47 persuna salvati minn bastiment tas-salvataġġ Spanjol ftit 'il bogħod minn Malta

Abbord hemm mara tqila li magħha għandha tifla ta' seba' snin li hi ma tiflaħx

Dgħajsa li fuqha kellha abbord 47 persuna kienet lokalizzata minn bastiment tas-salvataġġ Spanjol, liema dgħajsa tinsab fiż-żona ta’ Tiftix u Salvataġġ ta’ Malta.

Il-bastiment, Aita Mari, operat mill-NG0 SMH, kienet fi triqitha minn Spanja għal Sirakuża meta daret biex issalva lill-immigranti.

Skont l-NGO Alarm Phone, il-bastiment ma għandux biżżejjed tagħmir mediku biex iżomm l-immigranti abbord u qed jitlob għall-għajnuna.

Dan l-iżvilupp seħħ wara li Alarm Phone ppubblikat recording ta’ talba għall-għajnuna li saret minn mara tqila abbord id-dgħajsa.

Ma’ din il-mara, hemm ukoll tifla ta’ seba’ snin. L-omm qalet li bintha ma tiflaħx u ma għandhomx ikel u xorb.

Din hija waħda minn żewġ dgħajjes li jinsabu bejn sema u ilma wara li kemm Malta u anke l-Italja għalqu l-portijiet tagħhom fid-dawl tal-pandemija tal-Covid-19.

Il-ġimgħa li għaddiet, Malta salvat 60 immigrant iżda informat lill-Kummissjoni Ewropea li l-portijiet tagħha se jingħalqu.

Aqra aktar fuq:

More in Socjali