Il-Ministru jiċħad li nqalbet dgħajsa viċin Malta u mietu l-immigranti kollha li kienu abbord

Il-Ministru saħaq li dinghy vojt fil-Mediterran ma jfissirx awtomatikament li l-immigranti abbord mietu mgħerrqa

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo ċaħad rapporti li dgħajsa li kellha abbord numru ta’ immigranti nqalbet fiż-Żona ta’ Tiftix u Salvataġġ ta’ Malta, bil-persuni kollha li kienu fuqha ma jinstabux.

Fuq Facebook Evarist Bartolo saħaq li r-rapporti ħarġu wara li ajruplan ta’ Frontex lemaħ dinghy vojt u mniżżel fil-baħar.

Il-Ministru saħaq li bħal dan id-dinghy hemm għexieren oħra fil-Mediterran u ma dan bl-ebda mod ma jfisser li l-immigranti li kienu fuqhom mietu mgħerrqa.

Għalhekk, saħaq il-Ministru, ma jfissirx li għax intlemaħ dinghy vojt ifisser li immigranti tilfu ħajjithom fiż-Żona ta’ Tiftix u Salvataġġ f’Malta.

Fl-aħħar sigħat il-Gvern Malti kien involut f’laqgħat mal-Libja, il-Ġermanja, l-Italja, Spanja u Franza fejn wassal b’mod formali l-pożizzjoni tiegħu dwar l-immigrazzjoni.

Spanja u l-Italja għalqu l-portijiet tagħhom ftit tal-jiem qabel ma ttieħdet id-deċiżjoni Maltija.

Hu mifhum li matul it-taħditiet ġie spjegat kif il-virus ħoloq sfidi għal Malta, speċjalment fuq il-qasam tas-saħħa u l-infurzar tal-liġi. 

Madanakollu hemm diversi dgħajjes bl-immigranti fil-Mediterran.

Intant, fuq il-midja soċjali qed iddur petizzjoni, indirizzata lill-Prim Ministru Robert Abela, bil-għan li Malta ssalva lil dawk l-immigranti li jinsabu bejn sema u ilma.

Il-petizzjoni bdiet iddur wara r-rapporti li nqalbet dgħajsa li fuqha kien hemm 47 persuna, inkluż mara tqila u tfal, liema persuni tilfu ħajjithom.

More in Socjali