hemm l-aktar ħtieġa."

More in Socjali