'Jaħsibna qed nikkonfoffaw kontrih, jgħidilna mhux vera jeżisti l-Covid-19 ... qed ngħixu fil-biża'

Familja li qed tesperjenza r-realtà tad-dimensja bħalissa. Jitkellmu mal-ILLUM dwar l-esperjenza li qed jgħaddu minnha....

Familja li tkellmet mal-gazzetta ILLUM qalet illi tinsab mħassba u nkwetata immens dwar membru tal-familja li għandu d-dimensja u li qed isibha diffiċli biex jgħix ħajtu bħalissa, mhux biss minħabba l-kundizzjoni tiegħu iżda wkoll minħabba illi suppost ma joħroġx mid-dar minħabba li għandu 84 sena u allura huwa vulnerabbli.

"Dan ir-raġel jiġi  n-nannu tal-għarusa tiegħi, huwa klinikament ippruvat li għandu d-dimensja, fil-fatt qabel dan kollu tal-coronavirus kienu kitbuh biex jidħol f'home.  Jgħix mas-sieħba tiegħu li għandha 70 sena u jgħixu f'darha," jispjega mal-ILLUM.  Huwa jkompli jispejga illi din il-persuna bid-dimensja, tgħix mas-sieħba għax ma jiftakarx li hu għandu dar u meta jaraha lanqas jinduna li dik hija d-dar tiegħu. 

Ikompli jispjega ma' din il-gazzetta kif qabel kienu joħorġu għal kafè, biex jixtri l-gazzetti u xi mixja żgħira, "imma issa m'għadhomx u ma jistgħux.  Is-sieħba tiegħu għandha 70 sena u bħalu hija meqjusa persuna vulnerabbli għall-Covid-19." 

Hu jgħid illi qed jispiċċa joħroġ kważi kuljum.  "Ma tistax tikkonvinċieh jibqa' ġewwa. Ġie fi stat fejn jaħseb li kulħadd qed jikkonfoffa kontrieh, jgħidilna li l-virus mhux vera jeżisti.  Kuljum iċċemplilna s-sieħba tiegħu u tgħidilna li ħarab, kuljum ngħixu fil-biża'.  

Jgħid li t-tfal tiegħu, kważi kollha jbatu minn xi kundizzjoni u dan iktar jikkumplika l-affarijiet biex imorru jarawh u jieħdu ħsiebu. 

"Kuljum infehmuh li hawn il-virus u x'inhu l-virus.  Ġieli nżommuh milli jipprova jitla' f'tal-linja..."

Jgħid illi minkejja li m'għandux sintomi, għandu bżonn xi forma ta' għajnuna.  "Il-homes qalulna li għalissa mhux se jaċċettaw nies ġodda u tifimha, imma għandu bżonn xi forma ta' attenzjoni," jgħid mal-ILLUM, b'leħnnu jixhed l-inwkiet u t-tħassib tal-familja. 

'Organizza l-attivitajiet li persuna tħobb tagħmel, involvihom ...'

Il-gazzetta ILLUM tkellmet mal-Professur Charle Scerri, Speċjalista fil-qasam tad-Dimensja. 

Huwa jgħid li ħafna drabi l-persuna tkun iddejqet ġewwa, kif qed tiddejjaq kwalunkwe persuna u allura tkun trid toħroġ. 

Għalhekk, jispjega Scerri, huwa importanti li jsiru attivtajiet li jinteressaw lill-persuna u li kemm jista' jkun jinvolvuha fil-ħajja ta' kuljum id-dar- minn ħaġa sempliċi bħat-tisjir għal passatempi tal-persuna. 

"Organizza, kemm tista' attivitajiet bħal mużika, kulħadd iħobb il-mużika.  Jekk iħobb il-futbol araw xi logħba.  Hawn ħafna nies bid-dimensja  - mhux biss fid-djar - illi jqattgħu ġurnata sħiħa ma jagħmlu xejn."

Insemmulu dan il-każ partikolari li wasal għand l-ILLUM u nfakkruh li din koppja ta' aktar minn 70 sena, fejn il-persuna b'dimensja għandu 84 sena. "Iktar u iktar.  Min jaf x'ħajja kellu, kemm mar postijiet, kemm ra affarijiet.  Ara kemm tista' taqsam esperjenzi," jgħid il-Professur Scerri. 

'Ix-xamm jevoka ħafna memorji'

Huwa jgħid li fejn persuna ma tkunx tista' tikkomunika sew, wieħed għndu juża l-kuluri u s-sens tax-xamm. 

"Bix-xamm tevoka ħafna memorji.  Jiena meta nxomm il-ħabaq, niftakar meta konna mmorru l-Armier u n-nanna tagħmlilna l-ħobż biż-żejt, bil-ħabaq.  Riħa ta' ikel differenti, ta' affarijiet ... kollox tista' tuża' biex tikkomunika.  Is-sens tax-xamm jibqa' hemm anke fi stat avvanzat ta' dimensja."

Huwa jgħid li ħafna nies bid-dimensja jikkomunikaw b'ġisimhom  - body language - jew inkella bl-espressjonijiet ta' wiċċhom u wieħed għandu jkun konxju ta' dan.  Jappella wkoll biex ma titkellmux ma' persuni bid-dimensja dwar memorji koroh u tad-dwejjaq. 

"Ħafna drabi jkunu jridu joħorġu għax jiddejqu ġewwa,"  jispjega Charles Scerri. 

Scerri itemm jgħid li ħafna drabi persuna bid-dimensja jkollha bżonn u meta dak il-bżonn ma jkunx qed jiġi sodisfatt joħorġu u jfittxu.  Għalhekk persuni bħal dawn il-familji jridu jaraw li dak il-bżonn qed jiġi sodisfatt.

Alzheimer Europe fil-fatt, li Scerri huwa Viċi Chairman tagħha, tgħid ċar fil-gwida tagħha għal dawk li qed jieħdu ħsieb persuni bid-dimensja bħalissa illi "dak li jgħodd huwa illi persuna bid-diemnsja tħoss sens ta' inklużjoni f'dawk l-affarijiet li jkunu qed iseħħu d-dar."

Intant dawk kollha li jixtiequ l-għajnuna jistgħu jċemplu fuq 1771 jew jibgħatu email fuq: [email protected]

More in Socjali